Programmi fuq TVM u TVM News – Produtturi ta’ programmi
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' produtturi indipendenti li pproduċew programmi fuq TVM u TVM News għall-iskedi Ottubru 2020-Settembru 2021 u Ottubru 2021-Settembru 2022?
Progammi fuq TVM u TVM News – Produtturi ta’ programmi
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' produtturi indipendenti li se jkunu qed jipproduċu programmi fuq TVM u TVM News għall-iskeda Ottubru 2022-Settembru 2023?
Kunsilli Lokali li joperaw minn binjiet li mhux aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2692 u jgħid kemm-il Kunsill Lokali hawn li jopera f'binja li mhix aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti, f'kull livell tal-binja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li hemm disa' (9) Kunsilli Lokali li l-binja tagħhom mhux aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Il-Kunsilli msemmija huma tas-segwenti lokalitajiet: Il-Gudja, Ħal Għaxaq, il-Kalkara, il-Munxar, il-Qrendi, ir-Rabat (Malta), Santa Luċija, Santa Venera u x-Xagħra.
Servizz ta’ ġbir tal-borża tal-iskart riċiklat — Lokalitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jindika liema lokalitajiet għandhom is-servizz ta’ ġbir tal-borża tal-iskart domestiku riċiklat għal ġurnata waħda biss fil-ġimgħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm tlieta u tletin lokalitajiet illi għandhom is-servizz ta’ ġbir tal-borża tal-iskart domestiku riċiklat għal ġurnata waħda biss fil-ġimgħa. Il-lokalitajiet kkonċernati huma s-segwenti:
Mdina
Il-Birgu
Ħaż-Żebbuġ
Żabbar
Żejtun
Ir-Rabat Għawdex
Balzan
Birżebbuġa
Fontana
Gudja
Għarb
Għaxaq
Iklin
Kalkara
Kerċem
Marsaxlokk
Mqabba
Msida
Munxar
Nadur
Paola
Pembroke
Pieta`
Qrendi
Santa Luċija
Safi
Sannat
Tarxien
Xagħra
Xewkija
Xgħajra
Iż-Żebbuġ (Għ)
Iż-Żurrieq
Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jinbdew ix-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra jiġi msewwi u mibdul, għax diġà hu mimli sadid?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li x-xogħol tar-railing tax-Xatt diġà nbeda.
Isla – ilqugħ fl-aħħar parti tax-Xatt Juan B Azzopardo
Question
Jista’ l-Ministru jara li fl-aħħar parti tax-Xatt Juan B Azzopardo fil-belt Sengleana jsirilha l-ilqugħ li kien inbeda snin ilu u li s’issa għadu mhux magħmul u perikoluż?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Isla li r-railing tan-naħa tal-ponta huwa lest iżda jonqos in-naħa tal-bidu tal-Isla quddiem it-Terrace Houses.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – estensjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Wara dak li ntqal mill-eNGO Flimkien għall-Ambjent Aħjar, ċjoé li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed issir estensjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u kif ukoll li hemm impjegati mill-istess Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jista’ l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jekk hemm? Jista’:
a. jagħti d-data ta’ meta kull persuna daħlet taħdem fis-Sovrintendena tal-Patrimonju Kulturali;
b. jinidika l-kariga u l-grad li kull persuna kienet tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar fil-mument li daħlet fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju;
c. jndika l-kariga u l-grad li tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar illum minkejja li taħdem mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali;
d. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li daħlet fiha fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; u
e. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li tokkupa llum fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali?
Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ftehim jew kuntratt li jirregola l-ingaġġ ta’ dawn l-impjegati?
Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk ittieħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m'hemmx persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar.
Kunsilli Lokali — ilmenti dwar ħmieġ jew problema ta' skart
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2221, peress li kien hemm xi numru ta’ kunsilli lokali li kienu għadhom ma bagħtux l-informazzjoni relattiva, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment dwar ħmieġ jew problema ta’ skart ġew reġistrati fl-aħħar sentejn f’dawn il-kunsilli lokali?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2222, peress li kien hemm xi numru ta’ kunsilli lokali li kienu għadhom ma bagħtux l-informazzjoni relattiva, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment ġie reġistrat fl-aħħar sentejn f’dawn il-kunsilli lokali?
