Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenti maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Birkirkara – Triq Dun Filippo Borg – bini ta’ bankina

Question

Jista’ l-Ministru jordna li l-bankina ġdida quddiem binja fi Triq Dun Filippo Borg, Birkirkara, kantuniera ma’ Triq Mannarino tiġi mibnija mill-ġdid, peress li hija perikoluża kif inhi, partikolarment għal anzjani?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Birkirkara — kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18584, 18308, 18019 u 17893 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Birkirkara, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Balzan — Kaxxi sofor u blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18585, 18309, 18020 u 17896 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħal Balzan, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infrastructure Malta — bini ta' toroq

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema huma l-ismijiet tat-toroq u f’liema lokalitajiet li għalihom għamel referenza fir-risposta parlamentari 18693 (total 655 triq) meta qal “Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn” . Dan meta bħala aġenzija kien qed jirreferi ghall-Infrastructure Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Gozo Channel (Operations) Ltd – ġarr ta’ merkanzija miċ-Ċirkewwa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18711, jista' l-Ministru jgħid għala l-Gvern aċċetta li l-ġarr tal-merkanzija ma jsirx mill-Port il-Kbir (Valletta) kif kien jistipula l-Public Service Obligation Agreement iżda minflok għażel li dan isir bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-qbil li qal li hemm bejn il-partijiet biex il-ġarr tal-merkanzija jiġi trasferit minn Marsamxett għaċ-Ċirkewwa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsba infurmat li permezz ta’ emenda fil-kuntratt tal-PSO, kien hemm qbil bejn iż-żewg partijiet li s-servizz ta’ merkanzija jiġi integrat mas-servizzi moghtija mill-Gozo Channel (Operators) bejn l-Imgarr, Għawdex u ċ-Ċirkewwa. Din l-emenda kienet neċessarja minħabba il-proġett tal-Marina.

Ħal Tarxien – Triq Paola — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se ddum biex titlesta Triq Paola, Ħal Tarxien? X’xogħlijiet se jsiru?

Response (BORG, IAN)

Fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajjiż, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq Paola f’Ħal Tarxien li hi twila mhux ħażin, tant li din tibda minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali u tmiss ma’ Triq Ħal Tarxien fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid. Ix-xogħlijiet f’din it-triq bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar u jinkludu bdil tal-pajpijiet tal-ilma, servizzi ġodda għall-ilma u telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq qabel ma jissaħħew il-pedamenti u jsir wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Fl-istess triq bħalissa għaddej ukoll xogħol minn entità oħra, li qed jiġi kkordinat biex isir waqt il-bini mill-ġdid tat-triq biex jonqos l-inkonvenjent lir-resident. Ix-xogħol kollu mistenni li jkun lest fix-xhur li ġejjin. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq Santa Marija, Triq iż-Żejtun, Triq is-Sorijiet u Triq Marjanu Gerada waqt li diġà hemm ippjanati biex isiru toroq residenzjali oħrajn. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq residenzjali se jissokta fis-sitt snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta. Fis-sentjen li għaddew, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali.

Naxxar – Triq Andrea Debono – manutenzjoni fuq tappieri

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq numru ta’ tappieri li qed jikkawżaw inkonvenjent għal min jgħaddi minn Triq Andrea Debono fin-Naxxar u anke min jgħix fl-istess żona?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tispezzjona l-ħsarat li hemm f’dawn it-tappieri sabiex tikkonsulta mal-entitajiet konċernati li tagħhom huma s-servizzi, ħalli jsiru t-tiswijiet u l-interventi meħtieġa mill-aktar fis. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Triq Sally Port u Triq ix-Xewkija, Birgu sa Triq ix-Xatt u Triq Marina, Kalkara – xogħol fuq proġett

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser jibda x-xogħol fuq il-proġett ippjanat li minn Triq Sally Port u Triq ix-Xewkija, Birgu jagħti sa Triq ix-Xatt u Triq Marina, Kalkara?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta ħarġet sejħa għall-offerti għall-proġett tal-prominad f’Sally Port, investiment ta’ €9 miljun biex tibni mill-ġdid u ssebbaħ il-mollijiet f’qagħda mwiegħra li hemm fl-inħawi ta’ taħt is-swar tal-Birgu, bejn Forti Sant Anġlu u x-xatt tal-Kalkara. Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sally Port u madwar 600 metru ta’ mollijiet li l-istess triq hija mibnija fuqhom, fl-inħawi magħrufa bħala “It-Toqba”. Permezz tiegħu, parti mix-xatt tal-Kottonera li ilha mitluqa snin se tinbidel fi prominad ġdid, b’passaġġi siguri pavimentati, bankijiet u dawl dekorattiv. Dan il-post ta’ rikreazzjoni fil-beraħ se jkun jista’ jintlaħaq faċilment mill-qalba tal-Birgu permezz tal-mina fis-swar li hemm fl-istess triq. Il-prominad ġdid se jingħaqad ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa ta’ Forti Sant Anġlu permezz ta’ passaġġ eżistenti, biex b’hekk tinħoloq rotta diretta bil-mixi li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Il-proġett jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ diversi servizzi taħt l-art, bħalma huma sistemi għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-ilma, sistemi ta’ dwal ġodda, kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali għas-sajjieda tal-inħawi u għall-qaddiefa tar-Regatta tal-Birgu. Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll il-latrina pubblika li hemm fl-istess post. Il-binja ġdida se tinżamm fil-baxx u se jkollha disinn aħjar biex taqbel mas-swar ta’ warajha. L-ippjanar għal dan il-proġett beda fl-2018 bi studji u stħarriġ taħt l-ilma sabiex jiġi analizzat l-istat strutturali tal-mollijiet ta’ Sally Port. Wara snin iġarrbu ħsarat bil-maltemp mingħajr it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa, l-aċċess għal dawn il-mollijiet sar diffiċli ħafna u ta’ periklu kbir għal dawk li jgħaddu minn fuqhom u għall-baħħara. Fost il-ħsarat kbar li kkawżat f’Malta l-maltempata qalila ta’ Frar tal-2019, partijiet kbar mill-mollijiet ta’ Sally Port, li kienu diġà mikulin, ċedew. It-triq ta’ fuqhom spiċċat imblokkata. Infrastructure Malta għamlet tiswijiet temporanji biex reġgħet fetħet it-triq waqt li intensifikat l-ippjanar tal-proġett biex tibni l-mollijiet mill-ġdid, li kien għadu kif ġie mgħoddi lilha xahar qabel meta l-aġenzija ġiet mitluba tibda tieħu ħsieb l-infrastruttura marittima tal-pajji¿. Fit-tħejjija tad-disinn u l-ippjanar tal-mollijiet ġodda, Infrastructure Malta qed tikkonsulta mal-Awtorità tal-Ippjanar, mas-Sovrintendenza għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali u mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, biex tiżgura l-ħarsien sħiħ tal-wirt storiku u tal-ambjent marittimu f’dawn l-inħawi tal-Port il-Kbir. L-aġenzija se tlesti l-bini tal-prominad ġdid u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sally Port fi żmien sena u nofs. Ix-xogħlijiet se jibdew malli jinħarġu l-permessi meħtieġa u jintemmu l-proċessi li qegħdin isiru bħalissa tal-għażla tal-kuntratturi li wieġbu għas-sejħa għall-offerti pubblika. Sadattant, fl-2019, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) bdew taħditiet biex jestendu dan il-proġett tul il-bqija tax-xatt tal-Kalkara, ħalli l-inħawi kollha jiġu msebbħin bl-istess stil. B’riżultat t’hekk, Infrastructure Malta se tkun qed twettaq il-proġett tal-prominad ta’ Sally Port f’kollaborazzjoni mal-ħidma tal-Korporazzjoni biex ittejjeb ix-xatt tal-Kalkara u l-pjazza tal-lokalità fl-istess inħawi, permezz ta’ bankini ġodda u tqassim aħjar tal-ispazji għall-parkeġġ għal aktar sigurezza. Il-proġett ta’ Infrastructure Malta se jiffoka fuq ix-xogħlijiet tal-bini mill-ġdid tal-mollijiet, il-bini tal-prominad u t-tqegħid ta’ sistemi ġodda għas-servizzi taħt l-art, waqt li GHRC se tieħu ħsieb ix-xogħlijiet ta’ tlestija, bħalma huwa l-pavimentar, id-dawl dekorattiv u l-għamara tat-triq. Iż-żewġ entitajiet qed jaqsmu r-riżorsi tagħhom u jaħdmu flimkien biex jaċċertaw li dan ix-xatt popolari jingħata dehra ġdida fl-iqsar żmien possibbli.

Birgu – Misraħ ir-Rebħa u Triq Nestu Laiviera – xogħol ta’ rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk hemmx xi xogħol ippjanat għar-rinovar ta' Misraħ ir-Rebħa u Triq Nestu Laiviera fil-Birgu?

