Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — infiq fuq materjal ta' reklamar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ntnefaq mill-Ministeru fuq materjal ta' reklamar inkluż fuq billboards, reklami fil-gazzetti, reklami fuq social media u leaflets jew pubblikazzjonijiet oħrajn li tqassmu fid-djar għal kull xahar bejn Jannar 2020 u Jannar 2022?
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — reklam fil-Gazzetta KullĦadd
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għamlitx reklam fl-edizzjoni tal-gazzetta KullĦadd tas-16 ta' Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn mill-ħatra ta' Robert Abela bħala Prim Ministru? Jekk iva, min approva dan ir-reklam u kemm ġie jiswa?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li, bħalma jiġri spiss matul is-sena, varji mezzi tal-midja u l-komunikazzjoni jiġu għand il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jitolbuna biex nirreklamaw magħhom dwar ħidma jew servizzi li ċittadin jista’ jirrikorri għalihom.
Il-Ministeru u l-entitajiet ta’ taħtu jirreklamaw ma’ diversi mezzi tal-midja u t-talbiet isiru taħt diversi temi minn mezzi tradizzjonali bħal gazzetti, radjijiet u stazzjonijiet televiżivi, sa dawk aktar moderni, bħal portals, blogs, vlogs u websajts.
Hu d-dmir tagħna li ninfurmaw u nedukaw b’mod ġenerali u mingħajr dawn il-mezzi tal-midja kieku żgur ma kienx jirnexxielna nagħmlu dan.
L-approvazzjoni tar-reklamar issir skont il-proċeduri stabbiliti. Għal dan il-għan intużaw fondi allokati apposta fil-baġit tal-Ministeru bl-ispiża ta’ €700.00 (VAT eskluża)
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — organogramma
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura (organogramma) tas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari (fil-każ li hemm wieħed)? Jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu diġà jaħdmu mas-servizz pubbliku u kemm minnhom qed jaħdmu bħala “persons of trust”?
Response (GALDES, RODERICK)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentarii 24070, ninfurmaha li l-għadd ta’ persuni fil-Ministeru li diġà jaħdmu mas-Settur Pubbliku hu ta’ 10, waqt li l-Persons of Trust jammontaw għal 9.
Jista’ l-Ministru jgħid:
a) kemm-il applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja tal-Awtorità tad-Djar fl-iskema ta’ installazzjoni ta’
stair lifts,
daħlu fl-aħħar sentejn;
b) kemm minnhom ġew approvati; u
c) f’dawk li ġew approvati, liema ditti ġew ingaġġati mill-applikanti?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar sentejn l-Awtorità tad-Djar irċeviet 272 applikazzjoni għal twaħħil ta’ stair lifts li minnhom 252 ġew approvati. Meta tiġi approvata applikazzjoni l-Awtorità tinforma lill-benefiċjarji bl-għotja massima li tingħata wara li jitlesta x-xogħol u jiġu sottomessi l-irċevuti fiskali.
Wara li jiġu approvati x-xogħlijiet il-benefiċjarji jqabbdu fornitur tal-għażla tagħhom sabiex jwaħħal l-istair lift. B’hekk l-Awtorità m’għandha l-ebda kontroll u deċiżjoni fuq liema ditti jew kumpaniji jiġu mqabbda sabiex iwettqu x-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx bil-ħsara tal-lift għal dawn l-aħħar 7 xhur fil-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista jgħidilna meta se jissewwa dan il-lift?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi peress li l-ħsara hija sostanzjali ġie determinat li huwa iktar vijabbli li jiġi mwaħħal lift ġdid milli jissewwa dak eżistenti. Ir-residenti ġew mitluba biex jagħmlu applikazzjoni f'dan ir-rigward permezz tal-iskema LFT, liema applikazzjoni qed tiġi pproċessata.
