B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4571, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha billi jippubblika lista tal-NGOs li rċevew finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex fis-snin 2024, 2025 u 2026, bl-ammont u l-għan ta’ kull għotja, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi miġbura.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-investiment fil-korsa taż-żwiemel f'Ta' Xħajma u jekk hemmx il-ħsieb li bħala parti mill-proġett se jkun jinkludi wkoll open spaces għall-familji? Jista' jgħid ukoll x'baġit ta' fondi ġie allokat għal tali proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħareġ l-permess biex jiġu rranġati l-istalel u qed jiġi abbozzat id-dokument ta’ tendering.
Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorat jew taqsima hija responsabbli għall-amministrazzjoni, it-tindif u l-manutenzjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex, inkluż il-manutenzjoni tal-art taċ-ċimiterju? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema allokati maċ-ċimiterju, u xi dmirijiet u xogħlijiet huma allokati lil kull kategorija ta’ ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn id-dmirijiet jinkludux it-tindif tal-uċuħ esterni tal-oqbra, u jekk iva, x’inhi l-frekwenza ta’ dan it-tindif? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-frekwenza għat-tindif taż-żoni komuni, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, u l-ġbir tal-iskart? Jista’ wkoll jindika meta saret l-aħħar spezzjoni tas-sit, x’miżuri immedjati se jittieħdu biex issir il-manutenzjoni meħtieġa – inkluża dik tal-artijiet taċ-ċimiterju – sabiex jiġi żgurat li dan jibqa’ nadif, sigur u dinjituż, u jispeċifika l-perjodu ta’ żmien mistenni biex jitlestew dawn l-azzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dan iċ-ċimiterju jiġu assenjati impjegati skont l-esiġenzi tas-servizz, li x-xogħol tagħhom ivarja minn superviżjoni u ż-żamma tal-indafa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-manutenzjoni tal-artijiet taċ-Ċimiterju, matul ix-xhur li għaddew saret spezzjoni mill-Perit inkarigat sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni tas-sit u jiġu identifikati x-xogħlijiet meħtieġa. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Ministeru ħareġ sejħa għall-offerti sabiex isiru l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, liema investigazzjonijiet diġà nbdew. Ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet se jservu bħala bażi sabiex jiġu determinati l-interventi tekniċi meħtieġa u sussegwentement tkun tista’ tinħareġ is-sejħa għall-offerti għat-twettiq tax-xogħlijiet.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Swor Marcelina Tabone – Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex tissewwa l-medda ta’ madwar 100 metru fi Triq Swor Marcelina Tabone - li qabel kienet magħrufa bħala Triq il-Mitħna - fir-Rabat, Għawdex, li għal dawn l-aħħar snin ġiet fi stat li toħloq periklu kemm għar-residenti kif ukoll għal kull min jgħaddi minn hemm? Jista’ jgħid ukoll meta hu previst li se jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tiswija u x’miżuri immedjati se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tar-residenti u ta’ kull min juża din it-triq sakemm jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed nieħu nota ta’ dan l-ilment u x-xogħlijiet f’din it-triq ser jiġu kkunsidrati.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien il-Ħaddiem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta' Ġnien il-Ħaddiem, fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi miġbura.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett tal-Playfield ta' Ġokk
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Playfield ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien Castelvenere
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien Castelvenere fix-Xewkija, Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu;
ii. jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom;
iii. x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett;
iv. jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u
v. meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellhom jiġu installati kameras tas-sigurtà (CCTVs) fil-lokalità Ta’ Sannat, Għawdex f’dawn l-aħħar snin, kemm minnhom ġew installati, fejn ġew installati u kemm minnhom qegħdin jaħdmu? Jista’ jgħid ukoll kemm kameras tas-sigurtà għadhom ma ġewx installati, fejn huma ppjanati li jitwaħħlu, u għaliex l-installazzjoni għadha ma saritx, kif ukoll jindika meta mistennija ssir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4989.
