Legislature:
Category:
Reset
Active:

Cat Cafès

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta' qisien li jrid ikollu cat cafè u x'inhu mistenni li jkun hemm qabel jinfetaħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, skont il-linji gwida tal-Iskema ta’ Sapport għall-Kunsilli Lokali għat-Twaqqif ta’ Spazji Rikreattivi Miftuħa, Żoni ta’ Logħob Sensorjali u Green Pockets li jinkludu Dog Parks u Cat Cafès 2026, is-sit propost għandu jkun ta’ mill-inqas 1,500 metru kwadru, li minnhom 80 % jintuża għal landscaping  u pajsaġġ u mhux aktar minn 20 % għall-cat cafè. Il-cat cafè nnifsu m’għandux qisien fissi iżda jrid ikun fi proporzjon ma’ dan l-20 % u għandu jinżamm segregat b’mod ċar miż-żona tal-ġnien. Qabel ma cat cafè jinfetaħ, il-Kunsill Lokali jrid jissottometti pjanta tas-sit iffirmata minn perit (skala 1:5000), jikseb il-permessi regolatorji kollha meħtieġa, jipprovdi prova ta’ sjieda jew dritt ta’ użu tal-art, u jkollu stima finanzjarja dettaljata. L-applikazzjoni tibqa’ pendenti għal disa’ xhur sakemm jinkisbu l-permessi, u l-ftehim jiġi ffirmat biss meta jiġu ppreżentati kollha.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klinika - Inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali kinitx talbet biex tinbeda inkjesta fuq il-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u kif l-annimali kienu qed jingħataw is-servizz mediku? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid għaliex l-annimali baqgħu jintbagħtu hemm sakemm tneħħa kull dubju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali mhuwiex l-awtorità kompetenti biex jinvestiga kliniċi privati. Ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-kliniċi privati jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur responsabbli għas-servizzi veterinarji, skont ir-Regolamenti dwar il-Liċenzjar ta’ Stabbilimenti Veterinarji Privati.

Każ ta’ mewt ta’ kelb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid biex miet il-kelb tar-razza Shih Tzu nhar il-Ġimgħa 17 ta' April, 2026 u jikkonferma li dan kien kelb li ġie kkunfiskat mingħand sidu għax ma kienx trattat sewwa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klinika - Annimali mejta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm annimali li mietu ġewwa l-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wara li ġew megħjuna mill-ambulanza, u jaqsam in-numri skont l-ispeċi differenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-istatistika għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klinika - Visti mill-veterinarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fi x’ħin jiġu invistati u trattati minn veterinarju l-annimali misjuba fit-triq wara d-9.00 pm ladarba l-veterinarju jidħol biss fil-klinika għall-visti mill-4.00 pm ’l quddiem sa madwar it-8.00 pm jew id-9.00 pm? Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li ħafna drabi dawn l-annimali lanqas jingħataw xi forma ta’ anaesthetic jew painkiller sakemm ikunu qed jistennew li jiġu invistati, liema ħin jista’ jkun twil anke madwar 20 siegħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta dwar il-ħin li fih jiġu eżaminati u ttrattati l-annimali misjuba fit-triq wara d-9:00pm. Il-kuntratt bejn id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u l-klinika kuntrattata jistipula b’mod ċar li s-servizz ta’ emerġenza għandu jkun disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, inklużi l-weekends u l-festi pubbliċi. Dan ifisser li, skont l-obbligi kuntrattwali, kull annimal misjub fit-triq irid jiġi riċevut u eżaminat minn veterinarju malli jasal il-klinika, irrispettivament mill-ħin tal-ġurnata. Barra min hekk, il-klinika hija obligata li topera skond il-ligi sussidjarja SL 437.106, Regolamenti dwar il-Liċenzjar ta’ Stabbilimenti Veterinarji Privati u linji gwida maħruġa mill- Kunsill tal-Kirurġi Veterinarji li jirregola l-professjoni f’ dan il-qasam.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Annimali sokkorsi mill-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'ser isir mill-annimali tat-triq li qed jiġu megħjuna mill-ambulanza, peress li l-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali kienet qed tħallihom għal sigħat twal mingħajr attenzjoni veterinarja? Jista’ jgħid ukoll x’ser ikun qed jagħmel biex jara li xi ħadd jieħu r-responsabbiltà għal dan?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35935, fejn ġew indirizzati l-istess kwistjonijiet ta’ kura veterinarja u l-obbligi kuntrattwali.

Biċċerija - Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fil-biċċerija f’Malta fil-preżent, x’inhu l-grad tagħhom u kemm ilhom jaħdmu Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 16-il ħaddiema Għawdxin jaħdmu fil-Biċċerija f’Malta fil-preżent. Fost dawn hemm 9 AVTOs, 5 Biċċiera, Maniġer u Senior Foreman.

Pitkalija – Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fil-Pitkalija ġewwa Malta fil-preżent, x’inhu l-grad tagħhom u kemm ilhom jaħdmu Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 14-il ħaddiema Għawdxin jaħdmu fil-Pitkalija ġewwa Malta fil-preżent. Hemm tnax Support Officers II u żewġ Managers.

