Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-età stabbilita sabiex persuna tkun tista' tibbenefika mis-servizzi tal-kura tad-dimensja? Fid-dawl li għandna aktar persuni żgħar fl-età li jintlaqtu minn din il-kundizzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jneħħi kwalunkwe limitazzjoni tal-età f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għas-servizzi tal-kura tad-dimensja? Jekk iva, jista' jgħid meta ser tkun qed titneħħa din il-limitazzjoni?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja, fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità, diġà joffri s-servizzi tiegħu lill-persuni bil-kundizzjoni li tissejjaħ ‘Early-onset dementia’ – jiġifieri tip ta’ dimensja li toħroġ f’età iktar bikrija.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar ċertifikat ta’ kalibrazzjoni ta’ kull magna tal-MRI fl-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi m'hemm l-ebda ċertifikat speċifiku ta’ kalibrazzjoni għall-magni tal-MRI fl-isptar Mater Dei. Għal kull manutenzjoni preventiva u Quality Assurance, isir rapport b'lista ta' kontrolli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għall-CT scans sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li xahar ilu biss, nidejna investiment ta’ €400,000, biex sal-aħħar ta’ din is-sena madwar 3,000 CT scan se jkunu qed jiġu amministrati lill-pazjenti b’mard tal-kanċer u tal-qalb fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dawn ser isiru f’ħinijiet barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol.
Fil-preżent fl-Isptar Mater Dei, matul il-ħin normali tax-xogħol, isiru madwar 150 CT scan kuljum permezz ta’ tliet CT scanners, filwaqt li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex isiru madwar 150 CT scan fil-ġimgħa permezz ta’ CT scanner.
Ninsab infurmat, li sa l-aħħar ta’Ġunju kien hemm 25 persuna jistennew CT Scan, li l-istennija tagħhom qabżet il-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għala l-perjodu nqabeż.
Nassigura lill-Onor. Interpellant, li f’kull każ urġenti, CT Scan isir fi ftit jiem.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar ċertifikat ta’ kalibrazzjoni għal kull magna ta’ CT scans fl-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi m'hemm l-ebda ċertifikat ta’ kalibrazzjoni speċifiku għall-magni tas-CT Scans fl-isptar Mater Dei. Għal kull manutenzjoni preventiva u Quality Assurance, isir rapport b'lista ta' kontrolli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-servizzi li qed jiġu jew se jibdew jiġu offruti fiċ-Ċentru Vincent Moran, Raħal Ġdid? Meta bdew jew ser jibdew?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li 24 servizz se jibdew jiġu offruti mal-ftuħ taċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Vincent Moran. Huwa ppjanat li numru ta’ servizzi oħra jiġu miżjuda ġo fażijiet 'l quddiem.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-lista ta’ servizzi li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-estensjoni tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie mħabbar fl-aħħar ġimgħat ta’ Mejju, il-pjan tal-Gvern fit-tul huwa li l-Emerġenza mistennija li tikber b’żieda ta’ sular u anki espansjoni oħra fuq barra sabiex minn 30 cubicle ikun hemm 70 cubicle. B’baġit ta’ aktar minn €17-il miljun, din l-inizjattiva għandha l-għan li tilħaq il-bżonnijiet tal-kura tas-saħħa ta’ Malta għall-20 sena li ġejjin.
Sptar Mater Dei – Ħaddiema fl-estensjoni tal-Emerġenza
Question
Jista' l-Ministru jgħid ġewx identifikati t-tobba u l-infermiera li ser ikunu qed jaħdmu fl-estensjoni tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħti mportanza assoluta li jkompli jkabbar is-servizzi tas-saħħa u ma joqgħodx lura milli aktar professjonisti jiġu mħarrġa biex jispeċjalizzaw u jimpjega aktar professjonisti skont il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-bini tal-parkeġġ għall-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isir xogħol fuq żewġ parkeġġi biswit Mater Dei. Qed isiru diskussjonijiet u tħejjijiet biex isir multistorey carpark u kif ukoll mistenni li jkun hemm parkeġġ ieħor faċċata tal-Onkoloġija li mistenni li jibda x-xogħol fuqu fit-tielet kwart ta’ din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jipprovdu servizzi u għajnuna fil-qasam tad-dimensja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li San Vinċenz de Paule għandu fteim mal-Malta Dementia Society u mas-Service Dogs Malta Foundation, li t-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom għal residenti bid-dimensja, filwaqt li fl-Anzjanitá Attiva u Kura fil-Kommunitá, bħalissa qed jiġi implimentat kuntratt mal-organizzazzjoni mhux governattiva ewlenija f'Malta fuq id-dimensja, u dawn qed jipprovdu sessjonijiet terapewtiċi fiċ-ċentri tal-attività tad-dimensja u fid-djar residenzjali tal-gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fl-iskejjel biex jinħoloq aktar għarfien fost it-tfal dwar id-dimensja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir xogħol biex jinħoloq materjal apposta sabiex tiġi spjegata l-kundizzjoni lit-tfal b'mod li jifhmu u li jagħmel sens mill-perspettiva tagħhom. L-għan