Ta' Sannat, Għawdex – Triq Ta' Ċenċ – Tisħiħ tad-dawl pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkunsidrat li jissaħħaħ id-dawl pubbliku f’punti kruċjali fid-daħla tat-triq prinċipali (Triq ta' Ċenċ) f'Ta’ Sannat, liema triq mhux biss qiegħda ta’ periklu għal min jgħaddi minnha b'xi vettura jew bil-mixi, iżda hija wkoll suġġett għal diversi abbużi? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadu ma sarx dan it-titjib u jekk hemm il-ħsieb li jsir, jgħid meta ser isir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ta’ Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Dwal installati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tħaddim u l-manutenzjoni tad-dwal installati bħala parti mill-proġett tal-pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, Għawdex jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali jew tal-Gvern Ċentrali? Jista’ jgħid ukoll għaliex, f’diversi okkażjonijiet, il-medda minn Triq Sannat sa Pjazza Santa Margerita tispiċċa fid-dlam, u x’passi se jittieħdu biex tiġi indirizzata din il-problema?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ta' Sannat, Għawdex – Proġett ta’ Pjazza Santa Margerita – Xogħlijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iż-zebra crossing fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat, għadha ma saritx, minkejja li għaddew aktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-pjazza, li ġiet irranġata b'fondi pubbliċi permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat u l-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa previst li ssir din iż-zebra crossing u jekk għadx fadal xogħlijiet oħra pendenti marbuta mal-istess proġett? Jekk iva, jista’ jispeċifika liema huma u meta mistennija jitlestew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma attwalment it-taxis, kemm bojod u kemm ta’ kumpaniji oħra, reġistrati f'Għawdex u kemm jikkalkula li jridu jiżdiedu karozzi reġistrati biex jagħmlu tajjeb għal dawk li jagħżlu jżuru lill-Għawdex bla karozza? Jista’ jgħid ukoll jekk hux se tkun qed tiżdied ukoll il-flotta ta' karozzi tal-linja qabel Jannar 2027?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jistma li se jkun jiswa s-sussidju biex in-noll għall-foot passengers tal-Gozo Channel jingħata b'xejn u jekk hux qed ibassar żieda ta' impjegati mal-istess kumpanija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hi wegħda elettorali tal-Gvern. Din hija miżura li għandha l-għan li tnaqqas l-użu tal-karozza għal dawk li jiġu Għawdex. L-adjustment fin-noll għat-turisti huwa maħsub li jagħmel tajjeb għad-diminazzjoni tan-noll għall-passiġġiera Għawdxin, Maltin u dawk residenti fit-tul f’pajjiżna.
Għawdex – Żjara ta’ turisti internazzjonali – Tul medju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien it-tul medju taż-żjara ta’ turisti internazzjonali f’Għawdex matul l-2025 u fl-ewwel sitt xhur tal-2026 u x’mira hemm għas-sena 2027?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinġabar u tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) permezz ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali dwar l-istatistika tat-turiżmu, li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni rikjesta; liema informazzjoni hija estratta mir-rapporti rilevanti tal-NSO. Abbażi tad-data disponibbli bħalissa, huwa mistenni li t-tul medju taż-żjara f’Għawdex jibqa’ ġeneralment stabbli fil-futur qarib, madwar sitt iljieli. Fl-istess waqt, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jimplimenta diversi inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jħeġġeġ lill-viżitaturi jqattgħu aktar ħin f’Għawdex. Dawn l-inizjattivi jinkludu fost l-oħrajn, l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-prodott turistiku, investiment strateġiku u aktar diversifikazzjoni tal-esperjenzi offruti lid-diversi segmenti tas-suq turistiku.
Żieda fil-proporzjon tat-turisti li joqogħdu f’Għawdex – Mira
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-mira tal-Gvern biex il-proporzjon ta’ turisti internazzjonali li joqogħdu lejl jew aktar f’Għawdex tiżdied minflok iżuru Għawdex biss bħala turisti ta’ ġurnata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mira tal-Gvern hija li jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta, b’enfasi partikolari fuq it-turiżmu ta’ kwalità, esperjenzi turistiċi distinti, it-tnaqqis tal-istaġjonalità u t-tisħiħ ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika għal matul is-sena kollha. In-numru ta’ viżitaturi li qed ikompli jissaħħaħ b’mod partikulari fis-shoulder months huwa xhieda ta’ dan.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3744 u jelenka l-NGOs li rċevew finanzjament mill-Ministeru fl-aħħar sentejn, bl-ammont u l-għan ta’ kull għotja, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-finanzjament mogħti mill-Ministeru għal Għawdex lil NGO's ivarjaw skont il-ħidma li jwettqu l-NGO's. L-għoti tal-finanzjament huwa intiż biex fost l-oħrajn ikopri l-ispejjeż tal-ħidma – li tinkludi inizjattivi u proġetti – li jwettqu dawn l-NGO’s.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3743 u jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom biex jipprovdu servizzi f’Għawdex, u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tigi migbura.
