Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tnaqqis fil-konsum tad-dawl u l-ilma fil-ministeri

Question

Billi f'Novembru 2008 nifhem li l-Ministru kien stqarr waqt seminar li l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurarli kien ser jgħasses fuq kull ministeru li jnaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma b'15% għas-sena 2009, jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-għan intlaħaqx u minn min sar il-moniteraġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qed jimplimenta policies li kienu addottati fid-dokument ippublikat mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali f’Settembru 2009 dwar l-istrateġija Nazzjonali rigward miżuri għat-tnaqqis ta' emissjonijiet li joħolqu effett serra. Kif diġà intqal fir-risposta li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15963 magħmula mill-istess Interpellant, il-gvern diġà implimenta numru ta' azzjonijiet li kollha joħorġu minn dan il-pjan strateġiku F'dak id-dokument, fost numru ta’ rikkmandazzjonijiet u azzjonijiet relatati, hemm azzjoni numru 25 ta' l-istrateġija finali li titkellem speċifikament dwar dak li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant fejn hemm stess wieħed isib definiti it-targets issettjati. Infatti din tgħid, "The Government will, with effect from 2011, request each Head of Government entities to draw up and implement an annual Carbon Footprint Reduction Plan that will target, amongst others, reduction in general CO2 emissions, reduction in government road vehicles emissions, reduction by means of increased energy efficiency, reduction by means of application of RES technologies and reduction in water consumption" . L-istrateġija tal-Gvern dwar it-tibdil fil-klima hija waħda ċara u d-determinazzjoni tal-gvern li jimxi fuq dan il-pjan hija soda.

Proġett tax-Xatt tas-Sajjieda, Marsaxlokk

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Gvern biex jieqaf il-proġett ta' tisbiħ tax-Xatt tas-Sajjieda, Marsaxlokk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Proġett ta' Xatt is-Sajjieda f' Marsaxlokk fl-ebda ħin ma twaqqaf. Wara li tlestiet l-ewwel fażi, inbeda proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha konċernati dwar it-tieni fażi. Fil-laqgħat ġew espressi pożizzjonijiet konfiġġenti mill-partijiet ikkonsultati. Il-Gvern dejjem għamilha ċara li, filwaqt li hu determinat li jkompli l-proġett, minn naħa tiegħu l-Gvern mhux dispost jonfoq flus pubbliċi biex jissebbaħ il- promenade biex dan jispiċċa ssirlu ħsara fi żmien qasir jekk jibqa jintuża kif inhu llum. Dan il-proċess issa ġie konkluż u x-xogħol fuq it-tieni fażi indeda proprju fil-ġranet li għaddew. Nieħu ġost ninnota li dan ix-xogħol għandu l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Marsaxlokk.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Salarji u kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14687 u jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' persuni li jinsabu jaħdmu abbażi ta' kuntratt fil-Ministeru u fid-dekasteru li jaqa' taħtu? X'pożizzjoni jokkupaw u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara x’tip ta’ kuntratt ta’ impjieg qiegħed jirreferi għalih

Numru ta' tobba veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-olitka Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm huwa n-numru ta' tobba veterinarji llum f'pajjiżna? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom iservu f'Malta u kemm f'Għawdex rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżenetement f' Malta hawn: · 32 Veterinarju raġel b' warrant permanenti · 17-il Veterinarja mara b' warrant permanenti · Veterinarju ragel b' warrant temporarju · Veterinarja mara b' warrant temporaju Filwaqt f' Għawdex hemm Veterinarju wieħed b' warrant permanenti li huwa raġel.