se jkun li noħolqu iktar għarfien bl-użu ta’ materjal xieraq. Nisuġerixxu li din il-mistoqsija tiġi referuta lil Ministeru kkonċernat ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi twettqu s’issa mill-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja - Nilħqu Livelli Ġodda (2024 - 2031)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kompla jaħdem sabiex isaħħaħ is-servizzi komunitarji attwali għall-persuni bid-dimensja, kif rakkomandat fl-Istrateġija f’5.2. Sar investiment f’aktar riżorsi umani fit-tim tad-‘Dementia Intervention Team’, sabiex tiġi offruta valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persuni li qed jgħixu bil-kundizzjoni ġewwa darhom. Dan it-tim qed jaħdem biex persuni li jieħdu ħsieb il-persuni bid-dimensja, jiġu involuti fl-ippjanar tal-kura, u qed tingħata attenzjoni li x-xewqat u l-preferenzi tal-persuni bid-dimensja u l-familji tagħhom. Kif rakkomandat fl-istrateġija f’1.2, kompla wkoll it-taħriġ għall-professjonisti u l-pubbliku ġenerali fuq il-kundizzjoni permezz ta' diskussjonijiet pubbliċi u taħriġ. Minn aspett ta’ prevenzjoni skond 2.2 tal-istrateġija, sar programm ta’ Taħriġ tal-Memorja bil-għan li potenzjalment, tiġi evitata l-kundizzjoni u jinkoraġġixxi l-anzjani biex jibqgħu attivi mentalment filwaqt li jgħin fil-benesseri ġenerali tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jingħataw prijorità u li ser ikunu qed jitwettqu sal-aħħar ta' din is-sena mill-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja - Nilħqu Livelli Ġodda (2024-2031)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se nibqgħu naħdmu biex inżidu l-għarfien dwar il-kundizzjoni u l-kura kif stipulat fl-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja. Kif irrakkomandat fl-istrateġija (4.1), se nkunu qed naħdmu biex min ikollu dijanjożi tad-dimensja se jkollu aċċess għall-person-centred care (kura ċċentrata fuq il-bżonnijiet tal-persuna).
Dimensja – Kura lill-impjegati li jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ aġġornat u avvanzat dwar il-kura tad-dimensja qed tingħata lill-impjegati li jaħdmu fiċ-ċentri ta' matul il-jum?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li impjegati li jaħdmu fiċ-ċentri ta’ matul il-jum jiġu mħarrġa fil-kura tad-dimensja, minn professjonisti tad-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Filwaqt, li t-taħrig li jiġi offrut f’San Vinċenz de Paul huwa dak dwar il-Kura fid-Dimensja, li hu kors akkreditat mill-Universita’ ta’ Malta. Dan jiġi offrut mhux biss għall-ħaddiema li jaħdmu fiċ- Ċentru imma għall-impjegati kollha.
Jista' l-Ministru jgħid xi programmi ta' taħriġ qed isiru għall-ħaddiena tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb lill-persuni bid-dimensja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li bħalissa SVP qed jipprovdi taħriġ lill-impjegati li għandhom kuntatt ma’ persuni bid-dimensja u qed jiġi offrut kemm l-impjegati tal-gvern kif ukoll lil dawk tal-kuntrattur. Dan it-taħriġ huwa akkreditat mill-Università ta’ Malta u normalment jiftaħ darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, qed jitfassal pjan biex jinfetaħ kors qasir għall-qraba tal-persuni bid-dimensja f’SVP. Il-pjan huwa li dan jibda jiġi offrut ukoll ġewwa ċ-Ċentru tat-Taħriġ.
Min naħa tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja joffri kors ta' taħriġ dwar il-kura tad-dimensja għall-ħaddiema li jaħdmu ma' persuni bid-dimensja.
Filwaqt li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem fid-djar tal-anzjani u jaħdem direttament ma u li jagħti appoġġ lill-persuni li jgħixu bid-dimensja fid-djar tal-anzjani jkollu taħriġ avvanzat dwar kif persuni li jgħixu bid-dimensja għandhom jingħataw appoġġ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għall-MRI sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kf diġa weġibt fil-PQ 17665, illum tnejn mill-MRIs li qegħdin fl-Isptar Mater jaħdmu 21 siegħa u nofs kuljum, 7 tijiem fil-ġimgħa. It-tielet MRI fl-Isptar Mater Dei taħdem 19 siegħa u nofs kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Is-Sibtijiet u l-Ħdud jiftħu skont il-pjan tax-xogħol tar-radjologi u r-radjografi disponibbli.
F’dawn l-aħħar xhur, introduċejna MRI fl-isptar Ġenerali t’Għawdex li tintuża għal 12-il siegħa, jumejn fil-ġimgħa. Fix-xhur li ġejjin, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikollu magna ġdida u aktar avvanzata. Magni simili bħal din ser tiġi nstallata fir-Residenza San Vinċenz.
Bi pjaċir ninforma lill-Onor. Interpellant, li fejn il-Gvern qed jalloka €2.1 miljun għall-MRI twilight budget, dan l-ammont ser jiżdied fil-ġranet li ġejjin għal €3.8 miljun sabiex fejn is-soltu jsiru 375 MRIs extra fil-ġimgħa, din iċ-ċifra titla’ għal 600 extra fil-ġimgħa. Ta’ min jgħid li din li-inzjattiva se timbotta ċ-ċifra ta’ MRIs extra għal 31,200 extra fis-sena.
Huwa mistenni li fi żmien sena, il-ħinijiet kurrenti ta’ stennija jonqsu drastikalment.
Sa l-aħħar ta’ Ġunju, kien hemm 103 persuni jistennew appuntament għall-MRI, u ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta’ raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż.