Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Test tas-sewqan – Żmien ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-perjodu kemm damu biex reġgħu telgħu jagħmlu test tas-sewqan f'Għawdex, dawk kollha li telgħu jagħmlu t-test iktar minn darba minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm min stenna xahar, xahrejn, tliet xhur, erba' xhur, ħames xhur, eċċ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija sabiex individwu li jkun falla t-test tas-sewqan f’Għawdex jerġa jitla’ għat-test jiddependi mill-Motoring School tal-individwu, ċjoè meta din terġa tapplikalu għat-test tas-sewqan.

Maritime Enforcement Unit – Overtime ta’ Uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa overtime inħadmet minn uffiċjali tal-Maritime Enforcement Unit bejn Ottubru u April ta’ kull sena mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’kien jinvolvi x-xogħol ta’ overtime għal kull każ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Ħ’Attard — Triq Victor Vassallo - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18223 u 18567 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18005, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan li rrefera għalih u li fuqu ser isiru x-xogħlijiet fi Triq Victor Vassallo, Ħ’Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

L-Imġarr, Malta — Triq Iż-Żebbiegħ - Un/loading – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjonijiet pendenti ta' un/loading fi Triq iż-Żebbiegħ, l-Imġarr, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-triq imsemmija hemm applikazzjoni waħda pendenti li qegħda tiġi diskussa bejn l-uffiċjali ta’ Transport Malta u l-applikant.

Il-Manikata – Rotot tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rotot tat-trasport pubbliku, u l-frekwenza tagħhom, li jservu ż-żona tal-Manikata, il-Mellieħa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotot li jservu ż-żona tal-Manikata huma kif jidher fil-punti segwenti: § Rotta 44 – Manikata, Mgarr, Mosta, Birkirkara, Belt Valletta § Rotta 101 – Ċirkewwa, Mellieħa, Manikata, Għajn Tuffieħa, Mġarr Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tar-rotot.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Konsulenti

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 13893, 17705 u 18266 dwar konsulenti/advisors fil-Ministeru tiegħu, liema tweġiba ma tweġibx dak li ġie mistoqsi u peress li ħadd ma qed jikkontesta jekk dawn ġewx impjegati skont il-manwal indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija 13893, jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti impjegati mill-Ministeru tiegħu u s-Segretarjat Parlamentari li jaqa' taħtu, kemm dawn jitħallsu, u x'livell ta' edukazzjoni u esperjenza għandhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

L-Imqabba – Ħsarat fil-pjazza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17168 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15716 dwar ħsarat f'partijiet mill-Pjazza tal-Imqabba, jista’ l-Ministru jagħti garanzija li kif jiġu rranġati d-difetti fil-grouting ta’ parti minn dan il-proġett, din il-pjazza ma tibqax tbati minn ħsarat sofferti minn ċediment taħt il-piż ta' heavy vehicles li jgħaddu minn din il-pjazza? Jista’ jgħid ukoll jekk dan iċ-ċediment huwiex riżultat ta' difett fil-grouting taċ-ċangatura użata u mhux riżultat tal-kwalità inferjuri tal-materjal użat bejn iċ-ċangatura u s-sodda tal-konkos li hemm taħt iċ-ċangatura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur intalab jirranġa d-difetti fil-grouting sabiex ma jerġax ikun hemm ċediment taħt il-piż tal-vetturi li jgħaddu minn din il-pjazza. Ninsab infurmat li ċ-ċediment kien riżultat ta’ grouting difettuż.

Toroq – Xogħol ta’ reinstatement

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17171, peress li ma kontx qed nirreferi għal ħsarat jew drenaġġ privat, iżda għal trinek li jsiru f’toroq li jkunu għadhom kemm saru bit-tarmak, jista’ l-Ministru jara li meta jsiru trinek f’toroq li jkunu għadhom kemm saru bit-tarmak, ir-reinstatement ikopri l-wisa’ tat-triq kollha ħalli joħloq deterrent għal min ikun irid iħaffer trinek wara ftit żmien li jkun għadu kemm sar wiċċ ta' tarmak ġdid fi triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta tagħti l-kundizzjoni ta’ reinstatement, li teknikament huwa meħtieġ, u fl-istess ħin permezz tal-proċess tal-permess tagħha, tippromwovi mal-entitajiet kollha sabiex kemm jista’ jkun ix-xogħol li jkollhom ippjanat jiġi kkoordinat b’mod li ma jkollux għalfejn jerġgħa jinqala'.

Toroq — Kisi temporanju ta’ wċuħ ta’ trinek

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17172, peress li, kuntrarju għall-informazzjoni mogħtija, il-cold asphalt jista’ jingħata f’layer ta' ħxuna adegwata li ma jinqalax bix-xita, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Gvern qed jippersisti li minflok bl-asfalt kif kien isir qabel l-2013, ir-reinstatement temporanju tal-wiċċ tat-trinek isir b'lean mix, bir-riżultat li wara ħalba xita t-toroq minn fejn ikunu għaddejjin dawn it-trinek jimtlew b'ħafna ħofor b'periklu kbir għal min ikun qed jużahom? Jista’ jara li dan il-periklu ma jitħalliex aktar fit-toroq tagħna?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn naħa ta’ Transport Malta qed jiġi enfasiżżat li t-trinek ma jdumux ma jkunu reinstated b’mod permanenti.