livelli ta' nitrati fl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14792 u jagħti breakdown xahar b'xahar tal-livelli tan-nitrati li nstabu fl-ilma ta' taħt l-art (tal-pjan u ta' fuq it-tafal) matul is-sena 2009 f'Malta u Għawdex separatament? Jista' wkoll jindika: (i) liema minn dawn l-ilmijiet ta' taħt l-art jaqbżu l-limiti stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-nitrati fl-ilma u b'kemm dan il-limitu qed jinqabeż? (ii) xi pjanijiet għandu l-Gvern sabiex jiżgura li l-livelli tan-nitrati f'dawn l-ilmijiet jonqsu sabiex jilħqu l-livelli rikjesti mill-Unjoni Ewropea? (iii) jekk hemmx xi deadlines li joħorġu mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar meta dawn il-livelli jridu jintlaħqu? (iv) x'impatt ikun hemm fuq il-biedja Maltija jekk dawn il-livelli ma jintlaħqux fiż-żmenijiet rikjesti mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorita’ ta' Malta dwar ir-Riżorsi tikkoordina programm ta’ monitoraġġ fil-korpi tal-ilma kollha tal-gżejjer Maltin, in conformità mall-Water Framework Directive ta' l-Unjoni Ewropea. Dan il-programm ta’ monitoragg jinvolvi t-teħid u analiżi ta’ kampjuni tal-ilma ta’ taħt l-art darba kull sitt xhur (darbtejn fis-sena). Huma biss dawk is-sorsi ta’ ilma ( boreholes ) li jintużaw għall-estrazzjoni tal-ilma destinat għax-xorb li fuqhom issir analizi kull xahar. Dan il-monitoraġġ isir mill-Water Services Corporation, u jirrigwardja biss erba' korpi ta’ ilma (Malta Mean Sea Level, Mġarr Wardija Perched, Miżieb Mean Sea Level u Gozo Mean Sea Level); dawk li jintużaw mill-WSC għall-ipproċessar u distribuzzjoni. Ir-riżultati dwar il-kwalità, fejn jirrigwarda l-livelli ta’ nitrati, kif irriżulta mill-programm ta’ monitoraġġ tal-Awtorità fuq dawn l-erba' sorsi huma: Korp ta’ l-Ilma Livell ta’ Nitrati (mg/l) Malta Mean Sea Level 83.7 Mġarr Wardija Perched 139.0 Miżieb Mean Sea Level 34.1 Gozo Mean Sea Level 49.4 Il-limitu stabbilit mill-Unjoni Ewropea ghal-livell ta’ Nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art hu ta’ 50mg/l. Fil-każ tal-Malta Mean Sea Level u l-iMġarr/Wardija Perched dan il-livell jinqabeż. Biex immedjatament inserħhu ras kulħadd tajjeb li jingħad li l-ilmijiet minn dawn is-sorsi barra li jkunu 'polished' (jiġifieri mgħoddija mir-Reverse Osmosis), ikunu mħallta ma' ilmijiet puri ġenerati mir-Reverse Osmosis. Bl-eċċezzjoni tal-Comino Mean Sea Level, il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art l-oħra kollha jaqbżu sew dan il-limitu ta' 50mg/l. Ta' min jgħid mill-ewwel li llum qed inbatu l-effett ta' nuqqas ta' ħsieb jew konoxxenza fis-snin li għaddew. Infakkar li l-esperti jikkalkulaw li r-Residence Time (jiġifieri, iż-żmien li jieħu l-ilma tax-xita mill-ħin li jippenetra fl-art sakemm joħroġ mill-pjan ta' l-art) huwa bejn wieħed u ieħor 40 sena. Illum f'dawn il-livelli qed naraw ir-riżultat tal-użu indiskriminat ta' fertilizzant, b'mod partikolari l-Urea li llum huwa llegali li timportah u wisq aktar li tużaħ. Fil-fatt il-livelli ta' nitrati identifikati jikkorrelataw b’mod qawwi ma' l-intensita ta' l-attivita agrikola fiż-żona minn fejn issir l-estrazzjoni. Il-Water Framework Directive tistabilixxi s-sena 2015 bħala ‘ deadline ’ biex jintlaħaq il-limitu ta’ 50mg/l Nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art, kif stabbilit mid-Direttiva dwar in-Nitrati. Iżda l-istess Framework Directive taċċetta l-possibbilità li l-istati Membri japplikaw għal estensjonijiet għal dan id-‘deadline’ fuq raġunijiet ekonomiċi ( disproportionate costs ) jew naturali (żmien biex l-aquifer jirrispondi għall-miżuri li jittieħdu). Il-Gvern wasal fi stadju avvanzat fit-tfassil ta' programm t’azzjoni biex tkun iffaċċjata din il-problema. Fost quddiem ta' dawn il-miżuri li huma maħsubin li jittiehdu hemm fil-mira li jitnaqqas l-użu ndiskriminat tal-fertilizanti f' ammonti eċċessivi liema ammonti żejda ma jservu xejn għat-tkabbir tal-prodott.

