Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' opzjonijiet bħal linji sofor, kaxxi sofor, eċċ. li jistgħu jsiru biex quddiem bieb ta’ garaxx (li jintuża għal użu personali biex tiddaħħal karozza) ma jipparkjawx karozzi illegalment?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab aċċessibbli għall-pubbliku fir-Regolament 77 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.11.
Ir-Rabat, Malta — Triq Vjal il-Ħaddiem - Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti time frame tax-xogħlijiet li se jsiru fi Triq Vjal il-Ħaddiem, fir-Rabat, Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’dawn it-toroq jikkonsistu f’infrastruttura ġdida għad-distribuzzjoni tal-elettriku, rikostruzzjoni ta’ mogħdijiet u modifiki fis-sistemi eżistenti tal-ilma tax-xita, formazzjoni ta’ roundabouts ġodda fil-junctions, tibdil ta’ konnessjonijiet tal-ilma tax-xorb għad-djar u xogħlijiet ġodda ta’ asfalt. Fid-dawl li din iż-żona hija ta’ sensittività arkeoloġika, qed jittieħed kull pass biex ikun assigurat li x-xogħlijiet isiru skont obbligazzjonijiet maħruġa mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Huwa mistenni li x xogħlijiet kollha jitlestew sa l aħħar tas- sena.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18488 dwar il-petizzjoni ‘Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management aħjar fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr’, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-istakeholders li ltaqa’ magħhom il-Ministeru?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bozoz fit-toroq arterjali u jekk hemmx xi tim li jdur u jiċċekkja jew jekk jistennewx li jidħlu r-rapporti? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi garantit li t-toroq f’Malta huma mdawwlin biżżejjed?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati bin-number plate sewda (vintage motor vehicle)? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li dawn il-karozzi jilħqu l-kriterji neċessarji?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati bin-number plate ħamra (karozzi li jistgħu jinstaqu fil-weekend)? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li dawn il-karozzi jilħqu l-kriterji neċessarji?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ karozzi rreġistrati bil-pjanċi ħomor huwa ta’ 3,839.
Transport Malta tassigura li dawn il-vetturi jiġu użati skont l-Att 368, ATT DWAR IR-REĠISTRAZZJONI U L-LIĊENZJAR TA’ VETTURI BIL-MUTUR, li jintużaw fit-toroq f’Malta unikament u esklussivament nhar ta’ Ġimgħa minn 1800hrs ’il quddiem, nhar ta’ Sibt, Ħdud, fil-festi nazzjonali u fi btajjel pubbliċi oħra.
Karozzi tal-linja li ilhom jintużaw għal iktar minn għaxar snin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-flotta tal-karozzi tal-linja ilhom jintużaw għal iktar minn għaxar snin u jagħti n-numru u l-persentaġġ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm total ta’ mija erbgħa u għoxrin (124) karozza tal-linja li ilhom jintużaw għal iktar minn għaxar snin. Madankollu, l-ebda minn dawn il-karozzi tal-linja ma qabżu il-ħmistax-il sena.
Laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena, fil-kapaċità tiegħi bħala Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, ipparteċipajt b’mod attiv fil-laqgħa informali tal-Ministri tat-Trasport li saret fi Brussell, fit-3–4 ta’ April 2024. Barra minn hekk, bħala parti mill-impenji li ġejjin, se nkun qed nattendi wkoll il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport li ser isir fit-18 ta’ Ġunju fil-Lussemburgu.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol infrastrutturali li għaddej fil-bypass tal-Imtarfa bħalissa, minħabba li d-dewmien qiegħed ikun ta' tbatija bla bżonn għal min irid jasal l-Imtarfa mid-direzzjoni ta' Ħ'Attard u Ħaż-Żebbuġ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet li hemm fi Triq Il-Maltin u Eżiljati, kif ukoll fi Triq il-Kav Vincenzo Bonello waslu fl-aħħar fażi tagħhom. Bħalissa bdew l-aħħar xogħolijiet li jinkludu it-tqaxxir tal-asfalt eżistenti bi preparament għal-kisja ta’ asfalt ġdid, fejn dan ġie affetwat. Immedjatament wara jsiru il-linji u marki mal-art. Dan huwa pjanat li jkun lest kollu fil-ġimgħat li ġejjin.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18189, jista' l-Ministru jagħti definizzjoni ta' kif dan il-perċentwal jiġi kkalkulat għal kull rotta tal-karozza tal-linja li ħarġet tard u kemm-il darba ma ħarġitx fuq ir-rotta? Jista’ jgħid jekk jgħoddx bħala reliable li karozza ħarġet jew li ħarġet mhux aktar tard minn ċertu minuti mill-ħin li kellha skedat? Jista’ jgħid ukoll jekk din hux ikkalkulata biss fuq il-ħin tal-ħruġ, il-ħin li tasal fid-destinazzjoni, jew il-ħinijiet tal-waqfiet kollha tul ir-rotta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-affidabbiltà tirreferi għall-fatt jekk vjaġġ li jkun skedat sarx jew le, u għaldaqstant ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-vjaġġ ikunx telaq tard jew le. Il-perċentwal ta’ kemm ir-rotta hija affidabbli jiġi kkalkolat billi jitteħdu n-numru ta’ vjaġġi li jkunu twettqu u jiġu diviżi bin-numru ta’ vjaġġi skedati.
