Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pumping station tad-drenaġġ li hemm ix-Xgħajra u li suppost tneħħiet skont il-ftehim li hemm ma' Smart City, għadhiex topera? Jekk le, meta twaqqfet topera?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-pumping station tad-drenaġġ f’Wied Għammieq m’għadiex topera. Id-drenaġġ kollu ġie devjat lejn l-Impjant il-ġdid f’ Ta’ Barkat limiti tax-Xgħajra.
Din il-pumping station twaqqfet topera f’Gunju ta’ din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' passiġġieri li ġarret l-Air Malta fis-snin 2005 - 2010, kull sena separatament? Kemm ġarret passiġġieri matul din is-sena sal-lum? Jista' jagħti l-istess informazzjoni dwar il-merkanzija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29210, 28886 u 28522 u ċioe: B’referenza għar-rapport li Malta rċeviet aktar minn €700 miljun f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea (taħt diversi fondi) bejn is-snin 2004 sa 2010, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat fuq liema proġetti ġew allokati dawn il-fondi? Jista' jagħti d-dettalji sena b’sena u kull proġett jiġi identifikat u tingħata l-ispiża fuq kull wieħed mill-proġetti li għalih dawn il-fondi ġew allokati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Billi l-bypass tan-Naxxar, bejn l-Iklin u n-niżla t'Alla u Ommu, hi waħda użata ħafna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tiġi mdawla aħjar milli hi bħalissa, billi jidher li m'għandhiex dawl adegwat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-provvista ta’ street lighting ġdid taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex ikun hemm żbroff tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Veccia, San Pawl il-Baħar, bejn it-23 u l-24 ta' Ottubru, 2011? X'passi kellhom jittieħdu biex dan l-iżbroff jiġi kkontrollat fl-iqsar ħin possibbli?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi din il-problema inqalgħet minħabba kollass ta’ main kbir tad-drenaġġ, bir-riżultat li d-drenaġġ li kien għaddej ma kellux minn fejn igħaddi u żbroffa fit-triq.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet ħsieb mal-ewwel li tikxef il-post tal-kollass u tibdel tul ta’ madwar 20 metru ta’ main biex tissolva l-problema. Id-drenaġġ twaqqaf li jfur fit-triq fi ftit siegħat. Għalkemm din it-tiswija issa tlestiet, il-Korporazzjoni għadha għaddejja b’investigazzjonijiet fuq l-istess main fil-viċinanzi, biex jiġu identifikati problemi potenzjali oħra bl-għan li kemm jista’ jkun ma tirrepetix ruħha din is-sitwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex se jingħalaq il-car park li hemm adjaċenti mal-Fosos tal-Furjana biex ikun akkomodat ċirklu għal żmien il-Milied u b'hekk jitnaqqsu n-numru tal parkeġġi għall-persuni li jkunu jridu jmorru jixtru mill-Belt għal żmien il-Milied?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29511.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29089 u ċioe: Peress li r-riżoluzzjoni mgħoddija mill-Parlament dwar it-trasferiment tal-propjetà tat-Tarzna ta’ Bormla lill-kumpanija Palumbo tinkludi pjan li jorbot lil Palumbo jinvesti €5.45 miljun fl-ewwel sena u €5.3 miljun fit-tieni sena fit-tarzna ta’ Bormla, jista’ l-Ministru jinforma:
a) kemm attwalment hija n-nefqa totali sal-lum minn Palumbo f’investiment fit-tarzna ta’ Bormla;
b) liema huma l-proġetti attwali ta’ investiment minn Palumbo u kemm intnefaq s'issa fuq kull wieħed minnhom;
ċ) b’liema mod il-gvern qiegħed jassigura li l-impenn ta’ Palumbo li jinvesti qed jitwettaq skont il-ftehim; u
d) jekk Palumbo qiegħed jagħmel xi spejjeż għall-manteniment tal-impjant, dawn l-ispejjeż qed jiġu mgħoddija bħala investiment?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 28500 fejn il-Kamra ġiet infurmata bil-preparamenti li qed isiru biex isir eżerċizzju ta’ verifika wara li l-kumpanija Palumbo tkun iffinaliżżat u għalqet il-kotba tagħha. Huwa maħsub li dan l-eżerċizzju se jibda fil-ġranet li ġejjin. Wara dan ikunu jistgħu jingħataw dettalji kkonfermati fuq in-nefqa totali sal-lum, u l-proġetti attwali u n-nefqa relevanti.
Il-Gvern se jassigura li l-kumpanija Palumbo żżomm l-impenn tagħha skont il-ftehim billi jniedi eżerċizzji simili ta’ verifika skont kemm hemm bżonn imma għall-anqas kull darba li l-kumpanija tagħlaq il-kotba tagħha fuq bażi annwali.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ spejjeż ta’ manteniment, jiġu applikati l-
International Financial Reporting Standards
relevanti biex jiġi determinat jekk l-ispejjeż taħt skrutinju humiex ta’ natura kapitali jew ta’ natura rikorrenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-somma inizjali ta’ €400,000, favur id-dħul ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, intnefqet matul din is-sena s'issa u kemm hawn vetturi li jaħdmu bl-elettriku f’pajjiżna fil-preżent?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Settembru 2011, ma sar l-ebda infiq taht l-item ipprovdut għall-Electric Car Incentives Scheme, filwaqt li n-numru ta’ vetturi reġistrati li jaħdmu bl-elettriku f’pajjiżna fl-istess żmien huwa 202.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-lukandi u r-ristoranti li matul din is-sena bbenefikaw mill-iskema ta' soft loans immirata għall-proġetti li jnaqqsu d-dipendenza fuq enerġija tradizzjonali, u biex tiġi ġġenerata enerġija nadifa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
oqsma industrijali — xogħlijiet fuq programm ta’ titjib
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża minfuqa matul din is-sena fuq xogħlijiet fuq programm ta’ titjib fl-oqsma industrijali ta’ Kordin, Ħal-Far, ix-Xewkija, u Bulebel? X’kienu x-xogħlijiet li saru?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ titjib u infrastruttura fl-oqsma industrijali ta’ Ħal Far u Bulebel. L-ispejjeż minfuqa kienu:
Hal Far €1,986,659.80
Bulebel €1,756,050.70
Fiż-żoni industrijali ta’ Kordin u x-Xewkija, ix-xogħlijiet pjanati għal din is-sena għadhom ma bdewx.