emissjonijiet mill-inċineratur tal-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-inċineratur tal-Marsa xahar b'xahar mindu sar it-tagħmir teknoloġiku ġdid? Huma skont il-parametri stabbiliti a priori?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-għan ewlieni tal-incinerazzjoni hija li tkisser il-Karbonju fil-iskart li jista' jinkludi materjal ieħor li fl-istat oriġinali jista' jkun noċiv għall-ambjent, billi permezz ta' temperaturi għoljin tirriduċieh għal gas CO2 li fin-natura huwa kimikament aktar stabbli u mhux noċiv Għaldaqstant, fil-ħruġ tal-permess operativ tal-incineratur tal-Marsa, l-awtorità kompetenti ma kienitx inkludit l-moniteragg ta' Diossidu tal-Karbonju (CO2) bħala meħtieg li jsir waqt l-operat tal-impjant. U għalhekk dan mhux qed isir. Ukoll, li l-ammonti ta' Diossidu tal-Karbonju jvarjaw skont kemm ikun qed jiġi nċinerat materjal, it-tip ta’ materjal li jkun qed jiġi inċinerat u kemm ikun meħtieġ jintuża fossil fuel biex tgħin l-inċinerazzjoni tilħaq it-temperatura meħtieġa. Rigward emissjonijiet oħra, isir monitoraġġ kontinwu fuqhom, liema valuri imkejla jinstabu pubblikati fil-Website tal-WasteServe (www.wasteservemalta.com) u huma aġġornati fuq bażi ta' 'real-time'. Qiegħed inpoggi fuq il-Mejda kopja stampata ta’ din is-sit.

sistemi fotovoltajiċi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari mwieġba dwar applikazzjonijiet għas-sussidji fuq sistemi fotovoltajiċi jista' jikkonferma li kien hemm applikazzjoni mill-kunsill lokali ta’ San Lawrenz li ġiet skwalifikata jew irtirata wara li rriżulta li kien hemm arranġament ma' supplier li permezz tiegħu kienu se jiġu invoiced għal ammont akbar mill-valur attwali tas-sistema li kellhom il-ħsieb li jistallaw? Jista' jagħti d-dettalji kollha dwar dan il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi ma' rċeviet l-ebda applikazzjoni mingħand il-Kunsill Lokali ta' San Lawrenz għal sussidju fuq sistemi fotovoltajiċi. Fuq l-applikazzjonijiet mitfugħa, il-proċess ta' verifika għadu ma intemmx.
Leg 11 PQ #16065 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kimiċi tal-bozoz energy savers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15814 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura , Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jinforma lil din il-Kamra jekk jeżistux xi tip ta' kimiċi fil-bozoz energy savers, liema kimiċi huma valenużi, li jistgħu jkunu ta' detriment għas-saħħa ta' min qed jużahom meta dawk jinkisru fid-dar? Aktar dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 13975.