Response (BORG, IAN)

Fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajji¿, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra. Fil-lokalità tal-Birgu, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa, Triq San Dwardu u parti minn Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, waqt li diġà hemm ippjanati biex isiru toroq residenzjali oħrajn li jinkludu t-tieni parti ta’ din it-triq kif ukoll Triq La Vallette, Triq Il-Miratur u Triq San Filippu. Fil-każ ta’ Misraħ ir-Rebħa u Triq Nestu Laiviera hemm maħsub li jsir proġett bi sħab bejn Infrastructure Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA). L-aġenija se tkun qed tagħmel xogħlijiet ta’ bdil u titjib tas-servizzi taħt l-art u struttura ġdida ta’ pedament biex imbagħad isir il-pavimentar fuqu mill-MTA. Filwaqt li dan il-proġett se jsir taħt il-ħarsien tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, qabel ma jidbew ix-xogħlijiet l-ewwel iridu jinbnew mill-ġdid ta’ Triq La Vallette u Triq San Filippu li t-tnejn jagħtu għal ġo Misraħ ir-Rebħa. Bħalissa Infrastructure Malta qed taħdem biex daqt tibda twettaq ukoll proġett ta’ titjib u tisbieħ fil-parti tax-xatt taħt is-swar magħrufa bħala t-Toqba tal-Birgu (Sally Port) li se jinkludi prominad ġdid, u bħalma qed tagħmel f’mijiet ta’ toroq residenzjali oħrajn, it-triq imsemmija wkoll eventwalment ser tkun qed tinbena mill-ġdid. Fis-sentjen li għaddew, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Għaldaqstant, fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 500 triq mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, u dan apparti xogħlijet ta’ tiswijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn u l-bini ta’ proġetti kbar li qegħdin jinbnew fit-toroq arterjali. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq residenzjali se jissokta fis-sitt snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta.

Xiri ta’ Charging Points ta’ Karozzi elettriċi – terms of reference

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika t-terms of reference kif ukoll kopja tal-kuntratt li nħareġ għax-xiri u installar taċ-charging points għall-karozzi elettriċi li qed jiġu installati?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Għajnuna lil tal-coaches, trainsu passenger boats

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18776 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jikkunsidra jgħin lil tal-coaches, trains u tal-passenger boats għaliex dawn ma ngħataw l-ebda għajnuna u ilhom fuq sena weqfin? Jista’ l-gvern jgħin ukoll lil dan is-settur kif għen lill-bars u setturi oħrajn? Minbarra loans u spejjeż ta’ manteniment u pagi li dawn qed joħorġu l-flus għalihom mingħajr ebda dħul, dawn issa qed jintalbu jħallsu l-liċenzja in full minn Transport Malta, meta dawn ma ħadmux u ma ngħataw ebda għajnuna? Jaħsibx li qed issir diskirminazzjoni kontra dan is-settur?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18775 tas-Seduta 425.

Scheduled Sea Ferry Service bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-Scheduled Sea Ferry Service bejn Malta u Għawdex u jgħid f'liema xahar u sena hu ppjanat li terġa’ toħroġ it-tender mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa il-Ministeru qed jaħdem fuq sejħa ġdida għal servizz bejn Malta u Għawdex. Huwa ppjanat li din is-sejħa tkun tista’ toħroġ fix-xhur li ġejjien.

