Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm psychologists impjegati biex jagħtu servizz lir-residenti ta' San Vincenz de Paule? Jekk hemm psychologists, x'inhu x-xogħol prinċipali tagħhom? Jekk m'hemmx, għandu l-ħsieb li jimpjega professjonisti fuq dan il-qasam u meta huwa ppjanat li dan isir?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fir-residenza San Vincenz de Paule hemmx networking tal-kompjuter bejn is-swali u l-blokk amministrattiv? Jekk iva, meta sar? Jekk le, meta huwa ppjanat li jsir? Kemm ilhom jistennew biex dan isir? Jekk għadu ma sarx, għaliex għadu ma sarx meta illum qed ngħixu f'soċjetà elettronika?
B'referenza għall-mistoqsija parlmantari 3971, jista' l-Ministru jgħarrafni bil-każijiet pendenti inkluż in-numru ta' ħaddiema in kwestjoni f'dawn it-tilwimiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li din is-sena ġew rapportati 78 każ ta’ tilwim industrijali. Fl-aħħar erbgħa snin in-numru ta’ każijiet kien:
2004 - 73
2005 - 82
2006 - 82
2007 - 74
Minn dawn il-każijiet għad hemm tmienja pendenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4746 u 25966 li saret fil-leġislatura l-oħra u jgħid jekk il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali fasslitx il-Quality Services Charter tas-servizzi li hija tmexxi?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali bdiet id-diskussjonijiet interni sabiex tipprepara l-Quality Service Charter għas-servizzi li hija tmexxi. Hu maħsub li fuq medda ta’ żmien, jitfassal Quality Service Charter għal kull Aġenzija fi ħdan il-Fondazzjoni bil-għan li l-proġett jinħadem bir-reqqa. Għalhekk, minn din is-sena beda l-proċess ma’ l-APPOĠĠ. Kif jitlesta l-Quality Service Charter ta’ din l-Aġenzija, jibda l-proċess ma’ l-Aġenziji l-oħra tal-Fondazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' tifel li d-dettalji tiegħu qed jinagħtaw separatament, peress li anke peadiatrician privat qal li għandu bżonn facilitator?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Issa li l-Gvern qed jipproponi bidliet fil-liġijiet tal-kera ta' pajjiżna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-gvern innifsu jagħti eżempju konkret billi jagħti ħlas ta' kirja ogħla mill-mument li tgħaddi l-liġi fil-parlament, mingħajr ma nistennew iktar żmien?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Gvern ser ikun qed jimxi ma’ dak li tistipula il-liġi ġdida tal-kera fiż-żmien opportun.
Koppji li jagħmlu fostering — ċertifikat tal-kondotta
Question
Jista' l-Ministru jara li l-Pulizija tibda toħroġ iċ-ċertifikat tal-kondotta dettaljat ta' dawk il-persuni li jridu jagħmlu fostering bħalma jsir fil-każ tal-koppji li jkunu se jaddottaw tarbija?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-kandidati prospettivi li jridu jagħmlu fostering huma mitluba għall-kondotta tal-Puluzija. Meta jinħass il-bżonn, il-kandidati huma mitluba għall-kondotta dettaljata.
Ċentri għall-persuni ta' anqas minn 60 sena — riabilitazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4196 u 3454 u jgħid jekk jeżistix ċentru fejn persuna li għandha inqas minn 60 sena tkun tista' tmur fih għal riabilitazzjoni? Peress li anzjani u persuni li għandhom iktar minn 60 sena jistgħu jmorru Zammit Clapp, hemm ħsieb li fil-futur jinbnew ċentri oħrajn bħal dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li minn Novembru 2007, il-Ministeru tiegħi estenda dan is-servizz għall-iSptar Karen Grech fejn adulti ta' kull eta' jistgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz ta' rijabilitazzjoni. B'hekk is-servizz li kien jingħata fl-iSptar Żammit Clapp issa ġie estiż ukoll għall-adulti kollha u mhux biss għal dawk li għandhom aktar minn 60 sena.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fejn u meta l-Awtorità tad-Djar tibni l-appartamenti tal-gvern, din l-istess awtorità jew f'korporazzjoni ma' awtoritajiet oħra tassigura li l-infrastruttura neċessarja kollha (ilma,drenaġġ, toroq u dawl barra) tiġi inkorporata fil-proġett għaliex f'ċerti każi l-blokki mibnija jitqassmu lir-residenti mingħajr dawn is-servizzi u bi problemi mhux żgħar għalihom?
