Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tagħlim tal-mużika wara l-ħinijiet ta' skola

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jitgħallmu l-mużika fil-ħinijiet ta' wara l-iskola (ex-Johann Strauss) din is-sena? Liema strumenti? Minn liema rħula ġejjin? Fejn qed jitgħallmu l-istrumenti tagħhom? X'sar mill-bini li sa ftit ilu kien is-sede tal-Johann Strauss School of Music? Xi pjanijiet hemm għal dan il-bini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk min ikun ingħata permess biex jaħdem bit-telework fid-dipartiment tagħha jkunx jista' jagħmel xogħol part-time waqt il-ħin tax-xogħol jew jidħol jagħmel overtime bi ħlas is-Sibtijiet filgħodu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif hemm stipulat fiċ-Ċirkulari tal-MPO 36/2010, l-iskop tal- family friendly measures fosthom it- teleworking hu intiż biex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Għaldaqstant min qiegħed fuq it- telework ma jistax jaħdem xogħol part-time . Meta jkun hemm il-bżonn li jsir overtime fit-taqsimiet tad-dipartimenti dan jiġi offrut lil kull ħaddiem (inklużi t- teleworkers ) u min irid u jista, jingħata x-xogħol overtime , iżda ukoll skont l-esiġenzi tad-dipartiment jew entita’.

Awtorità tad-Djar — Appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il appartament ingħataw mill-Awtorità tad-Djar matul din l-aħħar sena lill-applikanti għall-akkomodazzjoni alternattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-lum l-Awtorità tad-Djar allokat 143 post.

Awtorità tad-Djar — appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il appartament għandha f'idejha l-Awtorità tad-Djar li jinsabu disponibbli għall-familji li hemm fil-lista ta' l-akkomodazzjoni alternattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ appartamenti li jkollha f’idejha l-Awtorità tad-Djar jinbiddlu minn jum għall-ieħor.

Gender Aspect from a Legal Perspective

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra: ESF/No.46 The Gender Aspect from a Legal Perspective : a) To embed the principle of gender mainstreaming in the selected Codes and Acts of Maltese Legislation; b) To align Maltese legislation with the principles laid down in the EU Directives;

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo School of Arts and Crafts — drop outs

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari W131, tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm drop outs fost l-istudenti li applikaw għal kull kors ta' evening classes fil-Gozo School of Arts and Crafts din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-19 ta’ Ottubru, 2010, l-Kap tal-Iskola ma rċieva ebda ittra li tinfurmah li xi applikant/a ma tridx tkompli l-kors li applika/t għalih. Normalment, wara li jintemm Ottubru, jibda l-eżerċizzju biex naraw l-attendenzi, ħalli jekk ikun hemm min qed fuq il- waiting list , wieħed jara jkunx possibli li nibgħatu għalih/a minflok dawk li probabbli jkunu tilfu l-interess.

vacancies għal wood and stone sculpturers

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern hux se jiftaħ vacancies għal wood and stone sculpturers u xi kwalifiki jrid ikollhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa’llum ma kien hemm ebda vacancy għal wood and stone sculpturers.

Università — Kuntratt għas-sigurtà

Question

Tista' l-Ministru tgħid lil din il-Kamra min ħa l-kuntratt tas-sigurtà tal-Università, u kemm hi r-rata kull siegħa li fuqha ngħata l-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt għas-sigurtà tal-Università ta’ Malta u l-Junior College għal perjodu ta’ bejn 1 ta’ Ottubru 2010 u 30 ta’ Settembru 2011 ingħata lil Grange Security and Consultancy Services Ltd b’rata ta €5.36 fis-siegħa.

Equality Mark Certificate

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti għall-equality mark certificate? Kemm ġew ċertifikati u min huma dawn il-kumpaniji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-20 ta’ Ottobru 2010, l-NCPE ġiet avviċinata minn 39 organizazzjoni li wrew interess fiċ-ċertifikazzjoni. Minn dawn 12 ġew iffinalizzati u ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-Marka tal-Ugwaljanza. Dawn tressqu quddiem il-Kumitat tal-Marka tal-Ugwaljanza li s'issa ċċertifika 8 organizzazzjonijiet li huma: 1. Betsson Malta Ltd, 2. European School of English, 3. Foundation for Social & Welfare Services(FSWS), 4. HSBC Bank Malta, 5. Medavia Ltd, 6. Melita plc, 7. National Statistics Office (NSO) u 8. Vodafone Malta.

interactive whiteboards fl-iskejjel statali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien l-involviment tad-Direttorat tal-Edukazzjoni fil-proċess tal-għażla għall-provvista ta' interactive whiteboards li ddaħħlu s'issa fl-iskejjel statali u li hemm il-ħsieb li jiddaħħlu matul is-sena skolastika 2010-11; 2011-12 u 2012-13? Tista' tgħid jekk il-Malta Information Technology Agency (MITA) żammitx jew hux qed iżżomm lid-Direttorat infurmat b'kull pass li jittieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Interactive Whiteboards li ddaħħlu s’issa fl-iskejjel sar bl-involviment tad-Direttorati tal-Edukazzjoni. Rigward l- Interactive Whiteboards li ser jiddaħħlu matul is-sena skolastika 2010-2011, 2011/2012 u 2012/2013 – id-Direttorati tal-Edukazzjoni huma involuti fil-proċess li għaddej.

