Legislature:
Category:
Reset
Active:

Testijiet ġeoloġiċi bejn Malta u Għawdex bħala preparazzjoni bies isir it-tunnel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-testijiet ġeoloġiċi bejn Malta u Għawdex bħala preparazzjoni biex isir it-tunnel bejn iż-żewġ gżejjer, humiex lesti u dan peress li fil-budget għas-sena 2017 kien intqal li dawn kellhom isiru kmieni fl-2017? Jekk huma lesti, meta tlestew, x' irriżulta u jekk jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn it-testijiet u kopja tar-rapporti ġeoloġiċi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li t-testijiet ġeoloġiċi, li se jsiru f’postijiet differenti fuq l-art u fil-baħar, se jibdew fil-ġimgħa li ġejja.

Sub seabed tunnel bejn Malta u Għawdex – sejħa pubblika għad-design, build and operate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sejħa pubblika għad-design, build and operate għal sub seabed tunnel bejn Malta u Għawdex inħarġitx? Jekk inħarġet, meta kien li ġiet ippubblikata? Meta hu mistenni li min ser jagħmel dan ix-xogħol jiġi magħżul?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa pubblika għad-design, build, maintain and operate għall-mina bejn Malta u Għawdex qegħda tiġi ppreparata, u għandha tiġi ppublikata s-sena d-dieħla.

Żejtun – Triq Alfred Cachia Zammit -xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni biex it-Triq Alfred Cachia Zammit, Żejtun titlesta? Dan peress li l-ħaddiema jmorru jaħdmu ftit siegħat u jitilqu jew jagħmlu ġranet ma jersqux 'l hemm u dan b’detriment għall-ħwienet u għar-residenti tal-lokal? Jista’ wieħed jara li din it-triq titlesta meta tikkunsidra li din inbdiet minn Marzu jiġifieri 7 xhur ilu u għadha fi stat diżastruż?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1423 f’Seduta 26.

Awtorità tal-Ippjanar — Abbozz tar-Regolamenti dwar billboards u reklami

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess b'rabta mal-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, u li l-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika dwarhom, liema abbozz huwa maħsub sabiex jissostitwixxi l-Avviż Legali 103 tal-2016 u ċjoè r-Regolament tal-2016 dwar Billboards u Reklami?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru jinsab fl-aħħar stadju tal-proċess b'rabta mal-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, jiġifieri dik li qed issir hija l-aħħar reviżjoni fuq l-abbozz finali qabel ikun ippubblikat.

Awtorità tal-Ippjanar — Abbozz tar-Regolamenti dwar billboards u reklami – sottomissjonijiet, kummenti u proposti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet, kummenti u proposti kollha li rċeviet l-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, u li l-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika dwarhom, liema abbozz huwa maħsub sabiex jissostitwixxi l-Avviż Legali 103 tal-2016 u ċjoè r-Regolament tal-2016 dwar Billboards u Reklami?

Response (BORG, IAN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Lija u Iklin — Triq in-Naxxar – siġar meqruda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqerrdu mill-kuntrattur inkarigat mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta fit-twettiq ta' xogħlijiet ta' twessigħ ta' Triq in-Naxxar f'Ħal Lija u l-Iklin matul ix-xahar ta' Lulju 2017? Jista' jgħid ta' liema speċi kienu l-imsemmija siġar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ – Triq l-Indipendenza – resurfacing tat-triq

Question

B’referenza għall-aħħar biċċa tat-Triq l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ, fejn hemm joqogħdu familji li biex jidħlu ġo darhom iridu jużaw skalapiża jew ma jistgħux jużaw il-garaxx tagħhom kif ukoll il-parapett ta' darhom qed jintuża bħala aċċess pubbliku. Nifhem li din it-triq ilha mwiegħda għal aktar minn 10 snin u fil-leġislatura l-oħra kien maħsub, , li matul din is-sena (2017) jitkompla r-resurfacing tal-aħħar biċċa ta' din it-triq. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk dan għadux ipprogrammat li jseħħ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpelllant li parti tat-triq imsemmija, ma tistax tigi asfaltata għalissa għax din il-parti ma ġietx iffurmata skont il-linja tat-triq mogħtija mil-Awtorita’ tal-Ippjanar u kif inhu stabbilit skont S.L. 499.57. L-aċċess li hemm preżenti għaddej mill-parapetti tal-istess djar, u għaldaqstant ma’ tistax tiġi asfaltata.

Skema biex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-gvern – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' applikazzjonijiet pendenti skont kull lokalità tal-iskema biex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fadal madwar 2,500 applikazzjoni pendenti min total ta’ 9,755.

Sub Seabed Tunnel — Sejħa ta' Design, Build and Operate

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1504 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Dwar il-proposta ta' konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer tista' l-Ministru tgħid jekk inħarġitx l-ewwel fażi tas-sejħa pubblika ta' design, build and operate għal sub seabed tunnel ?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1733.