Fil-każ tal-puntwalita, din hija definita bħala kemm ir-rotta titlaq mill-punt tat-tluq tagħha fil-ħin skont l-iskeda b’ċertu tolleranzi. Dawn it-tolleranzi qed jiġu provduti fil-punti segwenti:
§ Fuq rotot li għandhom frekwenza ta’ disa’ u għoxrin minuta jew anqas, vjaġġ jiġi meqjus li jkun tard meta jitlaq aktar min ħames minuti fuq il-ħin.
§ Għal dawk ir-rotot li għandhom frekwenza ta’ tletin minuta jew aktar, vjaġġ jiġi meqjus tard meta jitlaq tmien minuti jew aktar fuq il-ħin.
Il-perċentwal ta kemm ir-rotta hija puntwali jiġi ikkalkolat billi għal kull rotta jitteħdu dawk il-vjaġġi li jkunu fil-ħin u jiġu diviżi bin-numru ta’ vjaġġi li jkunu saru.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18189, u b’referenza għar-rotot ta’ bil-lejl (dawk li jibdew bl-ittra N), jista' l-Ministru jagħti definizzjoni ta' kif dan il-perċentwal jiġi kkalkulat għal kull rotta tal-karozza tal-linja li ħarġet tard u kemm-il darba ma ħarġitx fuq ir-rotta? Jista’ jgħid jekk jgħoddx bħala reliable li karozza ħarġet jew li ħarġet mhux aktar tard minn ċertu minuti mill-ħin li kellha skedat? Jista’ jgħid ukoll jekk din hux ikkalkulatha biss fuq il-ħin tal-ħruġ, il-ħin li tasal fid-destinazzjoni, jew il-ħinijiet tal-waqfiet kollha tul ir-rotta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotot ta’ bil-lejl ma jifformawx parti minn network maqbul bejn il-Gvern u l-Operatur tat-Trasport Pubbliku. Għaldaqstant, dawn ir-rotot ma jiġux immonitorjati għall-fini ta puntwalità u affidabbiltà
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet ġewwa Sliema Road, San Ġwann u meta huwa antiċipat li dawn jitlestew? Jista’ jispjega ukoll għaliex f’dawn l-aħħar ħames ġimgħat ma kienu qed isiru ebda xogħlijiet fuq dan il-proġett?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Tas-Sliema, San Ġwann, ix-xogħlijiet previsti jinsabu fl-aħħar stadju. Fl-aħħar jiem tlesta x-xogħol ta’ tqaxxir tat-triq, tlesta x-xogħol fuq is-sottobażi biex jissaħħu l-pedamenti tat-triq, u tpoġġa l-ewwel saff tal-asfalt. Beda jingħata wkoll it-tieni saff ta' asfalt bil-ħidma tal-kuntrattur issa ser tkun iffukata biex jgħolli u jillivella t-tappieri tat-triq, u jħejji biex ipoġġi l-aħħar saff tal-asfalt flimkien mal-implimentazzjoni tal-marki taż-żebgħa tat-triq u sinjali ġodda.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-proġetti kollha li qegħdin isiru minn Infrastructure Malta sal-ġurnnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-Proġetti maġġuri tinstab hawn taħt:
· St Angelo Bridges
· Shore Supply North Harbour & Boiler Wharf
· Bugibba Breakwater
· Pinto 4/5 & Lascaris
· Chadwick Lakes
· Ras Hanzir Land Reclamation
· Cirkewwa Columns
· Triq il-Marfa, Cirkewwa
Madanakollu Infrastructure Malta għaddejja b’xogħlijiet fuq toroq madwar Malta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18332 u jgħid kemm hemm inġiniera bil-warrant u kemm hemm tekniċi kwalifikati ma’ Transport Malta li għandhom il-kompetenza u huma responsabbli li jispezzjonaw u jagħmlu spot checks fuq vetturi kbar, vetturi li jġorru l-passiġġiera u vetturi kummerċjali fis-17 ta' April 2024?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-Taqsima Teknika tad-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art, hemm ħames uffiċjali tekniċi kwalifikati li għandhom it-taħriġ u l-kompetenza meħtieġa sabiex iwettqu spezzjonijiet tekniċi ta’ kull tip ta’ vettura bil-mutur. Ma’ dawn hemm ukoll żewg uffiċjali tal-Infurzar li għandhom kompetenzi simili u li xogħolhom huwa li jwettqu spezzjonijiet tekniċi fil-ġenb tat-triq (technical roadside inspections).
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18331 u ċjoè: Fid-dawl li meta Triq il-Ġebel f'Birżebbuġa ngħatat wiċċ ġdid, intradmu culverts li kienu jiddirezzjonaw l-ilma tax-xita biex ikun evitat illi garaxxijiet u djar jiġu mgħarrqa, jista' l-Ministru jgħid hux ser jinvestiga din il-problema maħluqa minn Infrastructure Malta u tinstab soluzzjoni sostenibbli għaliha?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ittieħdet nota.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx is-site visit fi Triq Dun Ġorġ Zammit f’Birżebbuġa biex jiġi stabbilit ix-xogħol involut fuq il-bankina? Jista’ jgħid ukoll fiex ser jikkonsistu x-xogħlijiet u jekk jinkludux preparazzjoni sabiex jgħaddu cables u servizzi oħra mill-bankina, u meta ser jibdew u jispiċċaw ix-xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser tibda topera r-rotta 82A, x'ser tkun ir-rotta u x'ser tkun il-frekwenza tagħha?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotta 82A hija mistennija li tiġi ntrodotta sa Ġunju ta’ din is-sena bi frekwenza ta’ żewġ vjaġġi fis-siegħa fil-ħinijiet meqjusa bħala “peak” u vjaġġ wieħed fis-siegħa f’ħinijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid bħala medja kemm idum individwu li jkun falla mit-test tas-sewqan f'Malta, ma jerġa' jitla' jagħmel it-test?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija sabiex individwu li jkun falla mit-test tas-sewqan f’Malta jerga jitla għat-test jiddependi mill-Motoring School tal-individwu, u meta din terġa tapplikalu għat-test tas-sewqan. L-istennija f’dan ir-rigward ivarja skond il-kategorija li wieħed ikun qed japplika għaliha.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-perjodu kemm damu biex reġgħu telgħu jagħmlu test tas-sewqan f'Malta, dawk kollha li telgħu jagħmlu t-test iktar minn darba minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm min stenna xahar, xahrejn, tliet xhur, erba' xhur, ħames xhur, eċċ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija sabiex individwu li jkun falla t-test tas-sewqan f’Malta jerġa jitla għat-test jiddependi mill-Motoring School tal-individwu, ċjoè meta din terġa tapplikalu għat-test tas-sewqan.
Jista' l-Ministru jgħid bħala medja, kemm idum individwu li jkun falla mit-test tas-sewqan f'Għawdex ma jerġa' jitla' jagħmel it-test?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija sabiex individwu li jkun falla mit-test tas-sewqan f’Għawdex jerga jitla għat-test jiddependi mill-Motoring School tal-individwu, u meta din terġa tapplikalu għat-test tas-sewqan. L-istennija f’dan ir-rigward ivarja skond il-kategorija li wieħed ikun qed japplika għaliha.