Infrastructure Malta – xogħlijiet ta’ emerġenza fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta ilha mwaqqfa Infrastructure Malta, kemm saru xogħlijiet ta' emerġenza fit-toroq f'Malta u Għawdex maqsuma lokalità b'lokalità u sena b'sena? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet u kemm kienet l-ispiża lokalità b'lokalità ġewwa Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet fl-2018 sabiex tilħaq il-mira tal-Gvern li jagħti spinta kbira ‘l quddiem lill-infrastruttura f’pajjiżna, wara li għal snin twal tħalliet mingħajr l-investiment meħtieġ għall-manutenzjoni u l-iżvilupp neċessarju biex tibqa’ tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna. Minn meta twaqqfet, l-aġenzija kellha tiffaċċja sitwazzjoni fejn ħafna toroq kienu fi stat ħażin ħafna, b’mijjiet ta’ talbiet minn kunsilli lokali u entitajiet oħra sabiex tibni mill-ġdid u tirranġa toroq li kienu qed joħolqu periklu għal dawk li jgħaddu minnhom, u għar-residenti li għalihom din l-infrastruttura tfisser l-ambjent li jgħixu fih ta’ kuljum quddiem djarhom. Fl-istess waqt, l-aġenzija għandha wkoll l-obbligu statutorju li fejn ikun hemm infrastruttura li qed tpoġġi saħħet il-pubbliku f’riskju, tintervjeni minnufih bit-tiswijiet u t-titjib meħtieġ. Din is-sitwazzjoni hija r-realtà tat-toroq f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Sabiex tilqa’ għal ħidma daqstant kbira, u biex tagħti infrastruttura aħjar lil ħafna persuni li kien ilhom snin jokorbu għal titjib fit-toroq tagħhom, l-aġenzija qed tinvesti b’aktar minn €100 miljun fis-sena, mhux biss fi proġetti ta’ titjib fit-toroq arterjali, bħal m’huma l-Marsa Junction Project, il-pontijiet pedonali u għaċ-ċiklisti f’Ħal Luqa, Kordin u Blata l-Bajda, u Central Link Project, iżda wkoll sabiex tibni mill-ġdid u tagħmel manuntenzjonijiet u tiswijiet urġenti f’ħafna toroq residenzjali, rurali u sekondarji oħra. Tista’ tgħid li din il-ħidma kollha hija ħidma t’emerġenza li trid issir mill-aktar fis, sabiex fl-iqsar żmien possibbli, pajjiżna jkollu infrastruttura b’livelli għoljin ta’ kwalità, sigurezza, sostenibilità u effiċjenza, hekk kif jixraqlu. Ninsab ċert li jekk tistaqsi lir-residenti ta’ toroq li ilhom snin twal jgħixu bil-bankini u t-toroq quddiem djarhom imkissrin, jew lil dawk li ta’ kuljum jgħaddu minn toroq traffikużi biex jaslu x-xogħol, ilkoll jgħidulek li għalihom ix-xogħol meħtieġ fit-toroq li jużaw huwa ta’ emerġenza u priorità, sabiex ikun lest mill-aktar fis u jonqsu r-riskji lilhom u lil qrabathom. Fil-fatt, f’inqas minn tliet snin minn meta twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Din il-ħidma bla heda ser tkompli sabiex mingħajr dewmien bla bżonn, ħafna aktar familji jkollhom ambjent isbaħ quddiem djarhom. Infurmat li ħidma sfiqa għal toroq aħjar għaddejja wkoll f’Għawdex, iżda aktar tagħrif dwar dan jista’ jinkiseb mill-Ministeru konċernat.

Malta Freeport – irtirar tal-kunsinni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti l-assigurazzjoni li l-importaturi qed jitħallew jirtiraw il-kunsinni tagħhom mill-Malta Freeport mingħajr il-ħtieġa li jqabdu burdnar u dan kif tippermetti l-liġi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Wied il-Għajn – Triq il-Gardiel — tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra meta Triq il-Gardiel Wied il-Għajn ser tkun lesta u jistax jindika x’tiswijiet qegħdin isiru fil-post?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Buttar, Triq ġdida fi Triq il-Buttar, Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola u Triq Btieti. Bħalissa qegħġdin isiru Triq il-Gardiel, Triq il-Qaliet u Triq La Sengle, waqt li diġà hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew Triq San Ġwakkin u Triq ir-Ridott. Ix-xogħljiet biex Triq il-Gardiel tinbena mill-ġdid bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar. Din it-triq fiha kważi kilometru, minn ħdejn il-Magħluq u twassal sal-Bajja ta’ San Tumas, u se jsirulha xogħlijiet estensivi biex jinbidulu s-servizzi taħt l-art qabel ma t-triq jissaħħulha l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt. Dawn jinkludu tqegħid ta’ katusi u pajpijiet għas-servizzi tal-ilma, drenaġġ, ilqugħ għall-ilma tax-xita, servizzi tat-telekomunikazzjoni u bankni. Għaldaqstant, ix-xogħol mistenni jieħu numru ta’ xhur biex it-triq titlesta u dan se jsir f’fażijiet biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Xatt tal-Birgu – tneħħija ta’ materjal

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17990, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk intbagħtux uffiċjali tal-Ministeru fix-Xatt tal-Birgu biex jaraw kif ser ineħħu l-ammont ta’ ħadid imsaddad u abbandunat li hemm fl-aħħar nett tax-xatt, viċin fejn hemm slip way?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni miġbura wara żjara fuq il-post, ma jeżisti ebda materjal depositat jew restawr meħtieg, fiż-żona fdata lil dan il-Ministeru.

Birgu – Sant’Anġlu – tindif u restawr

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17991, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk intbagħtux uffiċjali tal-Ministeru biex jaraw l-istat tal-affarijiet fl-aħħar parti tal-pont tal-Birgu taħt il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu sabiex il-post jiġi rijabilitat u mnaddaf?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18320 tal-istess Seduta.