Konnessjoni Permanenti bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1503 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għad-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 fejn f'paġna 89 ingħad li " Fl-istess ħin sar progress sostanzjali fuq il-konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex. Kmieni fl-2017 għandhom isiru eżamijiet ġeoloġiċi biex b'dan it-tagħrif se nkunu nistgħu nibnu mudell ġeoloġiku ta' taħt qiegħ il-baħar “ Tista' l-Ministru tgħid jekk dawn l-eżamijiet sarux u jekk fl-affermattiv tgħid x'kienu dawn ir-riżultati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1732

Testijiet Siżmiċi dwar il-bini ta' mina bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk it-testijiet siżmiċi, dwar bini ta' mina bejn iż-żewġ gżejjer, li saru mill-Università ta' Malta u Transport Malta ġewx konklużi? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti informazzjoni dwar dawn ir-riżultati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet sismiċi fil-kanal bejn Malta u Għawdex waslu fl-aħħar stadju. Madankollu, l-analiżi ta’dawn l-investigazzjonijiet għadha għaddejja, u l-mudell ġeoloġiku, li se jinkludi kemm ir-riżultati tal-analiżi sismika kif ukoll tal-investigazzjonijiet ġeoloġiċi, huwa mistenni li jkun finalizzat lejn l-aħħar tas-sena dieħla.

Birżebbuġa – Triq ix-Xatt ta’ San Ġorġ – problema ta’ ilma baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tissolva l-problema tal-ilma baħar li jitla’ fit-Triq ix-Xatt ta’ San Ġorġ, Birżebbuġa? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti indikazzjoni meta hu maħsub li se jibda u jitlesta x-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru studji u pjanti necessarji sabiex tissolva l-problema tal-ilma baħar li jitla’ fit-Triq ix-Xatt ta’ San Ġorġ, Birżebbuġa.

Kuntratt iffirmat bejn Transport Malta u kumpanija li toffri ferry service fil-port

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li kien iffirmat bejn Transport Malta u l-kumpanija privata li toffri s-servizz ta’ ferry service fil-Port f’Ottubru 2012?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — konsulenzi minn persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żona tal-Kottonera, Ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City – mitigazzjoni tal-problemi tat-traffiku

Question

B’liema mod il-Ministru se jkun qiegħed jimmitiga l-problemi tat-traffiku li mistennija jiżdiedu fin-nofsinhar ta’ Malta fid-dawl tal-proġetti li se jsiru fiż-żona tal-Kottonera, fosthom il-ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Żejtun – Triq Alfredo Cachia Zammit — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jirraporta dwar il-progress fix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Alfredo Cachia Zammit fiż-Żejtun fejn ix-xogħlijiet fiha issa ilhom għaddejjin ix-xhur b’inkonvenjent kbir kemm għar-residenti kif ukoll għan-negozji ta’ din it-triq? Jista’ jagħti data tentattiva għal meta huwa maħsub li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ladarba x-xogħlijiet qed jistennew l-aħħar tħejjijiet u approvazzjoni neċessarja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Kalkara – Triq Santu Rokku – rapporti ta’ tlielaq tal-karozzi

Question

Billi qed ikun hemm rapporti ta' tlielaq tal-karozzi fit-Triq Santu Rokku l-Kalkara li qed idejqu r-residenti tal-lokal, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jieħu aktar miżuri biex karozzi ma jsuqux bi speed qawwi, kemm għad-detriment ta' sewwieqa oħra kif ukoll għar-residenti tal-inħawi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant billi nikkonferma li Transport Malta rċeviet diversi ilmenti li fl-inħawi msemmija xi drabi jkun hemm min qed jabbuża bil-vettura u jsuq b' veloċita' eċċessiva. Is-sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta ħadet azzjoni mmedjata u flimkien mal-Pulizija qed tagħmel moniteraġġ fl-akwati permezz tal-uffiċjali tagħha. Transport Malta għandha wkoll pjanijiet sabiex timplimenta miżuri oħra li jgħinu biex dan l-abbuż jinqata’, fosthom li tinstalla Traffic Calming Measures fil-wiċċ tat-triq imsemmija.

Awtorità tal-Artijiet – sistemi preżenti tal-informatika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-sistemi preżenti tal-informatika u dawk maħsubin għall-futur fl-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li preżentament l-Awtorita ta’ l-Artijiet tagħmel u¿u min diversi sistemi li ilhom jintużaw għal snin twal, u li teknoloġikament wasslu fl-“end of life cycle“ taghhom, teknoloġija li spiċċat u m’għadix tiġi żviluppata.Għalhekk l-Awtorita beħsieba tinvesti sostanzjalment fi xhur u snin li ġejjin sabiex tkun tista taqdi il-funzjonijiet tagħha b’effiċenzja, kontabilta’ u trasparenza. Dawn jinkludu sistema integrata sħiħa li tkopri kull direttorat u funzjoni ta’ l-Awtorita.

L-Imqabba – Sqaq l-Isptar għal Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija – triq asfaltata

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 820, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispezzjoni li kellha ssir saritx, u meta se jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.