Jista' l-Ministru jinforma x'kundizzjonijiet hemm mill-Arriva għal nies b'karta tal-identità ta' disabled?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratt ta’ servizz ta’ trasport pubbliku jesiġi sensiela ta’ kundizzjonijiet biex jassiguraw aċċessibilità sħiħa lill-persuni b’diżabilità. Dawn jinkludu staffa baxxa, avviżi bil-fomm tal-waqfiet li jkun imiss, aċċessibilità tal-magni tal-biljetti, prijorità għas-siġġijiet qrib il-bieb u servizzi u speċifikazzjonijiet simili oħra.
Biex ikun assigurat li persuni li jkunu b’siġġu tar-roti jkollhom il-ħin kollu li jkollhom bżonn biex isibu posthom u jinqaflu qabel titlaq il-karozza, passiġġieri fuq siġġu tar-roti se jivjaġġaw b’xejn b’deċiżjoni tal-operatur.
Jista' l-Ministru jissuġerixxi lid-dipartiment responsabbli biex jieħu azzjoni ħalli titnaddaf l-area bejn it-Triq Karlo Darmanin u Dun Anġ Dingli, Mosta, liema area hija mimlija b'materjal tal-ġebel u trab ieħor li barra li tagħti dehra ta' telqa u ħmieġ, qed tkun il-post fejn tikkawża diversi problemi lir-residenti tal-madwar? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji biex dan il-post jitnaddaf? Din it-talba diġà ġiet proposta diversi xhur ilu u l-Ministeru qal li kien se jieħu passi iżda mid-dehra din id-direzzjoni ma ġietx segwita mill-awtoritajiet konċernati.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid xi jrid jkun hemm sabiex jinħareġ permess għal-loading u unloading bay quddiem ħanut? Dawn il-kundizzjonijiet huma għal-loading u unloading bay il-ġurnata kollha u hemm kundizzjonijiet differenti għal dawk is-sidien tal-ħwienet li jridu jagħmlu loading u unloading bay b'ħin ristrett ngħidu aħna kuljum għall-10.00am u mhux iktar mill-10.00am?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ħwienet li jikkwalifikaw sabiex ikollhom un/loading bays huma kif gej:
- ħwienet li jbiegħu
white goods
;
- ħwienet li jbiegħu l-għamara;
- ħwienet li jbiegħu jew jikru makkinarju ta' ċertu piż; u
- fil-kaz ta' ħwienet oħra, jistgħu jiġu allokati
un/loading bays
għal numru ta' ħwienet (madwar 6) viċin ta' xulxin, jew żoni kummerċjali, biex jagħmlu użu minnhom bejniethom.
L-
un/loading bays
normalment jiġu approvati għal massimu ta' tmien sigħat matul il-ġurnata, waqt li fil-kumplament tal-ħin ikun jista' jipparkja il-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk biex tagħmel loading/unlaoding bay ta' min hija r-responsabiltà jekk huwiex tal-kunsill lokali jew jekk hijiex ta' xi awtorità oħra? Jista' jsemmi liema awtorità hija responsabbli biex toħroġ dawn il-permessi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-permessi għal un/loading bays jinħarġu minn Transport Malta. Nitlob ukoll lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 21060.
Jista' l-Ministru jikkonferma li s-sistema tal-cameras fit-taxis se tiġi estiża ukoll lit-taxis imħaddmin minn kumpaniji privati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-taxis kollha, sew jekk imħaddma minn individwi jew kumpaniji privati huma meħtieġa li jkollhom istallata sistema ta' kamera.