Jista’ l-Ministru jagħti skeda ta’ liema blokok li jinsabu fil-Housing Estate Ta’ Mlit, il-Mosta, se jsirilhom il-lift u b’liema ordni se jsir dan? Jista’ jgħid kif intgħażlu dawn il-blokok f’din is-sekwenza? Jista’ jagħti timeframe ta’ kemm qed jaħseb li x-xogħol se jdum u meta dan ix-xogħol sejjer ikun lest?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-installazjoni ta’ lifts fil-Housing Estate ta’ Mlit, Mosta qiegħed isir permezz ta’ l-Iskema LFT u permezz ta’ fondi ko-finanzjati permezz tal-proġett ERDF.08.043. Il-blokki li ha jipparteċipaw fil-proġett ERDF.08.043 huma;
Block
Bidu tax-xogħol
Perjodu Indikattiv meta sejjer ikun lest ix-xogħol
Block B3, Triq id-Dawr, Mosta
Lest
Lest
Block C1, Ent A, Triq il-Planeċ, Mosta
Lest
Lest
Block D2, Triq l-Istiratur, Mosta
Lest
Lest
Block F4, Triq in-Nasba, Mosta
Mibdi imma sospiż minħabba li l-kuntratt ġie terminat. Xogħol jitkompla fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar 2022
Awwissu 2022
Block A2, Triq il-Gzari, Mosta
Mibdi u ongoing
Lulju 2022
Block C3, Triq il-Gradiljoli, Mosta
Mibdi u
ongoing
Lulju 2022
Block C5, Triq il-Gradiljoli, Mosta
Mibdi u
ongoing
Lulju 2022
Block G1, Triq it-Trinċetta, Mosta
Mibdi u
ongoing
Lulju 2022
Block G4, Triq it-Trinċetta, Mosta
Frar 2022
Awwissu 2022
Block B2, Triq l-Istiratur, Mosta
Marzu 2022
Settembru 2022
Block B4, Triq id-Dawr, Mosta
Marzu 2022
Settembru 2022
Block D3, Triq il-Kultellazz, Mosta
Marzu 2022
Settembru 2022
Block G3, Triq l-Istiratur, Mosta
Marzu 2022
Settembru 2022
Il-programm tal-2022 hu skond kif inhuma mogħtija l-kuntratti. Ix-xogħol f’kull blokk idum bejn 6 – 9 xhur skond iċ-ċirkostanzi speċifiċi li wieħed isib f’kull blokka, b’mod partikolari fil-pedamenti, u dewmien fil-manifattura u shipping tal-lift u termini tal-kuntratti li bihom jitwettaq dan ix-xogħol.
Is-sekwenza li fiha sejrin jitwettqu x-xogħlijiet hi bbażata skond l-iskop aħħari ta’ dawn il-fondi għall-Housing Soċjali ċioe bi prijorita’ tingħata lill-Blokki li għandhom l-għola numru ta’ appartamenti mikrija mill-Gvern ta’ Malta jew l-Awtorita’ tad-Djar.
Sfortunatament il-Blokok G4, B4, G3, B2, F4, u D3 li ngħataw prijorita’ kienu f’tender li kellu jiġi tterminat u b’hekk dawn ix-xogħlijiet m’għadhomx skond il-programm oriġinali.
Skema għall-applikazzjoni tal-lift volontarja (LFT)
Block
Bidu tax-xogħol
Perjodu Indikattiv meta sejjer ikun lest ix-xogħol
Block F1, Triq in-Nasba, Mosta
Frar 2022
Novembru 2022
Block D, B, Triq il-Gradiljoli, Mosta
Preparazzjoni tat-tender, biex dan il-proġett ikun inkluż
2023
Block A5, Triq il-Gzari, Mosta
Applikazzjoni riċenti
Block A4, Triq il-Gzari, Mosta
Applikazzjoni riċenti
Block A1, Triq id-Dawr, Mosta
Applikazzjoni riċenti
Block F2, Triq in-Nasba, Mosta
Applikazzjoni riċenti
L-applikazzjonijiet volontarji permezz tal-iskema LFT jiġu pproċessati skond l-ordni ta’ kif jidħlu l-applikazzjonijiet għand l-Awtorita'. Applikazzjonijiet minn residenti f'kundizzjoni ta' saħħa mwergħa jingħataw prijorità.