Ċentru tal-Kmad f'Ħal Lija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' esperimenti qed iseħħu bħalissa fiċ-ċentru tal-kmand f'Ħal Lija? Jista' jagħti tagħrif dwar kif l-informazzjoni li tiġi żviluppata f'dan iċ-ċentru, fil-fatt tiġi trasferita lill-bdiewa f'Malta u f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fil-Laboratorju tal-Mikropagazzjoni li jinsab fiċ-centru tal-Kmand f’Ħal-Lija bħalissa qed isiru l-esperimentazzjoni fuq it-tulipan u l-orkidi Maltin li qed jitkabbru fil-laboratorju b’metodi mhux konvenzjonali. Xi pjanti minn dawn l-ispeċi qegħdin jiġu akklimatizzati fis-serra ġewwa dan iċ-Ċentru tal-Bioteknoloġija tal-Pjanti. Għaddejja ukoll riċerka dwar il-mard fuq is-siġar lumi bil-għan li eventwalment ir-riżultati miksuba jiġu applikati fil-futur biex jgħin fit-tkattir u konservazzjoni ta’ varjetajiet ta’ ċitru Maltin. Barra minn hekk, fuq bażi regolari fil-Laboratorji Djanjostiċi ta' dan l-istess ċentru jsiru testijiet għal mard speċifiku kif mitlub minn diversi obbligi tal-Unjoni Ewropeja. Dan l-istess laboratorju joffri servizz dirett lill-bdiewa u lill-pubbliku fejn dawn jistgħu jieħdu kampjuni suspettużi biex jiġu analiżżati f’dawn il-laboratorji. Wara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa minn uffiċċjali tad-Dipartiment, dawn il-bdiewa u membri tal-pubbliku jkunu mgħarrfa bir-riżultat permezz ta’ ittra uffiċċjali. L-informazzjoni miksuba f'dan iċ-ċentru tiġi mgħoddija lill-bdiewa u lill-pubbliku nteressat permezz tal-mezzi kollha disponibbli; fosthom laqgħat li jsiru regolari dwar dawn is-suġġetti, tqassim ta’ fuljetti, u l-mezzi tax-xandir billi d-Dipartiment jipparteċipa fi programmi informattivi tat-televizzjoni u tar-radju. Wieħed irid isemmi ukoll is-sit elettroniku tad-Dipartiment li tiġi aġġornata regolarment u hija fonti ta’ informazzjoni aċċessibli minn kulħadd.

Food security and safety regulations

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15679, 15302, 14745, 13615, 13089 u 12775 u 12323 u jgħid kemm mill-irziezet f'pajjiżna huma compliant mal-Food Security and Safety Regulations tal-Unjoni Ewropea? X'għajnuna qed jagħti l-Gvern biex jgħinhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jiġu compliant? Kemm minn dawn il-farms ġew mibdula għall-użu ieħor? X'se jiġri minn dawn l-irżieżet meta l-għajnuna finanzjarja diretta tieqaf fi tmiem is-sena d-dieħla? Jista' jikkonferma li f'żoni bħall-Magħtab hemm tmienja biss minn 24 razzett li għadhom joperaw bħala irżieżet u li ħafna minn dawn jinsabu f'qagħda ħażina ferm? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn għandhom jitħallew ikomplu joperaw minħabba l-kundizzjonijiet li jinsabu fihom? X'garanzija għandu l-konsumatur li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi u l-kunsiderazzjonijiet tal-istess konsumaturi dwar il-food security and safety l-ewwel u qabel kollox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-irziezet li jrabbu l-annimali għandhom kundizzjonijiet differenti relatati mas-settur partikolari imma li kollha jridu jiġu konformi sal-2012. It-Taqsima ghall-Iżvilupp Rurali għandha numru ta’ miżuri ta’ għajnuna finanzjarja fosthom Miżura 121 indirizzata speċifikament għal għajnuna sabiex isir immodernizzar tal-irziezet. Din hija parti minn żewġ programmi ta’ għajnuna (2004-2013) li l-gvern innegozja mal-Unjoni Ewropea, b’total ta’ madwar €133miljun immirati sabiex issir it-trasformazzjoni meħtieġa fis-settur agrikolu ħalli jkun vijabbli. Barra minn hekk, taħt l-iskema SMPPMA ( Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture ) is-settur agrikolu jingħata fondi sostanzjali oħra immirati ħalli s-settur isir aktar effiċjenti. Il-Ministeru, huwa konvint li b’dawn l-għajnuniet, ngħatat opportunità suffiċjenti. Il-garanażija tas-salubrita ta’ l-ikel, li joriġina mill-annimali, ġejja mill-fatt li dan il-gvern qiegħed jagħmel numru kbir ta’ ispezzjonijiet li jsiru fuq il- farms u testijiet li jsiru lill-annimali u tjur li jinstabu fuqhom. Ukoll isiru ispezzjonijiet waqt il-qatla . Dan barra programmi nazzjonli ta’ testjiet fuq il-prodotti li joriginaw mill-annimali u tjur Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi kweżit dwar il-bdil ta’ użu ta’ irziezet, nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija lill-Ministru konċernat

Strateġija dwar it-tibdil tal-klima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15602 u ċioe: Billi l-istrateġija nazzjonali dwar it-tibdil tal-klima ġiet finalizzata f’Settembru 2009, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar dan li ġej: a) fiex waslu l-istudji dwar dawk il-proposti kollha speċifikati fir-rapport li skont l-istess daħla kien għad iridu jiġi approfonditi aktar? b) il-pjanijiet għall- awareness campaign mudellata fil-kampanja tal-introduzzjoni tal-ewro? ċ) it-twaqqif tal- climate change division fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi? d) it-twaqqif tal- climate change consultative council ? e) l- inter ministerial committee on climate change and energy taħt ic- chairmanship tal-Prim Ministru? f) il-ħatriet ta’ climate change policy analysts fid-diversi korporazzjonijiet tal-Gvern? g) jekk il-Gvern għadux marbut li b’seħħ mill-1 ta' Lujlu 2010 jesiġi li l-provedimenti dwar bjar f’residenzi privati jiġu infurzati? ġ) sarux taħdidiet mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta biex jiġu introdotti middle third lane għal bi - directional use ? h) billi sa Lulju kellu jiġi introdott national shadow price for carbon , fiex waslu l-pjanijiet tal-gvern jekk jirriżulta li l- climate division għadha lanqas twaqqfet? ħ) ir-riżultati miksuba s’issa mill-pjan dwar effiċjenza fl-użu tal-enerġija? għ) il-wegħda li jiġi introdott ‘ a market incentive mechanism ’ għall- users industrijali u intraprizi li skont id-dokument għandu jkun ferm aktar attraenti milli huwa sal-lum fl-użu tal-enerġija alternattiva? i) l-applikazzjoni u l-użu ta’ low grade geothermal technology ? j) il- carbon footprint reduction plans fl-entitajiet governattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi bħalissa qed tagħmel sejħa għal Chief Officer Climate Change & Policy kif ukoll għal erba' Senior Analysts biex ikunu jiffurmaw parti mid-Diviżjoni tal-Climate Change sabiex titwaqqaf din is-sezzjoni u tieħu ħsieb timplementa l-istrateġija nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Minkejja l-fatt li din is-sezzjoni għadha qed titwaqqaf skont il-proċeduri tal-Gvern, ta’ min ifakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern (jew l-entitajiet tieghu) diġà ħa bosta miżuri relatati mal-miri tal-Istrategija fosthom ir-riforma tat-trasport pubbliku, skemi ta’ pannelli fotovoltajiċi, eċċ.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv minn min sar il-ko-finanzjament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-konferenzi, workshops u seminars li ġew organizzati f’dawn l-aħħar sitt xhur mid-dipartiment u dikasteri taħt dan il-Ministeru.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ilma tax-xita li jinġabar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex kemm jista' jkun jinġabar l-ilma tax-xita ħalli jerġa' jintuża flok jintilef? Kemm hu stmat li nġabar ilma tax-xita f’dawn l-aħħar sitt xhur? Għalxiex qed jintuża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-istrateġija tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Agrikoli għar-rigward il-ġbir ta' l-ilma tax-xita hija fuq żewġ fronti. Fuq l-ewwel front hemm iż-żamma tal-faċilitajiet eżistenti għall-ġbir u l-ħażna. Kull sena qed isir xogħol konsiderevoli ta' mautenzjoni u tindif fuq l-ilqugħ, ġibjuni u sistemi ta' culverts eżistenti. Ta' min jgħid li permezz tat-tindif biss f'dawn l-aħħar xhur il-potenzjal ta' volum żdied b'mhux inqas minn 7,300 metru kubu. It-tieni strateġija hija li jiżdiedu dawn il-facilitajiet għall-ħażna ta' l-ilma tax-xita. Il-Ministeru għadu kemm ingħata permess biex jibni ġibjun fit-tarf ta’ Wied Għollieqa li se jkun jesa’ madwar 10,000 metru kubu u li x-xogħol fuqu mistenni jinbeda fi ftit żmien ieħor. Barra minn hekk qed nistennew l-approvazzjoni għal applikazzjoni mal-MEPA biex jinbena lqugħ għall-ilma tax-xita f’Wied il-Għasel u li jkun jesa’ madwar 60,000 metru kubu ta’ ilma. Il-funzjoni ta' dawn l-istrutturi hija tripla; immedjatament dawn inaqqsu l-volum ta' ilma tax-xita li jispiċċa jżid il-periklu ta' għarar, it-tieni li jaħzen l-ilma għal użu agrikolu, u t-tielet jagħti opportunita li parti sostanżjali minn dawn l-ilmijiet jiskolaw minn ġol-blat fejn jiffiltraw irwieħhom biex tissaħħaħ il-ħażna tal-ilma tal-pjan. Fejn dawn l-aħħar żewġ fatturi jissuċċedu kontemporanjament, huwa impossibli li wieħed jikkwantifika kemm f'dawn l-aħħar sitt xhur inġabar ilma f'dawn il-faċilitajiet u kemm u għaliex intuża direttament.

