Legislature:
Category:
Reset
Active:

Exports bħala ships and aircraft stores

Question

Skont statistika tal-NSO dwar kummerċ internazzjonali (168/2011) iż-żieda qawwija fl-exports bħala ships and aircraft stores fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena minbarra ż-żieda fil-mineral fuels, lubricants and related materials, jista' l-Ministru jispjega x'tinkludi? Tinkludi servizzi ta' ħazna tagħhom? Tinkludi servizzi ta' ship u aircraft repairs? Fil-fatt dawn jinkludu pagamenti dovuti minn sorsi tan-NATO?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi spjega dettaljata ta’ x’jinkludi ships and aircraft stores qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett tal-interconnector mal-Italja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal- interconnector mal-Italja? Meta hu maħsub li jitlesta? X'penali hemm jekk ma jitlestiex fiż-żmien stipulat?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ġiet mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28118. L-informazzjoni dwar il-penali ma tistax tingħata peress li hija kummerċjalment sensittiva.

każ ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħallas il-kont tad-dawl u l-ilma fit-12 ta' April 2011 però l-Arms Ltd qed tgħid li għadu ma ħallsux?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Kalkara — problema ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-awtoritajiet konċernati mhux qed jieħdu azzjoni biex il-problema tal-ilma ħiereġ fl-inħawi tar-Rinella jitwaqqaf u ma jkunx aktar ta' inkonvenjent għall-komunità tal-Kalkara?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret fuq il-post ma jirriżultax illi hemm ilma jew drenaġġ ħiereġ fl-inħawi tar-Rinella limiti tal-Kalkara. Jirriżulta illi fil-passat kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ, u li parti minnu ħareġ barra, iżda il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet ħadet azzjoni, twaqqaf, u anke sar it-tindif tiegħu.

Xatt tal-Kalkara — ilma u drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-awtoritajiet konċernati biex isolvu l-ilma/drenaġġ li ilu ħiereġ għal dawn l-aħħar snin fix-Xatt tal-Kalkara ħdejn id-dgħajjes u ħdejn il-klabb tal-boċċi tal-Kalkara?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illli minn spezzjoni li saret fuq il-post ma jirriżultax illi hemm ilma jew drenaġġ ħiereġ fuq ix-xatt ħdejn id-dgħajjes jew ħdejn il-klabb tal-boċċi tal-Kalkara. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi aktar informazzjoni rigward il-post li qed jirreferi għalih.

Pembroke — Triq Pietru d'Armenia - ilmenti mir-residenti - nuqqas ta' dawl fit-triq

Question

Jista' l-Ministru, flimkien mal-Ministru responsabbli mid-Djar jinvestiga l-ilment ta' għadd ta' residenti ta' Triq Pietru d'Armenia, Pembroke, minħabba n-nuqqas ta' dawl madwar il-blocks fl-area, tant li ftit ilu kien hemm min ġie saħansitra misruq minħabba dan in-nuqqas ta' dawl, għax għalkemm hemm il-bozoz dawn ma jixegħlux? Apparti minn hekk, b'riżultat ta' dan id-dlam ġejt infurmat li qed ikun hemm għadd ta' abbużi, inkluż dawk tad-droga fil-basements ta' ċerti garaxxijiet.

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-bozoz fi Blocks A9, A10 u A11, li wieħed jassumi li saret referenza għalihom, ma jaqgħux taħt ir-responsabiltà tal-Enemalta. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-ilment tiegħu lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke.

Msida — Sqaq Dun Ġużepp Mifsud - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-2007 bdew jitqiegħdu l-kanen tal-ilma fi Sqaq Dun Ġużepp Mifsud, Msida biex jingħata servizz u fi Frar 2007 ix-xogħol twaqqaf bil-konsegwenza li l-applikant baqa' sal-lum mingħajr is-servizz tal-ilma? Jista' jgħid meta se jitkompla t-tqegħid tal-kanen tal-ilma biex l-applikant, wara aktar minn erba' snin, jingħata dan is-servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2007 irċeviet talba għal servizz tal-ilma ġewwa fond fil-lokal imsemmi. Ta’ min jgħid li dan il-post jinsab qalb l-għelieqi. Meta l-ħaddiema tal-korporazzjoni bdew ix-xogħol biex jingħata s-servizz, ġew imwaqqfa minn xi residenti ġirien oħra li qalu li l-kanen kienu għaddejjin minn post privat. Fil-fatt, ġew ukoll il-pulizija li qalu lill-ħaddiema tal-korporazzjoni biex ma jqegħdux kanen f’dak il-post. Minn dak iż-żmien, il-korporazzjoni ma ġietx avviċinata biex jitkompla x-xogħol, la mill-Pulizija u lanqas mill-applikant li ried is-servizz tal-ilma.