San Pawl il-Baħar/Xemxija – Triq il-Pwales — manutenzjoni
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2528, jista' l-Ministru jispeċifika x’xogħlijiet saru, u għal kull xogħol li sar, minn liema entità sar u meta sar? Jista' jaċċerta li t-tiswijiet ta' spralli tax-xita u fil-wiċc tal-asfalt fi Triq il-Pwales isiru mill-aktar fis, hekk kif dawn it-tiswijiet ma jidhirx illi saru?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Għaqdiet Mużikali madwar Malta u Għawdex, liema huma dawn l-Għaqdiet Mużikali, f’liema lokalita jinsabu u kemm ilhom imwaqqfin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm għotjiet ta’ flus mill-Gvern ser jibbenefikaw l-Għaqdiet tan-Nar madwar Malta u Għawdex din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinstab f’din il-lista hawn taħt:
Fl-2022 l-għaqdiet tan-nar madwar Malta u Għawdex ibbenefikaw minn żewġ għotjiet ta-flus:
1. Massimu ta’ €5,000 mill-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar
2. Massimu ta’ €2,000 mill-Iskema għall-Assistenza Loġistika tal-Festa
Irrid ngħid li l-iskema għal aktar saħħa u sikurezza fil-kmamar tan-Nar, li ilha toħroġ kull sena sa mit-twaqqif tagħha fl-2018, għandha l-għan li ssaħħaħ l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà tul il-ħidma mwettqa minn mijiet ta’ pirotekniċi li jaħdmu bla heda fuq bażi volontarja.
Permezz ta’ din l-iskema, inkomplu nibnu fuq l-impenn tagħna lejn il-prattiċi tradizzjonali tagħna, speċjalment dawk li jikkumplimentaw il-festa Maltija. Dan bħala parti mill-impenn tagħna biex nissalvagwardjaw il-wirt kulturali intanġibbli ta’ pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm għotjiet ta’ flus mill-Gvern ser jibbenefikaw l-Għaqdiet Mużikali madwar Malta u Għawdex din is-sena, anke minħabba l-fatt illi minħabba l-pandemija dawn l-Għaqdiet Mużikali qed isofru minn diffikultajiet finanzjarji? X’għandu maħsub il-Gvern biex fix-xhur u s-snin li ġejjin dawn l-Għaqdiet Mużikali jkomplu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja tal-Gvern biex din it-tradizzjoni Maltija ma tintilifx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinstab f’din il-lista hawn taħt:
Fl-2022 l-għaqdiet mużikali madwar Malta u Għawdex jistgħu jibbenefikaw minn żewġ għotjiet ta’ flus:
1. Massimu ta’ €12,000 mill-Iskema ngħinu finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda
2. Massimu ta’ €2,000 mill-Iskema għall-Assistenza Loġistika tal-Festa
Bħala gvern nemmnu li dawn l-iskemi huma importanti biex jibqa’ jingħata appoġġ lill-għaqdiet li jippromwovu tradizzjonijiet lokali relatati mal-festi. Dawn l-iskemi jkomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tal-voluntiera biex ikomplu jwettqu l-ħidma sfiqa, anke wara d-diffikultajiet li ġarrbu minħabba l-pandemija.
Naturalment l-għaqdiet mużikali jistgħu jibbenefikaw ukoll minn kull skema ta finanzjament li huma eleġibbli għaliha lil hinn mit-tnejn li semmejt hawn fuq u li huma esklussivi għas-soċjetajiet mużikali.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Infiq f’reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir innifsu?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1700, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx jew kienx hemm ukoll l-involviment tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jekk iva, x’sar mill-istess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li min-naħa tal-istess Kunsill ma kienx hemm involviment rigward mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Madanakollu, infurmat mill-istess Kunsill Lokali illi f’dawn ix-xogħlijiet kien hemm l-involviment ta’ entitajiet oħrajn.
