Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #10640 Sitting 246 2019-07-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – xogħol fl-area tal-parking

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10459 tista' l-Ministru tgħid x'tip ta’ xogħol preparatorju u xogħol ieħor kien qed isir u qed isir f'dawn l-aħħar ġranet ġewwa l-area tal-parking ġewwa x-Xlendi? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol? Meta ħarġu s-sejħiet pubbliċi? Kif intgħażlu? X'esperjenza għandhom f'dan ix-xogħol? X' tip ta’ xogħol qed jagħmlu dawn il-kuntratturi u kemm tħallsu s’issa? X’tip ta’ xogħol fadal isir fl-area tal-parking tax-Xlendi qabel jibda s-sajf u min huma l-kuntratturi li ħa jagħmlu dan ix-xogħol u kif intgħażlu? Meta huma ppjanati li jitlestew? Ħarġet sejħa pubblika għal dan ix-xogħol li fadal isir?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10459 u jiżdied jingħad li parti mix-xogħol preparatorju kien diskussjoni mal-Birdlife biex id-dwal ikunu iktar bird friendly kif ukoll rilokazzjoni ta’ siġar skont id-direzzjoni tal-ERA.
Leg 13 PQ #10641 Sitting 246 2019-07-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Imġarr Għawdex — Triq bejn in-Nadur u l-Imġarr - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif it-triq bejn in-Nadur u l-Imġarr (Triq l-Imġarr) issa ilha magħluqa għal aktar minn tmien xhur kemm għall-vetturi kif ukoll għal min irid jgħaddi bil-mixi u x-xogħol fuq l-istess triq ilu wieqaf minn Diċembru tas-sena 2018? Tista' tgħid meta hu maħsub li jitkompla x-xogħol? X'tip ta' xogħol se jsir u meta hu mistenni li din it-triq terġa' tinfetaħ kemm għal użu tal-vetturi kif ukoll għan-nies bil-mixi? Tista' tgħid x'sar biex il-bdiewa li għandhom raba' fl-inħawi jkunu jistgħu jaċċessaw u jaħdmu r-raba' tagħhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġie ppubblikat u qed jiġi proċessat. Kburija li f’din il-leġislatura l-Ministeru għal Għawdex ħa d-deċiżjoni li jsir dan il-proġett maġġuri li ilu snin twal jiġi njorat.
Leg 13 PQ #10642 Sitting 246 2019-07-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan ta’ Xlendi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9419, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ewwel fażijiet għar-riġenerazzjoni u l-Master Plan tax-Xlendi li huma faċilitajiet għas-sajjieda, riġenerazzjoni tal-boathouses kif ukoll ir-riorganizzazzjoni tal-parkeġġ li permezz tiegħu se jiżdied il-parkeġġ b’60%, tlestewx qabel beda s-sajf 2019? Jekk le x'inhuma r-raġunijiet li l-ebda wieħed minn dawn il-proġetti ma tlesta qabel beda is-sajf 2019? Min se jerfa' r-responsabbilità ta' dan kollu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-parkeġġ kien u għadu skedat għal wara s-Sajf. Ix-xogħol fuq il-boathouses miexi skont kif pjanat. Għandu jerfa’ r-responsabbilità min għal snin sħaħ ta’ Gvern Nazzjonalista, dan ix-xogħol qatt ma sar.
Leg 13 PQ #10643 Sitting 246 2019-07-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur — Triq it-Tiġrija - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex għadu ma bediex ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala fin-Nadur li huma żewġ toroq li jaqgħu direttament taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, meta dawn it-toroq jinsabu fi stat ħażin ħafna u dan għaliex anke fl-aħħar snin lanqas manutenzjoni tajba ma saret fuq dawn iż-żewġ toroq? Tista' tgħid jekk inħariġx tender biex isir xogħol fuq dawn it-toroq u jekk iva meta se jibda x-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta` xogħlijiet fuq it-toroq għas-sena 2019 huwa lest u qed jitwettaq kif pjanat.
Leg 13 PQ #10759 Sitting 246 2019-07-08 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — vapur - gross tonnage