Xogħljiet ta' trinek u tarmac — Unit ta' Koordinament

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17173 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15721, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tar-Road Works Permits Unit fi ħdan Transport Malta li qed jaqdu s-segwenti funzjonijiet u l-kwalifiki akkademiċi tagħhom: i. Direttur Tekniku; ii. Direttur Legali; iii. Uffiċjal li joħroġ il-permessi; iv. Uffiċjal li jikkoordina t-traffic management temporanju; v. Uffiċjal għall-permessi tal-emerġenza; vi. Għaxar field officers biex jiċċekkjaw il-kundizzjonijiet tal-permess; u vii. Erba' uffiċjali amministrattivi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

San Ġwann — Triq Bellavista – bus stop

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18345, fejn intqal li ser jitwaħħal bus stop pole permanenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bus shelter li kien hemm qabel bdew ix-xogħlijiet, hux se jerġa’ jitwaħħal mill-ġdid?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sakemm jitwaħħal bus stop pole permanenti ġdid, ġie nstallat wieħed temporanju fuq il-bus stop li jġib l-isem “Naspli” ġewwa Triq Bella Vista, f’San Ġwann, ġie nstallat wieħed temporanju.

San Ġwann — Triq Tas-Sliema - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħata t-tarmak fi Triq Tas-Sliema, San Ġwann peress li din tinsab one way, b’inkonvenjent kbir għal diversi residenti/turisti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din il-ġimgħa qed isir tqaxxar tal-wiċċ tat-triq eżistenti u t-tisħiħ tal-pedament tat-triq bi tħejjija għas-saffi l-ġodda tal-asfalt. Dan l-ewwel saff ta’ asfalt huwa maħsub biex jitqiegħed fil-ġranet li ġejjin, b’hekk jingħata aċċess għat-traffiku u jonqos l-inkonvenjent.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Programmi tar-radju - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tar-radju li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-programmi kienu intervisti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-records fi ħdan il- Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, kif ukoll mill-entitajiet ma ntefqet l-ebda spiża fuq programmi u stazzjonijiet tar-radju.

San Pawl il-Baħar — Reserved parking għal persuni b'diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17686, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm hu t-total ta' reserved parkings għal persuni b'diżabilità fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid fejn jinsabu r-reserved parkings li huma personalised parking bays? Jista' jgħid ukoll liema minn dawn huma biss għal perjodu speċifikat, pereżempju tas-sajf, u għal kull każ jgħid għal liema perjodu huma dawn ir-reserved parkings?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Il-Manikata – Talbiet għal pedestrian crossings

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet pendenti quddiem Transport Malta għal zebra crossings, pelican lights, eċċ. fiż-żona tal-Manikata? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans fejn hemm propost dan ix-xogħol u x'hemm propost f'kull każ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta rċeviet applikazzjoni għal erba’ pedestrian crossings fil-Manikata. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Il-Mellieħa u l-Manikata – Talbiet approvati għal traffic lights u pedestrian crossings

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk iż-zebra crossings, pedestrian crossings, traffic lights eċċ li ġew approvati minn Transport Malta fil-lokalità tal-Mellieħa, inkluż fiż-żona tal-Manikata, matul l-aħħar sena? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans ta' fejn kienu approvati li jsiru u x'ġie approvat f'kull każ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra approvazzjoni ta’ zebra crossing u s-site plan.

Parkeġġi għal persuni b’diżabilità

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16377 li ngħatat fit-28 ta’ Frar 2024, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal parkeġġi ta’ persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll jekk sadanittant l-applikazzjonijiet pendenti humiex jiġu pproċessati jew inkella humiex kollha miżmuma?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet dwar applikazzjonijiet għal parkeġġi ta’ persuni b’diżabilita’ jinsabu avvanzati. Dawk l-applikazzjonijiet li huma konformi mal-avviż legali 174 ta’ l-2018 għadhom qed jiġu proċessati.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule – Spiża fuq manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol s’issa li sar bħala manutenzjoni fil-Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid (Paola)? Jista’ jgħid ukoll x’jonqos jiġi rranġat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ix-xogħolijiet riċenti kienu jinkludu - · Tneħħija ta’ pavimentar u kxif tal-art tal-konkos ta’ taħt il-karregjata ewlenija biex saret bl-asfalt. · Formazzjoni ta’ travi tal-konkos biex izommu fil-post l-porzjon tal-pavimentar li nżamm. · Formazzjoni tal-parkeġġi u spazju ta’ ‘bus lay-by’ b’konkos mwitti bi żrar espost. · Tqaxxir u tibdil għall-wiċċ ġdid t’asfalt flok eżistenti, fil-konfini li jmissu mal-pjazza. · Sinjali tat-toroq · Bdil ta’ sistema ta’ belishia lights, u dwal eżistenti. Dan l-intervent ġie jiswa madwar €480,000 (exc VAT).

E-kick scooters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni li jixtru e-kick scooters u jkunu intitolati għall-għotja ta’ €150 għax-xiri ta’ e-kick scooters privati, hux qed jiġu inxurjati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull e-kick scooter li jiġi rreġistrat ma’ Transport Malta jrid ikollu polza valida t’assigurazzjoni sabiex jingħata permess li jkun jista’ jintuża fit-triq.

Transport Malta – Tags foloz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18127 u jgħid kemm-il tag falza ġiet maqbuda minn Transport Malta, u kemm-il persuna tressqet il-Qorti fuq falsifikar ta’ dan id-dokument uffiċjali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn naħa ta’ Transport Malta ma nqabdu l-ebda xufiera jagħmlu użu minn tags falsifikati. Madanakollu, l-Awtorità tobbliga lix-xufiera sabiex iġeddu t-tag tagħhom kull sena u tikkollabora mal-Pulizija u l-LESA fl-ispezzjonijiet sabiex tassigura l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti u taċċerta li ma jkunx hemm abbuż minn tali tags.