Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati — impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17416, jista' l-Ministru jgħid kemm intgħażlu persuni wara s-sejħiet ta’ messaġiera, xufiera, deputy registrar, ICT support assistant,systems administrator u marixalli tal-qorti u kemm minnhom ġew impjegati mal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti u kemm minn dawn l-impjegati kienu minn barra l-Aġenzija u/jew is-servizz pubbliku?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li mid-data tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u fil-gradi msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari, l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ingaġġat 3 Messaġġiera, 2 Xufiera, Deputat Reġistratur u ICT Support Assistant minn barra l-Aġenzija u 4 Deputati Reġistraturi u 4 Marixxalli wara sejħiet interni. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Systems Administrator għadha qed tiġi proċessata.

Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti – żieda fl-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-impjegati tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fin-numru ta' membri tal-ġudikatura li nħatru fl-aħħar xhur?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ressqet it-talba tagħha għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali u wara li ġiet approvata l-imsemmija talba, l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ħadet il-passi meħtieġa mal-JobsPlus għall-ingaġġ tal-impjegati mal-Imħallfin u l-Maġistrati li ġew appuntati reċentement. Rigward il-postijiet ta’ Deputat Reġistraturi, Assistenti Ġudizzjarji (part-time) u Skrivani dawn jinsabu fil-proċessi tal-għażla, Rigward il-postijiet ta’ Messaġġiera u Xufiera, l-proċess mal-JobsPlus inbeda minn qabel ma ġew maħtura il-ġudikanti l-ġodda.

Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti – remunerazzjoni tal-ex CEO

Question

Jista' l-Ministru jispjega t-termini tal-ingaġġ u r-rimunerazzjoni tal-ex CEO tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti li ġie ingaġġat bħala konsulent mal-istess Aġenzija wara li rtira?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-konsulent qiegħed fuq bażi ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa u l-kuntratt huwa sal-aħħar ta’ Novembru 2021. Il-pakkett finanzjarju jinkudi salarju bażiku marbut ma’ Skala 3 tas-Servizz Pubbliku (pro-rata), u allowances pro-rata marbutin mal-komunikazzjoni, trasport u expertise.

Asset Recovery Bureau — Kap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Kap tal-Asset Recovery Bureau llum fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza, u meta kien appuntat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma’ jkolli tweġieba jispeċifika x’jifhem b’’Kap’ a tenur ta’dak provdut fl-Att numru 5 tas-sena 2021.

Asset Recovery Bureau — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-CEO tal-Asset Recovery Bureau fil-preżent?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi ma hemm l-ebda CEO. L-uffiċċju għandu Direttur. Bħalissa hemm aġent direttur li flimkien mal-Bord qed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna. Il-Ministeru qed jagħmel proċess a tenur ta’ dak dettat mill-Artiklu 9 tal-Att 5 tas-sena 2021 u fi żmien opportun dan il-proċess ikun komplut.

Asset Recovery Bureau – proċess tal-għażla għal CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ġie l-ewwel, it-tieni u t-tielet fil-proċess ta’ għażla għal CEO tal-Asset Recovery Bureau?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex isib it-tweġiba tiegħu fit-tweġibiet għad-domandi bin-numru 20746 u 20783 rispettivament.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — Position of Trust - salarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji għal persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f' mistoqsija numru 21586.

Ħlas ta’ Manteniment

Question

Jista’ l-Ministru jindika kif qed jiġi kkalkulat il-manteniment f’każijiet ta’ separazzjonijiet fil-Qorti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwestjoni dwar kif jiġi kkalkulat il-manteniment f’każijiet ta’ separazzjonijiet fil-Qorti huwa regolat mill-Liġi u mill-Qrati nfushom. Hemm numru ta’ liġijiet li jitkellmu dwar il-manteniment fosthom l-artikolu 54(2) tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16) li jipprovdi dwar l-obbligu tal-manteniment f’każijiet ta’ separazzjoni billi jitqiesu l-mezzi tal-koppja li qed tissepara, il-ħiliet tagħhom li jaħdmu u l-bżonnijiet tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-istess koppja u l-bżonnijiet tal-ulied.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħlas lil ditta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk, mill-2013 sal-lum, x’entità fi ħdanu ħallset lid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew ġietx mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mill-istess ditta? Jekk iva, jistax jagħti d-dettalji?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-ebda entita’ fi ħdan il-Ministeru tiegħi ma għamlet ħlasijiet lid-ditta li d-dettalji tagħha inagħtaw seperatament.

Qorti tal-Maġistrati – espert finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm-il darba l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inħatar bħala espert finanzjaru tal-Qorti tal-Maġistrati u minn liema Maġistrat għal kull sena, wara l-2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw seperatment qatt ma nħatar bħala espert finanzjarju tal-Qorti tal-Maġistrati wara l-2013 sal-aħħar ta’ Mejju 2021.