Arms Ltd — spiża biex tittrasferixxi l-uffiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li għamlet Arms Ltd biex tittrasferixxi l-uffiċċji tagħha minn Ħal Luqa għal Blata l-Bajda? Għal kemm snin hu l-kuntratt ta’ kiri li għamlet l-Arms Ltd. għall-post fi Blat l-Bajda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kumpanija Palumba — Trasferiment tal-proprjetà

Question

Peress li r-riżoluzzjoni mgħoddija mill-Parlament dwar it-trasferiment tal-propjetà tat-Tarzna ta’ Bormla lill-kumpanija Palumbo tinkludi pjan li jorbot lil Palumbo jinvesti €5.45 miljun fl-ewwel sena u €5.3 miljun fit-tieni sena fit-tarzna ta’ Bormla, jista’ l-Ministru jinforma: a) kemm attwalment hija n-nefqa totali sal-lum minn Palumbo f’investiment fit-tarzna ta’ Bormla; b) liema huma l-proġetti attwali ta’ investiment minn Palumbo u kemm intnefaq s'issa fuq kull wieħed minnhom; ċ) b’liema mod il-gvern qiegħed jassigura li l-impenn ta’ Palumbo li jinvesti qed jitwettaq skont il-ftehim; u d) jekk Palumbo qiegħed jagħmel xi spejjeż għall-manteniment tal-impjant, dawn l-ispejjeż qed jiġu mgħoddija bħala investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

informazzjoni dwar is-segretarjat tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-membri kollha tas-segretarjat tiegħu, flimkien mal-karigi u l-ħlasijiet tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-membri u l-karigi tagħhom fis-Segretarjat Ministerjali tiegħi huma dawn li ġejjin: 1 Head of Secretariat 1 Private Secretary 1 Communications Coordinator 1 Policy Coordinator 8 Secretariat Officers 1 Secretariat Pool 2 Drivers/Security Officers Dawn jitħallsu skont il-linji gwida li jinsabu fl-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats maħruġ f’Ottubru 2007 u li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar il-konsulenti fil-Ministeru tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-konsulenti kollha li hemm mal-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu flimkien mal-ħlas tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Far — fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il fabbrika hemm f'Ħal Far li għandhom il-bieb prinċipali jagħti għal dik it-triq li sa ftit ilu kienu jsiru t-tlielaq tal-Karting?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-Mistoqsijiet Parlamentari numri 29184, 29186 u 29187.

Triq ta' fejn kienu jsiru tlielaq tal-karting

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dik it-triq fejn fiha kienu jsiru t-tlielaq tal-karting ġewwa Ħal Far ingħalqet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29187.

Ħal Far — Island Karting Club - korsa ġdida

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-Gvern u l-awtorità konċernata jħallu lill-Island Karting Club tkompli tuża l-korsa temporanja li hemm f'Ħal Far għal xi ftit xhur oħra sakemm il-korsa l-ġdida fl-art li alloka l-gvern ġewwa Ħal Far ukoll tkun tista' tibda tintuża?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li dan mhux possibbli għaliex dik it-triq tintuża mill-fabbriki eżistenti għall-operat tagħhom. Dan minbarra li l-Malta Industrial Parks qiegħda tippjana li tibni fabbriki ġodda f’din iż-żona industrijali u din it-triq tinsab fin-nofs.

Malta Enterprise — skema MicroInvest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu/se jitħallsu f’għajnuna finanzjarja mill-Malta Enterprise il-200 sid ta’ negozju f’Għawdex li pparteċipaw fl-iskema MicroInvest?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-lum mill- 200 applikazzjoni ta’ negozjanti Għawdxin milqugħa mill-Malta Enterprise, ġew approvati 151 li taħt l-iskema Microinvest se jieħdu total ta’ €824,722.81 fi krediti ta’ taxxa. Fadal 25 applikazzjoni li qed jiġu proċessatu u li huwa stmat li se jieħdu madwar €170,000. L-applikazzjonijiet l-oħra ġew irtirati jew ma kenux eliġibbli.

Gozo Channel — informazzjoni dwar l-accounts

Question

Peress li fl-accounts tagħha għas-sena 2010 il-kumpanija Gozo Channel qalet li kienet mistennija titfa’ offerta flimkien ma’ related party biex tkompli topera s-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid min hija r-related party? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim, jekk sar, bejn il-Gozo Channel Co u r-related party? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Gozo Channel Co – u msieħba oħra jekk hemm – dwar it-tmexxija tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt it-tender il-ġdida? Sar Public Service Contract mal-gvern? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Siġġiewi: Ta' Kirċippu — trasferiment ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex ir-residenti li jgħixu fi plots tal-Gvern fl-area Ta' Kirċippu, s-Siġġiewi u fl-inħawi ta' Triq Salvu Corso u Triq Karmenu Vassallo li sal-lum għadhom fi stadju ta' konvenju, ikunu jistgħu jiġu msejħa biex jersqu lejn it-trasferiment tal-proprjetà tagħhom li ilhom pendenti għal iktar minn 25 sena? Jista' jgħid kemm beħsiebu jdum dan il-proċess u jekk hemmx data stabbilità biex dan it-trasferiment ikun jista' jseħħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fis-setturi kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, inkluż korporazzjonijet, dipartimenti u awtoritajiet, mis-sena 2008 sa Awwissu 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

San Ġiljan — Bay Junction - ilmenti dwar sub station tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu investigati l-ilmenti pendenti ta' għadd ta' residenti ta' Bay Junction, San Ġiljan speċjalment dawk li joqogħdu f’Mirador Flats dwar is-sub station tal-Korporazzjoni Enemalta li jidher li ġiet riattivata b’inkonvejenza kbira għar-residenti tal-inħawi? Jista' jinstab xi sit alternattiv b’anqas inkonvenjent?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret irriżulta li s-substation kienet ilha taħdem u mhux inxtegħlet issa. Ma jirriżultax li hemm xi nkonvenjent ikkawżat minn din is-substation.