Jista’ l-Ministru:
a. Jgħid kemm hemm nies impjegati jaħdmu fi ħdan it-Teatru Manoel;
b. Jgħid x’inhu t-titlu tax-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati;
c. Jgħid x’inhuma l-kompetenzi u l-kwalifiki li għandhom abbinati ma’ xogħolhom; u
d. Jagħti rendikont tas-salarji ta’ kull impjegat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament, it-Teatru Manoel jimpjega 32 ħaddiem, li jinkludu l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u l-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet. Id-dettalji mitluba jinsabu fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li bħalissa t-Teatru Manoel ma għandux direttur artistiku, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika (policy) tal-bord tat-tmexxija fil-preżent? Meta ġie appuntat dan il-bord tat-tmexxija? X’kienu l-kriterji prinċipali tas-selezzjonijiet tal-programm ta’ din is-sena? Min iddeċieda u għażel l-avvenimenti/programm ta’ din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Bord ġie appuntat din is-sena u huwa magħmul minn 11-il membru. Il-maġġor parti tal-produzzjonijiet teatrali li kienu u li qed jiġu mtella’ fit-Teatru minn meta nfetaħ, wara li kien ingħalaq minħabba r-regolamenti tas-saħħa pubblika dwar il-Covid-19, kienu approvati mill-Board Maniġerjali ta’ qabel u mid-Direttur Artistiku li kellu t-Teatru dak iż-żmien. Dawn il-produzzjonijiet teatrali kellhom jiġu posposti minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija, madankollu t-Teatru żamm l-impenn li kien ħa sabiex itellagħhom wara li jitneħħew ir-restrizzjonijiet.
Sakemm jiġi ingaġġat Direttur Artistiku ġdid, is-Senior Management tat-Teatru qed jipproponi produzzjonijiet artistiċi, flimkien mal-ispejjeż li jinvolvu, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-Board Maniġerjali. Is-Senior Management huwa kompost mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, mis-Senior Manager tal-avvenimenti u l-produzzjonijiet, mill-Koordinatur tat-ToiToi (pjattaforma performattiva intiża għaż-żgħażagħ) u mill-Assistent Direttur għall-Marketing.
Irrid ngħid ukoll li s-sejħa għal Direttur Artistiku se toħroġ fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid:
a. X’kien id-dħul totali li daħħal minn inizjattivi privati fis-sena 2021 u s’issa għal din is-sena 2022 għat-Teatru Manoel?
b. X’persentaġġ tal-budget għat-Teatru Manoel mar għas-salarji tal-ħaddiema għas-sena 2021 u anke għal din is-sena?
c. Kemm hija l-figura totali mill-budget li tmur għas-salarji tal-ħaddiema?
d. X’inhu l-persentaġġ tal-infiq fuq programmi artistiċi u kemm hi l-figura totali tas-sena 2021 u dik ta’ din is-sena s’issa?
e. X'inhu d-dħul totali derivat minn inizjattivi privati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-kiri tat-teatru għal wirjiet ta’ partijiet terzi għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021 ammontaw għal €1,500 (awditjati) u għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 ammontaw għal €90,998 (mhux awditjati). Ta’ min jinnota li matul il-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021, it-Teatru Manoel kellu jagħlaq il-bibien tiegħu jew jopera b’udjenza mnaqqsa kif ordnat mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.
Infurmat illi l-ispejjeż tal-ħaddiema għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021 ammontaw għal €746,620 (awditjati) u għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 ammontaw għal €795,113 (mhux awditjati). Dawn ammontaw għal 42% (ibbażat fuq baġit ta’ €1.78m) u 53% (ibbażat fuq baġit ta’ €1.50m) tal-baġit allokat rispettivament.
L-ispejjeż diretti għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021 ammontaw għal €318,664 (awditjati) u għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 ammontaw għal €447,220 (mhux awditjati).