Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, sabiex jara tistax tieħu l-mediċini msemmija jew xi ħaġa simili b’xejn minħabba li din tgħix bil-pensjoni u dawn il-mediċini ġew ordnati lilha minħabba osteoporosis; ALENDRONIC ACID 70mgs €49 kull xahar u Calcium Magnesium Vitamin D Zinc €12.49c kull xahar u nofs?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8954 u 22788 tat-12-il Leġiżlatura li kienet tgħid: “Billi l-ġurnali rrappurtaw li 130,000 persuna fis-sena jkollhom xi forma ta' problema ta' saħħa mentali f'Malta, u dan ifisser li madwar 30% tal-poplu Malti jkollu xi forma ta' problema mentali kull sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jitqabbel dan in-numru ma' dak li jiġri f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?”, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti risposta dwar dawk il-persuni li għandhom xi kundizzjoni ta’ problema mentali u f’liema lokalità jgħixu dawn il-persuni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninfurmah ukoll illi minn stħarriġ (European Health Interview Survey) li sar fost l-adulti li għandhom 15-il sena jew aktar fl-2014/2015 meta mqabbel ma statistiċi tal-UE, f’ Malta għandna persentaġġ ta’ 5.4 fil-mija li jsofru minn chronic depression filwaqt li fl-UE l-medja hija 7.1 fil-mija.
B’referenza għal użu tal-PET Scan tal-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid:
a. kemm ibbenefikaw pazjenti mill-użu tiegħu fis-sena 2017;
b. kemm ibbenefikaw pazjenti mill-użu tiegħu sal-aħħar ta’ Frar 2018;
c. kemm-il darba fis-sena 2017 u f’Jannar u Frar ta’ din is-sena ġie kkuntratjat xogħol privat; u
d. kemm-il darba l-PET Scan ġarrab ħsarat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ PET scans li saru huwa kif mniżżel hawn taħt.
Numru ta’
PET scans
li saru
2013(Ott-Diċ)
126
2014
935
2015
1194
2016
1589
2017
1686
Kien hemm tlettax-il sessjoni fis-sena 2017 fi sptarijiet privati f’Malta. Dawn is-sessjonijiet fil-privat ma jsirux bilfors għax il-PET scanner f’Mater Dei ikun bil-ħsara imma biex l-ammont limitu ta’ tracer radjuattiv li jkun inġib Malta jintuża bl-aħjar mod għal benefiċċju tal-pazjenti tagħna.
Il-
PET scanner
indikat kellu medja ta’ 14.7 il-ġurnata fis-sena, f’dawn l-aħħar tlett snin, taħt manutenzjoni ġeneralment preventiva.
B’referenza għall-Urology Outreach Service fil-komunità, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid:
a. kif inhi l-proċedura għall-applikazzjoni ta’ dan is-servizz;
b. f’kemm żmien jinqeda pazjent minn meta jissejjaħ għas-servizz;
c. kemm ibbenefikaw pazjenti fis-sena 2017;
d. kemm saru visti fis-sena 2017;
e. kemm hi l-lista ta’ stennija; u
f. kemm hemm ħaddiema kwalifikati f’dan il-qasam?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz għall-Urology Outreach Service fil-komunità jintalab permezz ta’ referral minn professjonisti skont parametri indikati. L-appuntamenti jsiru skont l-indikazzjoni klinika u l-maġġoranza assoluta tal-pazjenti jingħataw appuntament fi żmien ġimgħatejn minn dak indikat fuq ir-referral ticket. Matul l-2017 ibbenefikaw 2,682 pazjenti u saru 559 visti fid-djar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4594 u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ħaddiem iddaħħal jaħdem mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda u jagħti l-grad u t-titlu li ngħata kull ħaddiem? Jista’ jgħid ukoll f'liema sezzjoni tal-FMS qiegħed jaħdem bħalissa, kull ħaddiem ingaġġat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2014 sal-lum ġew ingaġġati 218 mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Minn dawn ġew terminati 53 ħaddiem. Dawn il-ħaddiema jokkupaw diversi karigi kif ukoll jagħtu s-servizzi tagħhom f’dipartimenti u entitajiet differenti fid-dipartiment tas-Saħħa dejjem skond l-esiġenzi tas-servizz u fl-aqwa interess għal-pazjenti tagħna.
Pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn – somma li għandu jiġbor il-Gvern
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4074 u jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal ewwel 6 xhur tal-2017 il-Gvern għandu jiġbor € 446,334.35 għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 401 u jgħid, mill-ewwel ta’ Mejju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm transfers ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt id-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm minn dawn it-transfers kienu mitluba mill-impjegati stess u kemm minnhom kienu sfurzati kontra r-rieda tal-ħaddiema?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Mejju tal-2017 sad-19 ta’ Marzu tal-2018 saru 231 transfer. 125 minn dawn l-imsemmija transfers kienu intalbu ferm qabel id-data msemmija minnha. Ninfurmaha ukoll li madwar 72 fil-mija minn dawn it-transfers, intalbu mill-impjegati nfushom u li ma sar l-ebda transfer kontra r-rieda tal-ħaddiema.
Sptar Mater Dei -Dipartiment tal-Emerġenza — Emergency Ambulance Responders - overtime
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 410 u jikkonferma li fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, kien hemm jew għad hemm, il-prassi li Emergency Ambulance Responders jiddaħħlu overtime biex kollegi oħra jieħdu l-leave? Jista' jgħid bejn Marzu 2013 u d-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kienet in-nefqa fuq overtime tal-EARs?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sezzjoni indikata minnha l-overtime jintuża biex jiġi żgurat li l-complement adekwat ta’ ambulanzi jkunu operabbli dejjem skont id-domanda u l-esiġenzi tas-servizz. In-nefqa medja f’overtime minn Marzu tal-2013 sal-aħħar ta’ Frar tal-2018 kienet ta’ madwar €21,600 fix-xahar.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 411 u jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn fl-ewwel sitt xhur tal-2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4852.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 413 u jelenka d-direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015, 2016 kif ukoll bejn Jannar u Mejju 2017? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 153, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-positions of trust fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu huma: dawk fis-Segretarjat; Research Analyst; Nursing Advisor; Personal Assistant; Supporting Officer; Transport, Procurement u Nurse Care Co-ordinators.
Ir-Rabat Għawdex – investiment infrastrutturali f’apparat mediku
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3403 kollha u jgħid x’tip ta’ investiment infrastrutturali u investiment f'apparat mediku sar ġewwa ċ-Ċentru Kliniku ta' Triq Enrico Mizzi fir-Rabat, Għawdex mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddejjin diversi diskussjonijiet sabiex ikompli jitjieb is-servizz tas-Saħħa b’xejn fil-gzira Għawdxija. Ninfurmah ukoll illi qed issir rinovazzjoni tal-Berġa tax-Xewkija fejn mistenni li x-xogħol jitlesta fiż-żmien li ġej u b’hekk din tkun tista tibda tintuża mill-pazjenti Għawdxin tagħna. Dan il-proġett huwa stmat li se jkun jiswa madwar €70,000.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm iddaħħlu jaħdmu nies mal-kuntratturi li joffru servizzi fl-Isptar Monte Carmeli matul is-snin 2013 sa 2017, sena b'sena? Jista' jgħid minn huma l-kuntratturi u x'servizz qed joffru? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm kuntratturi li joffru servizzi fis-sena 2013 u kemm kellhom nies jaħdmu fl-Isptar Monte Carmeli u kemm hemm kuntratturi joffru servizzi llum fl-istess sptar u kemm għandhom nies jaħdmu magħhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medja fis-sena, bejn l-2013 u l-2017 ta’ kemm daħħlu ħaddiema ġodda mal-kuntratturi fl-isptar Monte Carmeli kienet ta’ 83.
Ninfurmah ukoll li fl-isptar Monte Carmeli fl-2013 kien hemm 5 kuntratturi li kienu joffru s-servizzi tagħhom f’6 oqsma differenti filwaqt li preżentament hemm 6 kuntratturi li ukoll qed joffru is-servizzi tagħhom fl-istess 6 oqsma bħal dawk tal-2013. Dawn l-oqsma jinkludu
nurses
,
clerks, carers, cleaners, accounts clerks
u
securities.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ħlas lill-kuntratturi li ħadmu lil Vitals Global Healthcare
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min ser ikun responsabbli biex iħallas il-kuntratturi li ħadmu għal Vitals Global Healthcare fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u għadhom ma tħallsux? Il-Gvern ser jiggarantixxi ħlas lil dawn il-kuntratturi jew ser iħallihom jiġġieldu huma għall-pagamenti ma’ kumpanija li ma għandha xejn tagħha?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Steward Healthcare assumiet l-obligi ta’ VGH meta ffirmat is-Share Transfer Agreement.
Ministeru għal Għawdex – bini li kien inbena mill-flus ta’ Eko-Għawdex
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalxiex qed jintuża llum il-bini li kien inbena mill-Ministeru għal Għawdex mill-flus ta’ Eko-Għawdex u li kellu jkun iċ-Child Development Centre f’Tal-Ibraġġ ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista’ jgħid jekk din il-binja kollha hijiex amministrata mill-Ministeru għas-Saħħa jew jekk ġietx mgħoddija lil xi Ministeru ieħor jew xi kumpanija privata? Jekk iva lil min ġiet mgħoddija u għal liema skop?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja hija amministrata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jkun lest ir-rapport dwar il-manutenzjoni taċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi eżattament in-naħa ta’ San Sebastjan fejn qed iżomm ħafna ilma?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-manutenzjoni fuq is-sit imsemmi minnha se jibda’ dalwaqt.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ħaddiem iddaħħal jaħdem mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda u jagħti l-grad u t-titlu li ngħata kull ħaddiem? Jista’ jgħid ukoll f'liema sezzjoni tal-FMS qiegħed jaħdem bħalissa, kull ħaddiem ingaġġat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement – każ ta’ persuna
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4480, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ser tissejjaħ biex tagħmel l-operazzjoni tan-knee replacement?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament hemm 258 Konsulenti Kliniċi li jagħtu servizzi mediċi fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa u li huma Professuri u Speċjalisti mpjegati mal-Ministeru għas-Saħħa. Fl-2013 kien hemm 207 konsulenti mpjegati mad-Dipartiment għas-Saħħa. Dawn il-konsulenti jagħtu s-servizzi tagħhom lill-pazjenti tagħna f’diversi dipartimenti. Tajjeb li ngħid li matul dawn l-aħħar snin sal-lum kien hemm żieda ta’ 51 konsulent.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – bini ta’ Orthopeadic Unit
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm varjazzjonijiet għall-bini ta’ Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mit-tender oriġinali u jekk iva kemm kienet din il-varjazzjoni? Jista’ wkoll jgħid min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol fuq din il-binja u jpoġġi kopja tal-Compliance Certificate?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward ix-xogħol tal-bini tal-Orthopaedic Unit kien hemm varjazzjoni ta’ € 6,096.76. Ix-xogħol ġie iċċertifikat mill-Perit Cornelia Tabone. Il-Compliance (Completion) Certificate ser jiġi mitlub wara li jitlesta ix-xogħol tal-bankina fuq barra.