Uffiċini u faċilitajiet sanitarji fl-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'alternattiva ngħataw l-ħaddiema tal-Għammieri wara li l-uffiċini u l-faċilitajiet sanitarji li ġew mibnija riċentement għalihom ġew mgħoddija lil WasteServ u lum jinsabu sprovisti minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- ħaddiema għadhom qed juzaw il-faċilitajiet sanitarji li dawn kellhom iżda diġà bdew isiru l-arranġamenti meħtieġa biex jiġu refurbished partijiet oħra tas-sezzjoni biex il-ħaddiema jkollhom l-faċilitajiet necessarji aħjar fl-iqsar żmien possibli. Il-binja msemmija qatt ma kienet tintuża minn dawn il-ħaddiema.

Spejjeż ta' binja ġdida fl-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ġiex rifuż l-ispejjeż li huwa nkorra mill-WasteServe wara li l-binja ġdida fil-kumpless tal-Għammieri li kienet intenzjonata sabiex taqdi l-esiġenzi tal-bdiewa ġiet mgħoddija lill-WasteServe?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kemm l-Għammieri u l-WasteServ jaqgħu taħt dan il-Ministeru. Għaldaqstant it-trasferiment ta' fondi titqies bħala eżerċizzju formali intern fuq il-kotba tal-Ministeru; liema trasferiment isir skont il-ħtiega u l-prijorita’ definita' mill-Ministeru. It-taħrig ta’ persuni ġejjin minn grupp fis-soċjetà Maltija meqjus bħala żvantaġġat huwa konsidrat bħala prijorità kemm għall-Gvern kif ukoll għall-istess ħaddiema. Il-binja msemmija qatt ma kienet tintuża mill-bdiewa

studenti tal-agrikoltura li jmorru jistudjaw barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Ministeru huwiex involut f'xi diskussjonijiet ma' istituti agrikoli barranin biex studenti Maltin kemm fl-Università kif ukoll fl-istitut tal-agrikoltura jkunu jistgħu jmorru jistudjaw suġġetti relatati mal-agrikoltura f'dawn l-istituti barranin? Jekk iva, ma' liema? Jekk le, jistgħu jinbdew kuntatti biex tali studji jsiru possibbli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li saru u ser jibqgħu jsiru kuntatti ma’ universitajiet/istituti agrikoli barra minn Malta ħalli nkomplu nagħtu opportunitajiet lill-persuni nteressati jkomplu jitrawmu fis-suġġett u insaħħu dan is-settur. L-aħħar kuntatt simili sar mal-Università ta’ Palermo fi sede tagħhom tal-Fakultà Agraria li qiegħda f'Marsala.

applikazzjoni biex issir proġett kontra l-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni sabiex isir proġett għal kontra l-għargħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

F'każ li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea biex nibbenefikaw mill-finanzjament ta' l-Unjoni Ewropea, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea għal-Progett Kontra l-Għargħar tista' tkun sottomessa biss wara li jkun konkluż il-proċess kollu tal-approvazzjoni tal-applikazzjoni mill-MEPA.

Strategic Environmental Assessment — skart solidu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kumpanija għamlet l-Strategic Environmental Assessment dwar l-istrateġija għall-iskart solidu? Kemm ġej jiswa dan l-eżerċizzju? Meta tlesta jew mistenni jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat li l-iStrategic Environmental Assessment għall-iskart solidu sar mill-Kumpanija ADI Associates Ltd għall-valur ta' €12,000 (inkluż il-VAT). Dan l-eżerċizzju jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.