Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — infiq fuq materjal ta' reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ntnefaq mill-Ministeru fuq materjal ta' reklamar inkluż fuq billboards, reklami fil-gazzetti, reklami fuq social media u leaflets jew pubblikazzjonijiet oħrajn li tqassmu fid-djar għal kull xahar bejn Jannar 2020 u Jannar 2022?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Djar residenzjali privati — Kaxxa tal-posta għas-suġġerimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24132 u ċjoè jista' jindika liema huma dawk id-djar residenzjali privati li għandhom sistema ta' kaxxa tal-posta għas-suġġerimenti u lmenti tar-residenti li tinġabar mill-anqas darba fix-xahar mill-Kap tad-Dar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan ir-rekwiżit mhux parti mill-istandards għad-Djar tal-Anzjani għaldaqsant mhux possibbli li din l-informazzjoni tinġabar korrettement.

Ministeru għal-Anzjani u l-Anzjanità Attiva

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24090, jista’ l-Ministru jgħid f’liema skala (grad) jaħdmu dawn il-persons of trust?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika t-talba tagħha dwar x’tip ta’ informazzjoni tixtieq.

Djar tal-anzjani — Involviment tar-residenti

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23405 u 22482 u ċjoè b'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22366, jista' jindika liema huma dawk id-djar residenti tal-privat li m'għandhomx kunsill magħmul mir-residenti stess, fejn huma jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut u s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tad-dar fejn huma qed jgħixu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar.

Djar tal-Anzjani – anzjani pożittivi għall-COVID-19

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24313, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk id-djar tal-anzjani li fihom hemm anzjan/i li bħalissa huma pożittivi għall-COVID-19? F’kull dar imsemmija kemm-il anzjan/a hemm? F’kull dar imsemmija kemm-il anzjan/a hemm li hu/hi pożittiv għall-COVID 19? Minn dawn il-persuni li nstabu pożittivi kemm il-persuna hemm li ħadet l-ewwel vaċċin? Minn dawn il-persuni li nstabu pożittivi kemm il-persuna hemm li ħadet l-ewwel u t-tieni vaċċin? Minn dawn il-persuni li nstabu pożittivi kemm-il persuna hemm li ħadet l-ewwel u t-tieni vaċċin kif ukoll il-booster?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — reklam fil-Gazzetta KullĦadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għamlitx reklam fl-edizzjoni tal-gazzetta KullĦadd tas-16 ta' Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn mill-ħatra ta' Robert Abela bħala Prim Ministru? Jekk iva, min approva dan ir-reklam u kemm ġie jiswa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, bħalma jiġri spiss matul is-sena, varji mezzi tal-midja u l-komunikazzjoni jiġu għand il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jitolbuna biex nirreklamaw magħhom dwar ħidma jew servizzi li ċittadin jista’ jirrikorri għalihom. Il-Ministeru u l-entitajiet ta’ taħtu jirreklamaw ma’ diversi mezzi tal-midja u t-talbiet isiru taħt diversi temi minn mezzi tradizzjonali bħal gazzetti, radjijiet u stazzjonijiet televiżivi, sa dawk aktar moderni, bħal portals, blogs, vlogs u websajts. Hu d-dmir tagħna li ninfurmaw u nedukaw b’mod ġenerali u mingħajr dawn il-mezzi tal-midja kieku żgur ma kienx jirnexxielna nagħmlu dan. L-approvazzjoni tar-reklamar issir skont il-proċeduri stabbiliti. Għal dan il-għan intużaw fondi allokati apposta fil-baġit tal-Ministeru bl-ispiża ta’ €2,000 (VAT eskluża).

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – Chairpersons, membri tal-bordijiet u entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tac-Chairpersons, membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar tal-anzjani – anzjani li huma pożittivi għall-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk id-Djar tal-Anzjani li fihom hemm anzjan/i li bħalissa huma pożittivi għall-COVID-19? F’kull dar imsemmija kemm-il anzjan/a hemm?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anjzanità Attiva — organogramma

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura (organogramma) tas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari (fil-każ li hemm wieħed)? Jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu diġà jaħdmu mas-servizz pubbliku u kemm minnhom qed jaħdmu bħala “persons of trust”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Waqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24070, ninfurmaha li l-għadd ta’ persuni fil-Minsteru li diġa’ jaħdmu mas-Settur Pubbliku hu ta’ 8, waqt li l-Persons of Trust jammontaw għal 8.