Ir-Rabat, Għawdex - Triq Giorgio Borg Olivier u Triq l-Għaxra ta’ Ġunju 1887 - Victoria Parking Area - Proġett
Question
B’rabta mal-proġett ta’ parkeġġ taħt l-art fuq diversi livelli u ġnien pubbliku fis-sit tal-Victoria Parking Area, fi Triq Giorgio Borg Olivier u Triq l-Għaxra ta’ Ġunju 1887, fir-Rabat, Għawdex, jista’ l-Ministru jindika:
i. f’liema stadju jinsab il-proġett, inkluż fir-rigward tal-ippjanar, il-permessi, il-ħruġ u l-għoti tal-offerti u x-xogħlijiet fuq il-post;
ii. fiex se jikkonsisti l-proġett, inklużi n-numru ta’ livelli taħt l-art, in-numru ta’ spazji għall-parkeġġ, id-daqs tal-ġnien pubbliku u l-faċilitajiet previsti;
iii. x’inhi l-ispiża stmata tal-proġett u kif se jiġi ffinanzjat; u
iv. jekk sarux studji dwar l-impatt tal-proġett fuq ir-residenti u n-negozji fl-inħawi, kif ukoll dwar l-impatt fuq it-traffiku (Traffic Impact Assessment) u, jekk iva, x’kienu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, u jekk jistax iqiegħed kopja ta’ dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm żewġ applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-proġett tal-Victoria Parking Area. L-applikazzjoni PA/04986/25 tirrigwarda l-iżvilupp ta’ parkeġġ taħt l-art fuq diversi livelli u ġnien pubbliku, filwaqt li l-applikazzjoni PC/00004/26 tirrigwarda allinjament ġdid tat-triq. Il-proġett jinkludi l-bini ta’ parkeġġ taħt l-art b’kapaċità ta’ madwar 300 vettura, fis-sit fejn attwalment jinsab il-grawnd tal-futbol eżistenti. Fuq il-parkeġġ se jinbena grawnd tal-futbol b’wiċċ ta’ ħaxix artifiċjali. Ta’ min jinnota li, permezz tal-proġetti tal-Victoria Park kif wkoll dak propost f’ Pjazza l-Assedju l-Kbir, il-kapaċità tal-parkeġġ fiċ-ċentru tar-Rabat mistennija tkun ta madwar 600 spazju. Fl-istess waqt, dawn il-proġetti se jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ aktar spazji pubbliċi miftuħa u ħodor, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ambjent urban u jinħolqu aktar spazji rikreattivi għall-familji.
Ir-Rabat, Għawdex - Triq Fortunato Mizzi - Spazji ta' parkeġġ
Question
Fid-dawl tan-nuqqas ta’ parkeġġ fir-Rabat, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu sabiex l-ispazji ta’ parkeġġ pubbliku fi Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat, Għawdex, jiġu organizzati b’mod aktar effiċjenti u ekwu, bil-għan li jiżdied kemm jista’ jkun l-għadd ta’ spazji disponibbli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispazji ta’ parkeġġ pubbliku fi Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat, Għawdex, huma diġà organizzati. Għaldaqstant, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jiċċara għal liema sezzjoni tat-triq qed jirreferi, sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni dwar jekk hemmx lok għal titjib fl-organizzazzjoni tal-parkeġġ f’dik iż-żona.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett għat-tkabbir tal-produzzjoni ta’ New Water fl-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Ħobż, f’Għawdex li kellu jlaħħaq investiment ta’ madwar €25 miljun? Kemm hi l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dan l-impjant bħalissa u b’kemm ser tiżdied il-produzzjoni ladarba dan il-proġett jitlesta? Jista’ jgħid ukoll meta hi d-data maħsuba għat-tlestija u jara li kull bidwi u raħħal ġenwin jew kull bidwi u raħħal żagħżugħ ikun provdut l-ammont ta’ New Water neċessarju biex isaqqi r-raba’ tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.