Question

B'referenza għall-vapur MV Nikolaos, fejn fil-Vessel Particulars tal-istess vapur jingħad li l-Gross Tonnage tiegħu hu ta' 996 u tat-tliet vapuri l-oħra tal-Gozo Channel il-Gross Tonnage hu 4,893, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar id-differenza fit-tunnellaġġ tar-raba' vapur u dawk tal-Gozo Channel?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-gross tonnage tal-MV Nikolaos huwa ta’ 4,212 tunnelata.
Leg 13 PQ #10631 Sitting 245 2019-07-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Belt Victoria – Ċentru ġdid tas-Saħħa – perit/kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 9999 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u tgħid min hu l-perit/kumpanija, inkarigat mill-proġett taċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa fiċ-ċentru tal-Belt Victoria, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa u kemm-il siegħa xogħol għamel sa issa? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux il-permessi kollha meħtieġa u jekk ħarġux diġà t-tenders u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li ċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa se jibda jintuża mill-pazjenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura ttieħdet id-deċiżjoni li l-binja tat-taraġ ta’ San Franġisk issir ċentru tas-saħħa flok sala tal-wirjiet. Qed jintużaw l-istess permessi u tenders li ġew maħruġa għall-biċċa l-kbira tax-xogħol filwaqt li l-FMS qed tiehu ħsieb dawk ix-xogħlijiet ulterjuri meħtieġa biex l-intern tal-binja jkun jista’ jservi għall-iskop il-ġdid. It-tenders il-ġodda ser joħorġu dalwaqt.
Leg 13 PQ #10634 Sitting 245 2019-07-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Museum- xogħol

Question

Tista' l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Gozo Museum u meta huwa ppjanat li jitkompla x-xogħol ta' kostruzzjoni u xogħol ieħor fuqu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in vista tal-iskoperti arkeoloġiċi imprezzabbli li nstabu waqt l-eżkavazzjoni tax-xogħol, il-Ministeru qed jaħdem id f’id mas-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex dawn is-sejbiet ikomplu jiġu skoperti u preservati.
Leg 13 PQ #10635 Sitting 245 2019-07-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — kiri ta' vapur

Question

Tista' l-Ministru tgħid il-vapur li ġie mikri mill-Gozo Channel għal kemm żmien ġie mikri? Tista' tgħid kemm-il ħaddiem hemm jaħdmu fuq dan il-vapur u ta' liema nazzjonalità huma? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar għall-kiri ta' dan il-vapur?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vapur inkera għal 6 xhur bil-crew tiegħu.
Leg 13 PQ #10636 Sitting 245 2019-07-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender ikkanċellat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet prinċipali li t-tender MGOZ/MPU T 5/2019 Framework agreement for the provision, maintenance and regular collection of open skips at various sites in Gozo, ġiet ikkanċellata, u safrattant tista' tgħid minn min qed jingħata dan is-servizz, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 10501.
Leg 13 PQ #10662 Sitting 245 2019-07-03 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — għarfien fuq traffikar ta' persuni

Question

B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019 tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tagħha biex iżid l-għarfien fuq it-traffikar ta' persuni f'pajjiżna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-PQ 10649.
Leg 13 PQ #10624 Sitting 244 2019-07-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Construction and Maintenance Unit – użu ta’ soft stone

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8120 u 8289 u tgħid kemm intużaw soft stone (kantun) mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp minn Jannar 2018 sal-lum? Fuq liema proġetti ntużaw u kemm intużaw soft stone (kantun) fuq kull proġett? Tista' tgħid fuq kull proġett min kienet il-persuna li ordnat is-soft stone (kantun) u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntuża dan l-ammont?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #10628 Sitting 244 2019-07-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ħondoq ir-Rummien – spezzjoni mill-uffiċjali tal-Ministeru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li fit-8 ta' Frar 2019 saret spezzjoni mill-Uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex fin-niżla li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq ir-Rummien?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex għaddejjin b’ ħidma kontinwa madwar Għawdex kollu.
Leg 13 PQ #10629 Sitting 244 2019-07-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Biċċerija ta’ Għawdex – demm imxerred

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li fil-ħin ta' filgħodu tal-ġurnata tat-Tnejn 13 ta’ Mejju 2019 kien hemm ammonti kbar ta' demm imxerred mal-art, eżattament quddiem il-biċċerija ta’ Għawdex u sa parti kbira minn Triq il-Pitkalija fix-Xewkija Għawdex? Ta' xiex kien dan id-demm? Tista’ tgħid x'azzjonijiet ittieħdu biex dan id-demm jinġabar u tgħid ukoll kif inġabar biex ma jmurx fit-Table Water u fil-Wied ta' Żejta? Tista’ tgħid ukoll jekk l-uffiċjali tas-Sanità ġewx imsejħa fuq il-post? Qiegħda ssir xi investigazzjoni min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex fuq dan il-każ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-likwidu li għalih qed isir referenża ma kienx demm imma ilma tal-ħasil ta` wara l-qatla. Dan il-likwidu jmur f`fosos differenti minn dak li jinġabar fih id-demm. Id-demm tal-qatla jinġabar f`tank apposta li eventwalment jintbagħat Malta għall-inċinerazzjoni. Fil-ġurnata msemmija, waħda mill-katusi li jilqgħu fiha l-ilma tal-ħasil instaddet b`konsegwenza li ħareġ ftit ilma tal-ħasil, liema katusa nfetħet immedjatament qabel ma kompla għaddej il-ħasil tal-biċċerija. Għaldaqstant ma saret l-ebda investigazzjoni.
Leg 13 PQ #10702 Sitting 244 2019-07-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ftuħ tal-uffiċċju tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Question