Reġistrazzjoni ta’ kirja – persuni mressqa l-Qorti
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' sidien li tressqu l-Qorti minħabba li naqsu li jirreġistraw kirja minn mindu nbidlet il-liġi u sar mandatorju li l-kera tiġi reġistrata? Dawn il-proċeduri jinbdew wara rapport speċifku min-naħa tal-kerrej jew wara li l-Awtorità tagħmel spezzjonijiet minn rajha?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi s’issa l-Awtorità tad-Djar għaddiet 15-il każ lil Pulizija hekk kif jitlob Kap 604/2019. Minn dawn, erba’ każijiet ġew imressqa l-Qorti filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-każijiet l-oħra għadhom għaddejjin.
L-investigazzjonijiet ġew mibdija wara li l-Awtorita’ irċiviet rapporti dwar nuqqasijiet.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24038, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra f’liema ġurnata ser jinbdew ix-xogħlijiet?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi laqgħa mal-kuntrattur il-ġdid li sejjer ikompli dan ix-xogħol minnufih twettqet fid-19 ta’ Jannar 2022 fejn għal din il-laqgħa kien hemm preżenti numru ta’ residenti konċernati.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Fondazzjoni msemmija ma ngħatat l-ebda kuntratt, direct order, donazzjoni u/jew xi benefiċċju dirett jew indirett fil-perjodu ndikat.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22929, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta ser jibda x-xogħol fil-flats inkwistjoni għax ir-residenti għadhom ibatu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi x-xogħol fuq il-blokka msemmija ser ikun qed jitkompla matul dan ix-xahar.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23717.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Contracts for Service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir ezerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-uzu ta’ ħafna rizorsi umani tal-entitajiet varji.
Benefiċċju lill-inkwilini għaż-żieda fil-kirjiet ta' qabel l-1995
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inkwilin ibbenefika mill-benefiċċju għaż-żieda fil-kirjiet ta' qabel l-1995 mill-1 ta' Ġunju 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s’issa 25 inkwilin ibbenefikaw minn sussidju fuq kirjiet li ilhom fis-seħħ minn qabel Ġunju 1995 u li l-kera tagħhom żdiedet permezz ta’ sentenza tal-Bord li Jirregola l-Kera.
Benefiċċju lis-sidien għaż-żieda fil-kirjiet ta' qabel l-1995
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sid ibbenefika mill-benefiċċju għaż-żieda fil-kirjiet ta' qabel l-1995, mill-1 ta' Ġunju 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-talba tas-sidien għal żieda fil-kera ssir quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera. L-inkwilini kollha li jissodisfaw il-kriterji tat-test tal-mezzi sabiex ikomplu l-kirja huma ntitolati għal sussidju u għalhekk in-numru ta’ sidien li bbenefikaw minn żieda fil-kera huwa viċin iċ-ċifra ndikata f’PQ23572.
Ħal Tarxien — persuni li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet ta’ qabel l-1995
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni minn Ħal Tarxien tul din is-sena bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma l-Kamra kemm persuni rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ma bbenefika ħadd mil-lokalità ta’ Ħal Tarxien għas-sussidju fuq il-kirjiet li saru qabel l-1995 u ma kien hemm ħadd li rrikorra għall-assisstenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.
Ħal Tarxien — persuni li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet ta’ wara l-1995
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni minn Ħal Tarxien tul din is-sena bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma l-Kamra kemm persuni rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa kien hemm 38 persuna mil-lokalità ta’ Ħal Tarxien li matul din is-sena bbenefikat mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara l-1995. L-ispiża sal-lum kienet ta’ €89,681.
L-Awtorità tad-Djar tagħti sussidju fuq il-kirjiet kollha iżda għajnuna dwar każijiet ta’ żgumbrament tingħata biss għal kirjiet ta’ qabel Ġunju 1995.
Gudja — persuni li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet ta’ qabel l-1995
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni mill-Gudja tul din is-sena bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma l-Kamra kemm persuni rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ma bbenefika ħadd mil-lokalità tal-Gudja għas-sussidju fuq il-kirjiet li saru qabel l-1995 u ma kien hemm ħadd li rrikorra għall-assisstenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.