Direttorat tal-Edukazzjoni — proċess ta' tender

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien l-involviment tad-Direttorat tal-Edukazzjoni f'kull stadju tal-proċess tat-Tender TO 49/10 maħruġ mill-Malta Information Technology Agency (MITA) peress li dan huwa għall-e-Learning Platform li se jkollu effett kbir fuq is-sistema edukattiva u f'pajjizi oħra jitqies bħala proġett edukattiv u mhux sempliċiment teknoloġiku u għalhekk ikunu l-istituzzjonijiet edukattivi li jsuquh minflok istituzzjonijiet oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sar ‘needs analysis’ estensiv mal-Kulleġġi u d-Direttorati tal-Edukazzjoni biex ġew identifikati t-‘technical requirements’ tat-Tender TO 49/10. Id-Direttorati kienu ukoll involuti fil-preparazzjoni ta’ din it- tender .

piżijiet finanzjarji fuq ġeneturi għall-edukazzjoni ta' uliedhom

Question

Tista' l-Ministru tara li jkun hemm direzzjoni ċara mid-direttorati lill-prinċipali tal-kulleġġi u kapijiet ta' skejjel biex ma jgħabbux fuq il-ġenituri piżijiet finanzjarji li ma jifilħux għall-edukazzjoni ta' wliedhom fl-iskejjel tal-istat, l-iżjed fejn jirrigwardja familji bi dħul baxx, tfal ta' single parents meta anki l-istatistika uffiċjali tgħidilna li hemm 21% tat-tfal tagħna jgħixu fir-riskju tal-faqar? Jista' jkun hemm deċizjonijiet iżjed sensittivi għall-bżonnijiet ta' dawn it-tfal li għandhom biżżejjed diffikultajiet serjissimi ma' xiex iħabbtu wiċċhom biex jirnexxu fl-edukazzjoni tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Diretturi Ġenerali huma konxji ħafna ta’ familji li huma fil-bżonn. L-istess jista’ jingħad għall-Prinċipali tal-Kulleġġi kif ukoll il-Kapijiet tal-iskejjel. Meta dawn tal-aħħar ikunu nfurmati b’studenti li għandhom bżonn xi tip ta’ għajnuna l-kapijiet jagħmlu mill-aħjar biex jindirizzaw din il-ħtieġa sa fejn hu possibli li jagħtu l-għajnuna meħtieġa. L-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jkun aktar speċifiku meta jikteb “deċiżjonijiet iżjed sensittivi għall-bżonnijiet ta’ dawn it-tfal” biex inkun nista’ nwieġbu aktar fid-dettal.

Proġett ta' bini ta' skola sekondarja għas-subien

Question

Tista' l-Ministru taġġorna lill-Kamra u tgħid x’sar s’issa u x’jonqos isir fuq il-proġett ta' bini tal-iskola sekondarja ġdida tas-subien f'Għawdex u l-parkeġġ ta’ taħtha? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? Min huma l-kuntratturi li għamlu x-xogħol/servizzi s’issa? X’kuntratti ngħataw? Meta ngħataw? Meta għandhom/kellhom jlestu x-xogħlijiet/servizzi li ngħataw? Kemm tħallas kull wieħed? Kemm baqgħalhom jieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola sekondarja ġdida tas-subien f’Għawdex kif ukoll il-parkeġġ ta’ taħtha tlestew kif kien pjanat. Li jonqos huwa l- isports facilities u ż-żewġ sulari oħra ta’ parkeġġ taħt l- isports facilities, li ma kinux fil-pjan oriġinali kif ukoll l- access road . Dawn setgħu jinbdew meta titlesta l-iskola kif ukoll meta tiġi l-estensjoni approvata mill-MEPA. Fadal ukoll issir binja oħra li mhijiex parti mill-binja ta’ l-iskola. Din tkun tista’ tinbena meta tiżżarma s- substation li hemm fuq is-sit. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tan-nefqa s’issa fuq il-proġett, min huma il-kuntratturi u x’kuntratti ngħataw kif ukoll meta ngħataw dawn il-kuntratti. Ix-xogħlijet tlestew kif kien pjanat u bħalissa qegħdin jiġu iċċertifikati ix-xogħlijiet biex b’hekk jkunu jistgħu jsiru l-pagamenti lill-kuntratturi.

Għawdex — Sannat - Skola tal-Mużika - Għalliem tal-Vjolin

Question

Peress li l-istudenti tal-vjolin tal-iskola tal-mużika ta' Sannat, Għawdex qed jilmentaw għaliex l-għalliem li kellhom is-sena l-oħra li kien part-timer m'għadux f'din l-iskola u l-istudenti għadhom mingħajr għalliem, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan l-għalliem m'għadux hemm u tara jekk dan l-għalliem jistax jerġa' jibda jgħallem lill-istudenti tal-vjolin bħalma kien is-sena l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Adult Educator li kien jgħallem fuq bażi part time sas-sena l-oħra fl-iSkola tal-Mużika fis-Sannat Għawdex, applika u ġie magħżul biex jgħallem suġġett ieħor fuq bażi full time. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja għadu kif ħareġ sejħa oħra għal aktar Adult Educators (Ċirkulari Nru. DLLL 10/10) fejn hemm inkluż sejħa għal Adult Educators biex jgħallmu Strings (li jinkludi l-vjolin) ġewwa Għawdex. Is-sejħa għal Adult Educators tagħlaq fit-22 ta’ Ottubru, 2010.

Għawdex — Skola Agius de Soldanis - għalliema tal-ispanjol

Question

Peress li l-istudenti tal-Form 4 tal-iskola Agius de Soldanis t'Għawdex, għadhom mingħajr għalliema tal-Ispanjol u din is-sitwazzjoni ilha tippersisti għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi indirizzata minnufih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għadu kif ġie ingaġġat għalliem Supply tal-Ispanjol li bih se tkun solvuta l-problema tal-Ispanjol fl-iskejjel Għawdxin.

Iskola Sir Mikelang Refalo — studenti bla teacher tal-biology

Question

Peress li l-istudenti tal-Iskola Sir Mikelang Refalo tat-tieni sena qegħdin mingħajr teacher tal-Biology, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi indirizzata minnufih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema fil-Biologija fl-iskola Sir Mikelang Refalo ġiet riżolta din ġimgħa għax daħlu żewġ għalliema tal-Biologija li ntbagħtu f’din l-iskola.

għajnuna biex għaqdiet sportivi jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

ista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li fiż-żmien li ġej il-Ministeru jvara inizjattivi li permezz tagħhom l-għaqdiet sportivi jingħataw għajnuna biex ikunu jistgħu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma? X'tip ta' skemi f'dan is-sens ġew identifikati s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7593.

Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — rapporti ta' inċidenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 20004 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm daħlu rapporti dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, lill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol? Tista' tgħid kemm minn dawn kienu rappurtati f'kumpaniji privati u kemm f'dipartiment, korporazzjonijiet, aġenziji u dipartimenti tal-gvern? Fit-tieni każ, tista' tagħti breakdown ta' fejn kienu rappurtati l-inċidenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi għalkemm id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirċievi t-talbiet li jsiru dwar korrimenti li jiġru fuq il-post tax-xogħol, din l-informazzjoni tingħata mill-Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kif ukoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan l-uffiċċju ta’ l-aħħar, janaliżża l-informazzjoni kollha skont l-obligi li għandhu, fosthom fil-konfront tal-Eurostat. Kull tliet xhur (quarter) jinħareġ it-tagħrif dettaljat kif mitlub mill-Onor membru. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma joħroġx din it-tip ta’ statistika Nżid ngħid li m’hemmx indikat mill-Onor membru l-perjodu li jixtieq it-tagħrif dwaru.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — remunerazzjoni u terms of reference taċ-Chairperson

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma t-terms of reference u r-remunerazzjoni taċ-Chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Ġie ffirmat magħha xi kuntratt għall-ħatra? Tista' tpoġġi kopja ta' dan il-kuntratt/ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-terms of reference taċ-Chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) huma dawk li kienu japplikaw fil-passat bħala terms of reference tal-Bord tal-Gvernaturi u li l-aħħar verżjoni tagħhom ġew stipulati fis-sena 1998, u li kopja tagħhom tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 19605. Ir-remunerazzjoni taċ- Chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi huwa kif indikat ukoll fit-tweġiba numru 19605. Ma hemmx kuntratt maċ- Chairperson tal-ITS, imma ittra ta’ ħatra skont il-prassi normali ta’ ħatra ta’ bordijiet, li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — postijiet vakanti fl-istruttura tat-tmexxija

Question

Tista' l-Ministru tghid x'postijiet vakanti hemm fl-istruttura tat-tmexxija tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Kemm ilhom vakanti f'kull każ u meta hemm il-ħsieb li jimtlew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-istruttura tat-tmexxija tal-Istitut tal-Istudji Turistici il-post ta’ Direttur Ezekuttiv kif ukoll il-post ta’ Deputat Direttur huma vakanti. Il-post ta’ Direttur Ezekuttiv ilu vakanti mill-2003 filwaqt li l-post ta’ Deputat Direttur ilu vakanti minn-Gunju 2010. F’Settembru daħal Reġistrar ġdid. Dan il-post kien ilu vakanti mill-2004.