Djar Residenzjali Privati – kumitat konsultattiv

Question

Jista’ l-Ministru jindika dawk id-Djar Residenzjali Privati li għandhom kumitat konsultattiv fejn primarjament jiġu diskussi l-fehmiet u l-opinjonijiet tar-residenti ta’ dawn id-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li 15-il Dar Residenzjali Privata għandha kumitat konsultattiv fejn primarjament jiġu diskussi l-fehmiet u l-opinjonijiet tar-residenti ta’ dawn id-Djar. Dawn huma Casa Antonia, Casa Arkati, Casa Francesco, Casa Marija, Casa Paola, Casa San Paolo, Casa Serena, Dar Pinto, Golden Care, Residenza San Ġużepp, Roseville, Simblija, St. Elizabeth, Villa Messina u Zammit Clapp.

Servizz tas-Social Workers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18260 u jindika issa kemm hemm social workers li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani u fejn qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom? X’inhija l-lista ta’ stennija fil-preżent biex l-anzjani jirċievu dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent hemm disa’ social workers li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani. Is-social workers jagħtu servizz fil-komunità lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fil-kommunità u kif ukoll lil dawk l-anzjani li qed jgħixu fid-djar tal-anzjani u li għaddejjin minn problemi soċjali. Fil-preżent m’hemmx lista ta’ stennija biex anzjani jirċievu dan is-servizz.

Djar tal-anzjani u persuni b’diżabilità – testijiet tad-demm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm matul dawn l-aħħar sentejn fid-djar tal-anzjani u persuni b’diżabilità li minħabba xi problemi f’saħħithom ma jkunux jistgħu joħorġu minn djarhom? F’liema lokalitajiet saru dawn it-testijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-testijiet tad-demm fil-komunità saru hekk: · Fis-sena 2020 saru 5,419 intervent tal-flebotomija (tkompla proġett pilota fuq il-lokalitajiet B’Kara u Mosta, Ħaż Żabbar u Fgura). F’Ottubru 2020 – il-proġett ġie estiż ma’ Malta u Għawdex kollha. · Fis-sena 2021 saru 13,473 intervent ma’ Malta u Għawdex kollha.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda kuntratt, direct order, donazzjoni jew benefikati diretti jew indiretti oħra lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021.

Djar Residenzjali Privati – kaxxa tal-posta għas-suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk id-Djar Residenzjali Privati li għandhom sistema ta’ kaxxa tal-posta għas-suġġerimenti u lmenti tar-residenti li tinġabar mill-anqas darba fix-xahar mill-Kap tad-Dar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Djar residenzjali tal-Gvern – kumitat fejn jiġu diskussi ilmenti u suġġerimenti tar-residenti

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 14874, jista’ l-Ministru jindika jekk id-Djar Residenzjali kollha tal-Gvern għandhomx kumitat fejn jiġi organizzat minn ħaddiem soċjali u fejn jiġu diskussi l-ilmenti u s-suġġerimenti tar-residenti?’

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — Tiġdid ta' telework/remote working

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 23717.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — Contracts for Service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.

Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm huwa n-numru ta’ membri li jattendu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum matul il-ġimgħa fit-Tielet Distrett? Jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet miftuħa ta’ dawn iċ-Ċentri u jekk il-membri jingħatawx xi ikel jew xorb waqt dawn l-attivitajiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-Tielet Distrett hemm żewġ Ċentri ta’ Matul il-Jum, wieħed fiż-Żejtun u ieħor f’Marsaskala. Fiċ-Ċentru taż-Żejtun jattendu 37 membru filwaqt li fiċ-ċentru ta’ Marsaskala jattendu 65 membru. Fil-mument bħala miżura preventiva kontra l-Covid-19 qegħdin jiġu aċċettati mhux aktar minn 15-il membru fl-istess ċentru. Dawn iċ-ċentri jiftħu mis-sebgħa ta’ filgħodu sat-tlieta u kwart ta’ wara nofs in-nhar u l-membri li jattendu jiġu provduti ikel ħafif bħal te`, ilma, kafè u sandwiches.

Numru ta’ Anzjani li jgħixu f’Marsaskala

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ anzjani li jgħixu fil-lokalità ta’ Marsaskala u l-etajiet tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Djar tal-anzjani privati – sodod mixtrija mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22564 u jgħid kemm-il sodda fid-djar tal-anzjani privati kienu/huma mixtrija mill-Gvern għas-snin 2020 u 2021, maqsuma dar b'dar? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża globali, imħallsa mill-Gvern lil kull dar għas-sena 2020 u 2021?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva.