Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tal-Bridge tal-Breakwater

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-bridge tal-breakwater?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pont tal-breakwater ta’ Sant Iermu bħalissa qed jinbena ġewwa Spanja. Il-fabrikar tal-pont inbeda dan ix-xahar u aktar tard din is-sena ser jintbagħat prattikament lest lejn Malta biex jitpoġġa fil-post u jitlesta.

Ħ'Attard — tneħħija tal-venda

Question

Peress li bis-sistema ġdida tat-trasport pubbliku jidher li l-venda ta' Ħ'Attard se titneħħa, jista' l-Ministru jgħid kif iċ-ċittadini ta' Ħ'Attard jistgħu jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rabat — Vjal il-Ħaddiem - xogħlijiet fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26705 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26574, peress li Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat mhix inkluża fil-lista ta' toroq, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-triq issir xorta waħda peress li din trid tintuża mit-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m'hemmx xogħlijiet ippjanati għal din it-triq.

MITA — work placement tal-istudenti tal-ICT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26720 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li f'din is-sena kuntrarju għal dak li ġara s-sena li għaddiet, il-placement tal-istudenti tal-ICT ma kienx miftuħ għall-istudenti kollha, imma kien miftuħ biss għal dawk li għandhom livell għoli ta' edukazzjoni f'dan is-suġġett taħt l-iskema tal-iStudent Placement Programme tal-Malta Information and Technology Agency?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li permezz tal-iStudent Placement Programme l-MITA tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex studenti full-time fl-Informatika jsibu xogħol mal- industrija għall-perjodu tas-Sajf. Fl-2010 nstab xogħol ġo 50 entita’ għal 158 student minn 569 applikazzjoni. Id- domanda mill- industrija hija għal studenti li jattendu korsijiet post sekondarji. Fil-fatt fl- 2010 ma kienx hemm domanda għal studenti li qegħdin jattendu korsijiet li huma ta’ livell anqas min MQF 4. Korsijiet ta MQF level 4 huma ta’ livell post-sekondarju bħalma huma A levels jew Diploma Nazzjonali. Għalhekk din is sena, l-formola ta’ applikazzjoni tistipula korsijiet ta’ MQF livell 4 sa 6. Dan sabiex ma nisgwidwax studenti li jispiċċaw ma jintgħażlux għax ma jkunx hemm domanda mil-Industrija fil-level tagħhom. Mhux eskluż li jekk ikun hemm domanda għal dawn l- istudenti, l-MITA testendi l- iskema skond il-ħtiega.

Ftehim bejn Transport Malta u l-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ftehim bejn Transport Malta u l-Arriva, hemmx kontemplat x'se jiġri meta toroq ewlenin ikollhom jingħalqu minħabba per eżempju ċelebrazzjonijiet tal-festi u tali għeluq joħloq problema fl-iskedar u s-servizz tat-trasport pubbliku ġdid? Meta jseħħu każijiet bħal dawn u allura jkun miċħud l-aċċess għall-karozzi tal-Arriva minn dawn it-toroq, jista' jgħid jekk Transport Malta hijiex se tħallas xi multi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi skond il-ftehim iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010, Transport Malta għandha tinforma lill-Arriva Malta ta’ l-anqas (2) jumejn qabel ma tkun ser tingħalaq xi triq, sakemm ma jkunx f’ xi każ ta’ emerġenza u sakemm dan l-għeluq jiġi à konoxxenza tal-istess awtorità. Infurmat ukoll li fi żmien (24) erbgħa u għoxrin siegħa qabel ma’ tingħalaq it-triq, Arriva sejra tkun qegħdha twaħħal notifika fuq il- bus stops li mhux se jintużaw waqt l-għeluq tat-triq, kif ukoll fuq dawk il- bus stops li se jintużaw fuq ir-rotta alternattiva. Dawn in-notifiki għandhom jindikaw minn fejn se tgħaddi r-rotta alternattiva, d-direzzjoni lejn l-iżjed bus stop viċin fuq ir-rotta alternattiva, kif ukoll id-dati ta’ meta r-rotta alternattiva tkun qed topera. L-operatur għandu jneħħi dawn in-notifiki immedjatament malli t-triq terġa’ tinfetaħ u s-servizz jerġa’ jibda jgħaddi bir-rotta normali tiegħu. Rotot alternattivi għandhom jiġu maqbula bejn Transport Malta u Arriva qabel ma' jiġu mplimentati. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta mhux ser tħallas l-ebda multa f’dan ir-rigward.

kumpanija Arriva — rotot għas-servizz tat-trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali ta’ Transport Malta u/jew tal-Ministeru tiegħu li kienu involuti fit-taħdidiet mal-kumpanija Arriva dwar ir-rotot għas-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Infakkar lill-Onor Interpellant li m'mhix il-konswetudini li jintalbu u jingħataw l-ismijiet ta' uffiċjali pubbliċi li jkunu ħadmu fuq xi inizjattiva pubblika sakemm ma jkunx hemm xi raġuni speċifika li għaliha għandhom jissemmew.

San Pawl il-Baħar — Transport Malta - karozzi self drive

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' garaxxijiet b'karozzi self drive li llum huma reġistrati ma' Transport Malta fil-lokalità sħiħa ta' San Pawl il-Baħar? Kemm hu n-numru ta' vetturi li huma liċenzjati ma' dawn il-garaxxijiet? F'kull każ, kemm kien in-numru ta' garaxxijiet, vetturi liċenzjati, kull sena mill-2008 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ristrutturar ta' triq bejn Santa Luċja u l-Airport tal-Gudja

Question

Jista' l-Ministru jassigura li x-xogħol fuq it-triq li minn Santa Luċija tieħu għall-Airport tal-Gudja li tinsab parzjalment magħluqa jibqa' miexi b'mod regolari biex r-ristrutturar tagħha jitlesta fil-ħin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda ssegwi l-andament ta' dan ix-xogħol u hemm l-impenn neċessarju biex kemm il-kuntrattur kif ukoll il-kumpanija inkarigata mill-immaniġjar ta' dan il-proġett jieħdu l-azzjonijiet u l-miżuri kollha neċessarji sabiex dan ix-xogħol jitwettaq hekk kif ippjanat.

Cruise berth — EIA

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6068, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-feasibility study u Environmental Impact Assessment (EIA) li kien ikkumissjonat mill-Awtorità Marittima fl-2005 għall-iżvilupp ta’ cruise berth ’l barra mill-port ta’ l-Imġarr, Għawdex u dwar l-aġġornament tal-istess studju li ntalbet tagħmel mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista’ jaġġorna lill-Kamra ukoll dwar disinji iktar dettaljati u fuq ir-reviżjoni tal-proġett li kellhom isiru? Jista’ jgħid x’alternattivi oħra ġew ikkunsidrati għal dan il-proġett? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Taxis - Bdil ta' meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex se jinbidel il-meter tat-taxis f'Għawdex meta dan kien diġà nbidel erba' snin biss ilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26121.

Bdil ta' Taxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni tal-gvern li taxi tinbidel wara 15-il sena, hijiex marbuta ma' deċiżjoni tal-gvern waħdu, jew jekk hijiex marbuta ma' regolamenti tal-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.26122.

tenders għall-bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar sal-lum kemm ingħataw tenders għall-bini ta’ toroq? Liema huma dawn it-toroq? Kemm se tiswa kull triq? Kull triq lil liema kumpanija ngħatat biex tagħmel ix-xogħol? Liema huma t-toroq li se jitħallsu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Baċir Numru 1 — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Baċir Numru 1 humiex qed jiġu segwiti mis-Supretendent tal-Wirt Kulturali kostantament u kemm-il darba dawn qed jiġu segwiti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li qed isiru fil-Baċir Numru 1 qed ikunu segwiti kontinwament mis-Supretendent tal-Wirt Kulturali, tant hu hekk li hemm rappreżentant preżenti waqt l-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet biex ikun jista’ jimmoniterja dak li qed isir.

Proġetti tal-Awtorità tad-Djar — traffic management u parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt sarx studju minn Trasport Malta dwar l-impatt fuq it-traffic management u l-parking spaces fi proġetti li bniet l-Awtorità tad-Djar mis-sena 2008 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-2008, kien hemm tlett applikazzjonijiet tal-Awtorità tad-Djar, li kienu jirrikjedu studji tal-impatt tat-traffiku - (Traffic Impact Statements - TIS). Dawn kienu: PA6450/06 - Triq it-Tabib Nikol Zammit, Siggiewi - TIS ġie sottomess f'Novembru 2007 u r-rapport mid-direttorat tal-MEPA tlesta f'Marzu 2008. Din l-applikazzjoni għadha ma ġietx deċiża mill-MEPA. PA5802/07 - Triq San Ġużepp, Żabbar - TIS ġie sottomess f'Awwissu 2008 u r-rapport mid-direttorat tal-MEPA tlesta f'Diċembru 2008. L-applikazzjoni ġiet approvata. PA2786/07 - Triq il-Ġdida, Luqa - TIS ġie sottomess fi Frar 2008 u r-rapport mid-direttorat tal-MEPA tlesta f'Ottubru 2009. Dan it-TIS kien jinkorpora żewġ siti - wieħed tal-Awtorità tad-Djar u ieħor privat. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom ma ġewx deċiżi mil-MEPA.

Tas-Sliema — Triq Bisazza - Traffic Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk qabel l-għeluq ta' Bisazza Street, Sliema sarx traffic impact assessment, għat-toroq ġo Tas-Sliema? Jista' jinformani jekk hemmx toroq oħra li se jiġu affettwati minn xi tnaqqis ta' parkeġġ jew effetti oħra, anke fid-dawl tas-servizz il-ġdid tal-Arriva?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru studji preliminari fejn ġew evalwati skemi differenti għas-sistema tat-trasport fi Triq Bisazza. Is-sistema għall-immaniġġjar tat-traffiku qed tiġi analizzata fiż-żona u 'l madwar ta' Triq ix-Xatt bil-għan li jassigura rotta sikura għall-vetturi tat-trasport pubbliku fiż-żewġ direzzjonijiet.

Tas-Sliema — tnaqqis ta' postijiet ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqqsu postijiet ta' parkeġġ ġo Tas-Sliema f' dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm se jerġgħu jonqsu fis-sitt xhur li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kappara — servizz tat-trasport pubbliku - rotot u ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi ta' trasport pubbliku se jkollhom mill-Arriva r-residenti tal-Kappara? X'rotot hemm konfermati u x'inhuma l-ħinijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti tal-Kappara se jkollhom rotta ċirkulari bin-numru 123 li titlaq mill-Park & Ride ta’ Pembroke, tgħaddi ġewwa l-Kappara, tibqa' sejra lejn l-isptar ta’ Mater Dei u terġa lura lejn il-Park & Ride ta’ Pembroke. Din ir-rotta se jkollha frekwenza ta’ kull nofs siegħa, fejn l-ewwel waħda titlaq mill-Park & Ride ta’ Pembroke fil-5.20 ta’ filgħodu u l-aħħar waħda titlaq fl-10.50 ta’ filgħaxija. Infurmat ukoll li mill-Park & Ride ta’ Pembroke u mill-Interchange ta’ Mater Dei, il-passiġġieri se jkollhom il-faċilità li jirkbu rotot oħra li jeħduhom f’diversi lokalitajiet oħra, fosthom lejn il-Belt Valletta, l-Mosta, iċ-Ċirkewwa, tas-Sliema u l-Ajruport ta’ Malta.