B'referenza għall-ftuħ f'Għawdex tal-uffiċċju tal-Awtorità għall-Kompetizzzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, tista’ l-Ministru tgħid kemm, fil-preżent, hu n-numru tal-impjegati f'dan l-uffiċċju? Tista tgħid x'inhuma l-gradi ta' dawn l-impjegati u tgħid kemm minnhom kienu jaħdmu fl-uffiċċju tal-Awtorità f'Malta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #10703 Sitting 244 2019-07-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Estimi Finanzjarji Supplimentari – Contractual Services

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji Supplimentari għas-sena 2018, fejn fuq il-Vot 39, Ministeru għal Għawdex, Operational and Maintenance Expenses Item 30 ġew ivvutati €420,000 addizzjonali għal Contractual Services, tista' l-Ministru tgħid x'kienu dawn is-servizzi li waslu biex ikun hemm bżonn ta' din iż-żieda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda fl-ispiża kienet dovuta għal ingaġġar tas-security services, kemm fil-binja tal-Ministeru kif ukoll f’bini ieħor tal-Ministeru, servizzi ta’ cleaners, servizzi relatati ma’ skart organiku tal-annimali (slurry) u fuq konsulenza dwar riformi fil-Gozo Channel Operations Limited.
Leg 13 PQ #10604 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kuntratti Pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm inħarġu u ġew assenjati kuntratti pubbliċi minn kull dipartiment u entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha mit 8 ta' Marzu 2013 sat-3 ta’ Ġunju 2017? Tista’ f’kull każ tgħid: a. min rebaħ il-kuntratt; b. l-ammont totali tal-kuntratt; c. jekk il-kuntratt kienx kompetittiv jew b’ direct order ; u d. l-oġġett tal-kuntratt (x’tip ta’ xogħol jew servizz ieħor qed jinxtara)?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fil-gazzetta tal-Gvern.
Leg 13 PQ #10620 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija Għawdex – tender għal xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li t-tender MGOZ/MPU T18/2019 Tender for the construction of stormwater culverts and the reconstruction of part of Triq it-Tabib Anton Tabone [leading to Sannat road], Xewkija, Gozo ġiet ikkanċellata? Tista’ tgħid x'se jiġri issa fuq dan ix-xogħol li kien ippjanat li jsir?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender MGOZ/MPU T18/2019 ġiet ikkanċellata peress li l-ebda offerta sottomessa ma lahqet il-kriterji amministrattivi u/jew tekniċi u/jew finanzjarji ppublikati. Sadanittant, ser jinbeda proċess ieħor ta’ tendering skont LN352/16 biex eventwalment jingħata kuntratt li jkopri x-xogħlijiet li kienu ppjanati.
Leg 13 PQ #10621 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – In-Nadur u l-Qala — tender

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender CT2063-2019 - Tender for the Reconstruction of Triq iż-Żewwieqa (Qala) u Triq il-Qortin (Nadur), Gozo, ġiet ikkanċellata? Tista’ tgħid x'se jsir jew x'sar fuq dawn it-toroq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet ikkanċellata peress li l-ebda offerta sottomessa ma lahqet il-kriterji amministrattivi u/jew tekniċi u/jew finanzjarji ppublikati. Sadanittant, ser jinbeda proċess ta’ tendering [Negotiated Procedure] skont LN352/16 biex eventwalment jingħata kuntratt li jkopri x-xogħlijiet li kienu ppjanati.
Leg 13 PQ #10622 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — tender

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender CT2002/2019 - Tender for the Reconstruction of Triq l-Imgħallem and Triq ta' wara s-Sur, Victoria (Rabat) Gozo ġiet ikkanċellata? Tista' tgħid x'se jsir issa mix-xogħlijiet li kienu ppjanati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet ikkanċellata peress li l-ebda offerta sottomessa ma lahqet il-kriterji amministrattivi u/jew teknici u/jew finanzjarji ppublikati. Sadanittant, inbeda process ta’ tendering [Negotiated Procedure] skont LN352/16 biex eventwalment jingħata kuntratt li jkopri x-xogħlijiet li kienu ppjanati.
Leg 13 PQ #10623 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ramel u żrar li ntuża mid-Direttorati

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7815 u 8282 u tgħid kemm u x’tip ta’ ramel u żrar intuża mid-Direttorati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex, sena b’sena u xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? Tista’ tgħid fejn intuża dan ir-ramel u żrar u tgħid ukoll fuq kull proġett/biċċa xogħol min kien/kienet il-persuna/i li ordnat ir-ramel jew żrar u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntuża dan l-ammont u min kienu l-kuntratturi li ssupplixxew dan il-materjal u kemm kienet l-ispiża xahar b’xahar u sena b’sena fuq dan il-materjal?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.