Billi xahar qabel l-Elezzjoni Ġenerali għadd ta’ familji Maltin irċevew ittra uffiċjali mid-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali, taqsima amministrazzjoni tad-dfin taċ-ċimiterju Santa Marija Addolorata datata 4 ta' Frar, 2008 fejn dawn ġew mgħarrfin uffiċjalment mill-amministratur tat-taqsima amministrazzjoni tad-dfin li x-xogħol sabiex jitkabbar iċ-ċimiterju ta’Santa Marija Addolorata kien wasal biex jinbeda fi żmien qasir u li dan il-proġett ser jinkludi l-bini ta’ 2,782 qabar ġdid u li 2,500 qabar minnhom kienu ser jiġu allokati u mibjugħa lill-pubbliku filwaqt li l-kumplament tal-oqbra mibnija kienu ser jinżammu mill-Gvern għall-użu komuni, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proġett, meta ser jiġu allokati dawn l-oqbra u jekk kien hemm xi tibdil fil pjani tal-gvern x’wassal għal dan u għaliex il-familji konċernati ma ġewx avżati dwar l-iżviluppi l-ġodda?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4749 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal il-każ tal-istallazzjoni ta' lift fil-post li qed jingħata separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Awtorita’ kienet approvat l-applikazzjoni għall-installar ta’ lift fil-blokk imsemmi, u applikat għall-permess mingħand il-MEPA. Bħalissa, l-Awtorita’ għandha madwar 30 talba pendenti għall-installazzjoni ta’ lifts fi blokki esistenti tal-Gvern u tħejja program ta’ installar fuq bażi ta’ prijorita’ skond il-gravita’ tad-diżabitita’ ta’mobilita’ tar-residenti. Għaldaqstant fil-każ imsemmi, il-lift mistenni jitlesta matul is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4743 u jgħid:
a) Kemm hawn polikliniċi f'Malta?
b) Kemm swiet kull poliklinika lill-gvern kull sena, f'dawn l-aħħar tliet snin?
ċ) Kemm hemm impjegati f'kull poliklinika?
d) X'inhuma l-ammont f'pagi u salarji li l-Gvern ħallas kull sena għal dawn l-aħħar tliet snin, għal kull poliklinika?
e) Kemm attendew pazjenti f'kull poliklinika kull sena f'dawn l-aħħar tliet snin?
Jista' l-Ministru jwieġeb kull domanda b'mod individwali?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei — bini - fondi mill-Kumitat Soċjali Ewropew
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5260 u jgħid kemm il-gvern Malti u/jew il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ingħataw fondi: forma ta' self mill-kumitat Soċjali Ewropew għall-bini tal-Isptar Mater Dei?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qatt ma rċeviet fondi direttament mill-Kumitat Soċjali Ewropew għall-bini tal-iSptar Mater Dei. Il-fondi minn dan il-Kumitat kien jiċevihom il-Ministeru tal-Finanzi lli minn naħa tiegħu kien jalloka fondi lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għall-bini ta' dan l-iSptar permezz tal-baġits annwali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5259 u jgħid fil-31 ta' Diċembru 2008, kemm kien id-dejn tad-Dipartiment tas-Saħħa mad-distributuri tal-mediċini, kemm distributuri Maltin kif ukoll barranin?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5265 u jgħid fl-2008 kemm irriżenjaw mid-Dipartiment tas-Saħħa:
a)Speċjalisti
b)Tobba
ċ)Dentisti
d)Infermiera
e)Qwiebel
f)Professjonisti elenkati fil-lista ta' professjonisti relatati mas-saħħa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li rreżenjaw 2 enrolled nurses, 2 therapist u 1 staff nurse.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2754 u jgħid kemm inħarġu sejħiet għall-offerti matul l-2006 għal xiri ta' purtieri għal djar tal-anzjani? Liema djar inħarġu għalihom dawn is-sejħiet? Min rebaħ dawn it-tenders u kemm tħallsu dawn il-kuntratturi?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2753 u jgħid kemm inħarġu sejħiet għall-offerti matul l-2006 għal xiri ta' purtieri għar-residenza San Vincenz de Paule? Min rebaħ dawn it-tenders u kemm tħallsu dawn il-kuntratturi?