politika nazzjonali u tal-pjan t’azzjoni favur il-kultura tat-tifdil
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-politika nazzjonali u tal-pjan t’azzjoni favur il-kultura tat-tifdil, partikolarment fost it-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġew ikkanċellati t-titjiriet li l-Air Malta kienet skedat għal-Libja għal Novembru 2011? Jista’ jgħid jekk id-delegazzjoni teknika inkarigata biex tħejji safety assessment in konnessjoni mat-titijiriet għal-Libja, liema delegazzjoni teknika kienet imħabbra aktar kmieni dan ix-xahar, għamlitx ix-xogħol tagħha? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex ġew ikkanċellati t-titjiriet għal-Libja li kienu ġew skedati għal Novembru 2011 u jekk le, jista’ jagħti r-raġunijiet għaliex?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
kumpaniji li rċevew grants ta' għajnuna mill-Ewropa
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' dawk il-kumpaniji li rċevew grants ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea u jispeċifika min kienu u kemm irċeviet kull kumpanija?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni tiġi ppublikata wara kull sejħa ta’ skemi ta’ fondi Ewropej u hija aċċessibli fuq dawn is-siti li ġejjin:
20millionforindustry.com u energy.maltaenterprise.com.
Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħaż-Żabbar — Triq Dun Salv Sciberras u Triq l-Għakrux - informazzjoni dwar għalqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sit jew l-għalqa kbira ta’ bejn Triq Dun Salv Sciberras u Triq l-Għakrux, St.Peters, Ħaż-Żabbar hijiex tal-Gvern ta' Malta jew tal-Uffiċċju tal-Joint Office?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartimnet Proprjetà tal-Gvern, l-art li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onorevoli Membru hija proprjetà privata.
Kunsilli lokali — talba għal devoluzzjoni ta' binja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għamlu talba quddiem l-awtoritajiet konċernati biex fil-lokal tagħhom jiġu devoluti xi binja jew art u t-talba tagħhom qatt ma ġiet milqugħa mill-2008 sal-lum? X'inhi t-talba ta' kull kunsill lokali? Meta saret t-talba tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ talbiet magħmula mill-kunsilli lokali għad-devoluzzjoni ta’ bini jew art fil-lokalità tagħhom li ma ġewx milqugħa mill-2008 sal-lum, bid-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27509, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ peress li lil dan l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ħadd għadu ma kkuntatjah u dan ilu jistenna risposta mill-2006 u saħansitra anke pjanta għandu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li mhux minnu li ħadd ma kkuntatja lil dan l-individwu u lanqas ma huwa minnu li diġà saru l-pjanti. Dan l-individwu ngħatalu appuntament sabiex it-tekniċi tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern imorru jieħdu l-qisien tad-dar tiegħu u jsiru l-pjanti meħtieġa ħalli l-proprjetà tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. Iżda dak inhar tal-appuntament l-uffiċjal tad-dipartiment mar fuq il-post għalxejn peress li dan l-individwu ma żammx l-appuntament. Id-dipartiment se jerġa’ jagħmel tentattiv ieħor sabiex ikunu jistgħu isiru l-pjanti li mingħajrhom ma jistax isir il-kuntratt tal-bejgħ.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu l-membri tal-Good Causes Fund? X'inhuma l-job description fil-professjoni tagħhom u rwol tagħhom fil-ħajja pubblika?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-membri tal-Bord huma appuntati skont Sezzjoni 50 tal-Lotteries and Other Games Act (2001).
Il-Bord preżenti hu ffurmat minn:
Ms Davinia Galea – Executive Director Malta Council for Culture & the Arts (MCCA)
Mr. Charles Grech – Director of Youth and Community Centre
Ms. Edwina Gouder – Manager u Social Worker (Foundation for Social Welfare Services).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’għajnuna finanzjarja u fiskali separatament mill-Malta Enterprise kull sena lill-kumpaniji li twaqqfu f’Għawdex u f’Malta separatament fl-2010 u din is-sena sal-lum? Jista’ jgħid dawn il-kumpaniji kemm qed iħaddmu nies illum, f’Malta u f’Għawdex separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar kumpaniji ġodda mwaqqfa f’Malta u f’Għawdex u l-impjieg tagħhom diġà ingħatat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29056. L-assistenza finanzjarja ammontat għal €1,297,029 f’Malta. Intrapriżi Għawdxin talbu u ingħataw art minn fejn joperaw. L-assistenza fiskali tiġi approvata sentejn b’lura u għalhekk ma hix disponibbli għas-snin 2010 u 2011.
Intrapriżi f'Malta u Għawdex — aktar minn 250 ħaddiem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar tal-2010 u fl-aħħar ta’ Settembru ta' din is-sena u li kienu jħaddmu minn 250 ħaddiem ‘il fuq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risosta se tingħata f’seduta oħra.
konsum tal-elettriku għal skop residenzjali u kummerċjali
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi statistika ta' kemm kien il-konsum tal-elettriku għal skop residenzjali u kummerċjali, xahar b'xahar matul is-sena 2010 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.