Ta' min jiċċara li l-kelma
taxi
għandha tinftiehem skont id-definizzjoni mgħotija fir-Regolamenti dwar is-Servizzi tat-
Taxi
(L.S. 499.59), jiġifieri, bħala vettura bil-mutur tal-passiġġieri li tista' ġġorr mhux aktar minn ħames passiġġieri minbarra x-xufier, li tkun mgħammra b'
taximeter
, u li jkollha liċenzja biex tivvjaġġa u tistenna biex tinkera bħala
taxi
.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-operatur tal-open top buses f’Ghawdex għandux dritt li jkollu venda fil-port tal-Imġarr?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rotta ta' trasport għat-turisti f'Għawdex li ġiet stabbilita minn Transport Malta, għandha l-punt ta' tluq u ritorn tagħha fl-Imġarr, f'Għawdex u għalhekk kull operatur awtorizzat minn Transport Malta biex jagħti servizzi regolari lill-passiġġieri fuq din ir-rotta għandu d-dritt li jagħmel użu minn dan il-punt ta' tluq u ritorn.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex se jinbidel il-meter tat-taxis f’Għawdex meta dan kien diġà inbidel erba' snin biss ilu ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li kemm it-taxis ta' Malta, kif ukoll dawk t'Għawdex irid jinbidlilhom it-taximeter u dan sabiex ikun konformi mal-provedimenti tar-Regolamenti dwar Servizzi tat-Taxi (Avviż Legali 369 tal-2010, kif emendat); kif ukoll mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal Tagħmir Periferali għat-Taxis li ġew ippublikati skont l-istess Regolamenti, li fost oħrajn jistabbilixxu li t-taximeter għandu jkollu apparat li jippermetti l-istampar ta’ riċevuti fiskali, kif ukoll il-kapaċità li jinterfaċċa mal-apparat li jissorvelja; kollha funzjonijiet li t-taximeters preżenti m’għandhomx il-kapaċità li jagħmlu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni tal-gvern li taxi tinbidel wara 15-il sena, hijiex deċiżjoni tal-gvern waħdu jew jekk hijiex marbuta ma' regolamenti tal-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-obbligu li vettura tal-għamla taxi ma tiġġeddiliex il-liċenzja tagħha jekk din tkun laħqet ħmistax-il sena mid-data tal-manifattura tagħha joħroġ mir-regolament 23 subinċiż 3 tar-Regolamenti dwar Servizzi tat-Taxi (Avviż Legali 369 tal-2010, kif emendat), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2010 wara konsultazzjoni wiesgħa mas-settur u mal-pubbliku. Din id-deċiżjoni, għalkemm ma toħroġ minn ebda obbligu tal-Unjoni Ewropea, hija intiża sabiex il-flotta tat-taxis f'Malta tinżamm ta' età baxxa, kemm fl-aħjar interess tal-kwalità tas-servizz li jingħata, kif ukoll biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet u b’hekk jiġi mħares l-ambjent f’pajjiżna.
Għoti ta' permessi għall-inġenji — nuqqas ta' spazju
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-gvern għall-għoti ta’ permessi biex inġenji kbar jinżammu fi btieħi? Jista' jgħid jekk hux qed jirriżulta li qed tinħoloq problema li minħabba nuqqas ta’ spazju fejn jinżammu inġenji ta’ dan it-tip, qed ikun hemm ipparkjar tagħhom b’mod illegali fit-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għall-ewwel parti tal-mistoqsija, l-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għall-ħruġ ta’ permessi biex inġenji kbar jinżammu fi btieħi u għaldaqstant nitolbu jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Fir-rigward ta’ vetturi pparkjati b’mod illegali fit-toroq, ninsab infurmat li Transport Malta ma jirriżultalhiex li hemm xi pparkjar illegali iżda jekk l-Onorevoli Interpellant huwa konsapevoli ta’ xi pparkjar illegali, nitolbu jinforma b’dan lill-Pulizija biex jitteħdu l-passi neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kif minn proġett għall-baċir Numru 1 u l-madwar issa qed issir xogħol ta' embellishment fuq in-naħat tax-xatt ta' Bormla u l-Birgu u jekk ix-xogħlijiet li qed isiru jinkludux ir-restawr, l-użu u/jew bini ġdid fuq in-naħa tal-imħażen tal-istess baċir? Kemm mistenni jiswa dan il-proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-Baċir Numru 1 (Dock 1) ma jinkludix ir-restawr, l-użu u/jew bini ġdid fuq in-naħa tal-imħażen peress li dawn jaqgħu barra ż-żona tal-proġett.
Ħal Luqa — Triq ir-Rixtellu - manutenzjoni ta' triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq ir-Rixtellu, Ħal Luqa għaliex din tinsab mimlija ħofor u għaldaqstant hija ta' periklu kemm għall-pedestrians kif ukoll għal vetturi li jgħaddu minnha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 7120 u Nru. 13576.
Riforma tat-Trasport Pubbliku — Rotta minn Sptar Mater Dei għaċ-Ċirkewwa
Question
In vista tar-riforma tat-trasport pubbliku peress li qabel kien hemm trasport minn Sptar Mater Dei għaċ-Ċirkewwa u lura u issa skont il-fuljett li ntbagħat ġod-djar, jidher li mhux se jkun hemm din ir-rotta, jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex l-Għawdxin ikollhom trasport għall-Isptar Mater Dei?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bir-riforma tat-trasport pubbliku ser ikun hemm servizz bin-numru tar-Rotta X1 li jmur direttament miċ-Ċirkewwa għall-isptar Mater Dei.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni qiegħda indikata fil-mappa li kien hemm inkluż mal-fuljett li ntbagħat ġod-djar.
Mellieħa — Triq George Borg Olivier - triq one-way
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha Transport Malta biex Triq George Borg Olivier fil-Mellieħa ssir one-way u jitħalla jgħaddi biss traffiku sejjer fid-direzzjoni tal-Għadira?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm Transport Malta ġiet a konjizzjoni tagħha li hemm xi ħsieb li jiġu proposti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieha xi tibdiliet fl-iskema tat-traffiku ġewwa l-istess lokalità, l-awtorità ma rċeviet l-ebda talba formali. Naturalment hekk kif tirċievi tali talba jew proposta, din tiġi evalwata.