PA/00231/26 Location of development: Infill Vacant Plot, Access off, Triq il-Biccerija, Xewkija Description of works: To construct a store Class 6A for agricultural produce

Question

Jista’ l-Ministeru jispjega fid-dettall fiex tikkonsisti l-applikazzjoni ‘PA/00231/26 Location of development: Infill Vacant Plot, Access off, Triq il-Biccerija, Xewkija Description of works: To construct a store Class 6A for agricultural produce’? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux diġà jew jekk fil-preżent humiex qed isiru xogħlijiet infrastrutturali u xogħol ieħor fis-sit indikat minn din l-applikazzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni msemmija hija biex issosstni l-ħidma li ser ikun hemm fl-operat tal-Pitkalija ta’ Għawdex. Bħalissa waslu fil-fażi finali x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-binja eżistenti biex tgħin f’dan ir-rigward.

Bdiewa li se jirtiraw - Art agrikola - Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk infetħitx is-sejħa biex żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu art agrikola minn bdiewa li se jirtiraw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li biex ikun possibbli li tingħata art agrikola lill-bdiewa żgħażagħ, kien hemm bżonn li l-ewwel tinħareġ sejħa għal sidien ta’ art agrikola. Dan sabiex dawk is-sidien ikunu jistgħu joffru l-art tagħhom lill-Aġenzija, li mbagħad taġixxi bħala intermedjarja bejn is-sidien u l-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur jew jespandu l-attività tagħhom. Għalhekk, l-Aġenzija RAM ħarġet sejħa għal sidien interessati biex joffru l-art agrikola tagħhom ħalli tintuża għall-iskop agrikolu tagħha. Ġew sottomessi diversi applikazzjonijiet, u bħalissa l-Aġenzija qed tevalwa u tivverifika l-kwalità u l-potenzjal tal-artijiet offruti. Ladarba dan il-proċess jiġi konkluż, imbagħad tinħareġ sejħa oħra indirizzata lill-bdiewa żgħażagħ sabiex dawn ikunu jistgħu japplikaw u jingħataw l-art agrikola disponibbli.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Ħaddiema li daħlu b’emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali kellux idaħħal xi ħaddiema b'emerġenza fejn tħallsu overtime, nhar il-Ġimgħa 20 ta' Marzu u nhar it-Tnejn 30 ta' Marzu, fid-dawl li dan l-istess direttorat inqabad bi ftit ħaddiema u biex l-annimali setgħu jiġu mitmugħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li kif kien pjanat, nhar il-Ġimgħa 20 ta' Marzu, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali daħħal persuna waħda overtime u żewġt uffiċċjali oħra nhar it-Tnejn 30 ta' Marzu sabiex jieħdu ħsieb l-annimali.  Dan sabiex ikun assigurat il-benessri tal-annimali u biex ma jkunx hemm nuqqas ta’ persunal.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2026?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari W 523.

Ors li nstab Malta

Question

Fid-dawl li s-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali semmiet li ftit snin ilu nstab ors ġewwa Malta u ġie salvat u mibgħut ġewwa santwarju barra minn Malta, jista’ l-Ministru jagħti l-isem ta' dan is-santwarju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta il l-imsemmija orsa ġiet relokata fiz-Żoo ta' Osnabrück fil-Ġermanja.

Klieb li kienu se jintbagħtu f’santwarju ġewwa Napli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-flus li ntefqu biex xi klieb jintbagħtu f’santwarju ġewwa Napli ġewx irritornati lura jew le?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi fid-dawl li l-kuntratt għadu validu, l-opertur ħareġ credit note u li is-servizzi ser jingħawtaw f’ servizzi oħra relatati.

Klieb li kienu se jintbagħtu f’santwarju ġewwa Napli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa biex xi klieb jintbagħtu f’santwarju ġewwa Napli?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-nefqa biex xi klieb jintbagħtu f’santwarju ġewwa Napli kienet tammonta għall-€88,000 VAT eskluża.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Building capacity

Question

Jista’ l-Ministru jindika ta min hi r-responsabbiltà li jorganizza l-building capacity tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li d-Direttur jidentifika l-ħtiġijiet tal-istaff fil-Pjan tar-Riżorsi Umani, li jitħejja għal perjodu ta’ tliet snin u jiġi rivedut kull sena skont l-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali (Kap. 534). Ir-reklutaġġ isir permezz ta’ sejħiet għall-applikazzjonijiet u Bord tal-Għażla, wara li l-vakanza tkun ġiet approvata fil-Pjan tal-HR. Il-bini tal-kapaċità (capacity building) jiffoka fuq l-istaff eżistenti permezz ta’ promozzjonijiet, progressjonijiet, detailing u secondments. Filwaqt li r-reklutaġġ jindirizza l-mili ta’ vakanzi minn barra, il-bini tal-kapaċità jnaqqas il-ħtieġa ta’ reklutaġġ estern billi jottimizza l-użu tal-istaff eżistenti. Dan kollu jsir taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Permanenti u d-Direttur, b’monitoraġġ u approvazzjoni mill-People and Standards Division (P&SD).

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Trasferimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx individwi fi rwoli partikolari li bħalissa talbu u qed jistennew trasferiment mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għal xi direttorati oħra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li preżentament id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ma għandu l-ebda talba formali għal trasferimenti għal xi direttorati oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34147, 34294, 34650, 34883 u 35318 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (REFALO, ANTON)

l-informazzjoni qed tinġabar.