Qorti tal-Familja f’Għawdex — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2019 sal-lum, sena b' sena, kemm-il każ daħal fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex li mar għal medjazzjoni? Jista' jgħid illum kemm hemm medjaturi fil-Qorti tal-Familja f'Għawdex u kemm-il siegħa fil-ġimgħa jaħdmu dawn il-medjaturi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mis-sena 2019 sal-aħħar ta’ Mejju 2021 daħlu s-segwenti każi fil-Qorti tal-Familja f’Għawdex li marru għal medjazzjoni. Fil-Qorti ta’ Għawdex hawn medjatriċi waħda li taħdem 6 siegħat kull ġimgħa. SenaTotal 201990 202088 2021 sal-aħħar ta’ Mejju43

Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21318, jista' l-Ministru jispjega għala ma saret l-ebda sejħa ġdida sabiex jinħatar Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali ġaladarba ma nstab l-ebda wieħed idoneu għal din il-pożizzjoni wara s-sejħa li kien hemm? Jista' jispjega meta ser jittieħdu l-passi biex jinħatar Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, waqt li l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali qed tiffunzjona aħjar minn qatt qabel, b’investiment konsiderevoli li sar mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur, il-ħatra ta’ Kap qiegħda tiġi diskussa u aktar dettalji jingħataw fiz-żmien li ġej.

Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi – lista ta’ assi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-assi li fil-preżent qegħdin fil-pussess tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi u kemm kien l-ammont ta' assi li ġew mibjugħa minn dan l-Uffiċċju, sena b'sena, mill-2015 'il hawn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza tal-Ministru hi BMW 520 D Saloon li qed tinkera għal €29.66 (VAT eskluża) kull ġurnata.

Bini tal-Qorti ġdida ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar l-aħħar żviluppi dwar il-bini ta’ Qorti ġdida ġewwa Għawdex u jgħid x'sar f'dawn l-aħħar ġimgħat u x'inhu jsir bħalissa biex dan il-proġett li ilu mwiegħed seba' snin, isir? Fejn ser isir dan il-Qorti ġdid u meta hu mistenni jibda x-xogħol? Sadanittant x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jassigura li l-Qorti fiċ-Ċittadella jkun aċċessibbli għal kulħadd?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija fuq il-bini ta’ Qorti ġdida ġewwa Għawdex nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsia tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Fir-rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Amministrazzjoni tal-Qorti ta’ Għawdex tagħmel dak kollu li hu possibbli sabiex tnaqqas mill-problemi tan-nuqqas ta’ aċċessibilita’ b’mod immedjat, bħal per eżempju jintbagħtu deputati reġistraturi jagħtu l-ġuramenti, kif ukoll jinstemgħu xhieda u jsiru seduti barra mill-bini tal-Qorti kemm mill-Maġistrati kif ukoll mill-Assistent Ġudizzjarju.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — siġar u pjanti miżrugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar/pjanti mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet ta’ taħtu, mill-2008 sal-lum?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi u l-entitajiet li jaqaw taħtu ma żerawx siġar/pjanti mill-2008 sal-lum.

Manager (Legal Procurator)

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21358, jista' l-Ministru jispjega għala nħasset il-ħtieġa illi jinħatar Manager (Legal Procurator) u x'inhi l-mansjoni ta' din il-kariga?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-mansjonijiet tas-servizzi tal-għajnuna legali komplew jissaħħu matul din l-aħħar snin u peress li l-volum ta’ xogħol kompla jiżdied b’diversi servizzi marbuta kemm fil-Qorti Ċivili, fil-Qorti tal-Maġistrati u fis-servizzi għall-vittmi tal-vjolenza domestika, inħasset il-ħtieġa li toħroġ il-vakanza pubblika ta’ Prokuratur Legali li hija ekwivalenti ta’ Maniġer fl-istruttura tal-gradi u salarji tal-Aġenzija. Din il-kariga kienet meħtieġa sabiex is-servizz tal-għajnuna legali jkompli jsir b’aktar mod professjonali. Il-Prokuratur Legali assenjat mal-Aġenzija: i. jgħin lill-avukati tal-għajnuna legali sabiex jipprovdi nformazzjoni fil-każijiet megħjuna bl-għajnuna legali quddiem il-Qrati; ii. jikkordina xogħol mal-avukati u prokuraturi legali fuq il-listi uffiċjali tal-għajnuna legali flimkien mal-amministrazzjoni tal-Aġenzija; iii. ikellem lil dawk il-priġunieri li jitolbu assistenza tal-għajnuna legali sabiex jara xi bżonnijiet għandhom qabel ma jsiru appuntament mingħajr ħtieġa mal-avukat tal-għajnuna legali; iv. jirrapreżenta lill-Aġenzija fil-każijiet fil-Qrati fejn ikun meħtieġ; v. iħejji rikorsi u jassisti klijenti f’każijiet urġenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati; vi. isegwi n-notifiki tar-rikorsi magħmulha f’isem l-Aġenzija; vii. f’termini qosra quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jidher sabiex jassisti lill-vittmi ta’ vjolenza domestika; viii. jivverifika l-atti tal-avukat tal-għajnuna legali fl-Aġenzija qabel ma jiġu ppreżentati fir-Reġistri tal-Qrati; ix. jagħmel riċerka meħtieġa fl-atti tal-Qorti dwar klijenti tal-għajnuna legali u dwar aspetti ta’ natura legali.