Mellieħa — Triq George Borg Olivier - diskussjonijiet biex it-triq issir one-way
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kuntatti saru minn Transport Malta mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fl-aħħar tliet snin biex Triq George Borg Olivier issir one-way u biex parti mit-traffiku li s-soltu kien jgħaddi minn din it-triq jibda jgħaddi minn toroq oħra fl-inħawi ta’ wara l-Knisja Parrokkjali, tal-Mellieħa?
Transport Malta — toroq fil-Mellieħa - użu ta' vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru minn Transport Malta dwar it-tibdil fl-użu tat-toroq fil-Mellieħa mill-vetturi, inkluż Triq George Borg Olivier, u l-impatti li dan it-tibdil iħalli fuq ir-residenti u l-istabbilimenti kummerċjali li se jintlaqtu minn dan it-tibdil?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ma ssottometta l-ebda applikazzjoni formali u studji dwar l-impatt tat-traffiku (traffic impact studies) lil Transport Malta għal tibdil fl-użu tat-toroq fil-Mellieħa mill-vetturi.
Transport Malta — soluzzjoni għall-konġestjoni tat-traffiku qawwi fil-Mellieħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'alternattivi differenti ġew ikkunsidrati minn Transport Malta dwar soluzzjoni għall-konġestjoni tat-traffiku qawwi li jgħaddi minn Triq George Borg Olivier fil-Mellieħa, traffiku li mistenni jonqos ħafna meta jinqatgħu l-karozzi tal-linja minnha fit-3 ta' Lulju 2011 biex flok issir one way, jittieħdu miżuri oħra li ġew proposti mill-kunsilliera Laburisti fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa mill-Awtorità ta' Malta tal-Hotels u Ristoranti u mill-General Retailers and Traders Union?
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex tiġi solvuta il-problema ta' parkingli hemm quddiem id-dar tiegħu billi jsiru xi forma ta' double lines sofor, stante li literalment wara li xi ħadd jipparkja l-karozza, dan ma jkunx jista' joħroġ mid-dar tiegħu jew inkella jkun imbarrat milli jidħol lura?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Rotot minn Buġibba għal Golden Bay u minn Buġibba għar-Rabat
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex ir-rotta diretta Buġibba/Golden Bay u lura, u Buġibba/Rabat u luru ma jiġux inklużi fil-lista ta' rotot li se jibdew jitħaddmu mit-3 ta' Lulju 2011 'l quddiem? Jista' jagħti indikazzjoni dwar dan u jekk din ir-rotta tistax tiġi mibdula?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku taħdem b’mod differenti mis-sistema tal-lum fejn ġiet introdotta diċentralizzazzjoni tas-servizz li tradizzjonalment kien ċentrat madwar il-Belt Valletta.
Infurmat ukoll li bis-sistema l-ġdida se jkunu introdotti madwar 20
interchanges
f’Malta li l-iskop tagħhom huwa li jsir tibdil ta’ rotot minflok li r-rotot jkunu diretti lejn il-Belt Valletta, kif inhuma preżentament.
Għaldaqstant, bl-introduzzjoni tas-servizz l-ġdid, passiġġier minn Buġibba jrid jirkeb ir-Rotta 31 jew 41 li tieħdu l-
interchange
tat-Technopark ġewwa l-Mosta u minn hemm jirkeb ir-Rotta 107 jew 202 lejn ir-Rabat.
Fir-rigward ta’ dak il-passiggier li jrid imur minn Buġibba lejn Golden Bay, jien infurmat li jista’ jagħmel dan permezz tar-Rotot 41 u X1 u jibdel ix-xarabank mill-Mellieħa fejn jieħu ir-rotta 102 lejn Golden Bay.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta u Arriva se jkunu qed jevalwaw l-użu tar-rotot biex dawn jittejbu skont il-bżonn.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26510 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġew reġistrati separazzjonijiet mis-sena 1980 sal-2010 kull sena separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 18077 u 24896.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-traffic lights ta' ħdejn il-każin laburista l-Imsida, u b'mod partikulari dawk id-dwal li jikkontrollaw it-traffiku li jkun ġej mid-direzzjoni tal-Belt, biex imur tas-Sliema, jiġu rranġati, ħalli jkunu jaħdmu b'mod sinkronizzat mal-kumplament tat-traffiku l-ieħor u b'hekk ma jtellfux il-flow tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-traffic lights ta' ħdejn il-każin Laburista tal-Imsida, u b'mod partikulari dawk id-dwal li jikkontrollaw it-traffiku li jkun ġej mid-direzzjoni tal-Belt, se jkunu sinkroniżżati bħala parti mill-proġett imsejjaħ Intelligent Traffic Management Systems (ITMS), fejn jinkludi ukoll t-titjib b’mod komputeriżżat tad-dwal tat-traffiku fil-junctions prinċipali fit-toroq fejn applikabbli.