Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Architecture Project - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw xogħol id-ditta ta' periti Architecture Project mill-Ministru u l-entitajiet li jiffurmaw parti minnu matul dawn l-aħħar tnax-il sena? F'kull każ, x'kien jikkonsisti x-xogħol, kemm kien il-valur tax-xogħol u kemm tħallas minnu? Meta ingħata dan ix-xogħol u meta tlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi permezz ta’ kuntratt iffirmat nhar it-18 ta’ Marzu 1998, bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni u d-ditta ta’ periti Architecture Project, dawn ta’ l-aħħar ingħataw total ta’ €79,283.88 f’xogħlijiet ta’ konsulenza marbuta ma’ proġett ta’ tisbieħ ta’ Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Matul is-sena 2008 l-istess ditta ngħatat xogħol ta’ valutazzjoni ta’ artijiet fl-inħawi ta’ San Niklaw, limiti tas-Siggiewi, bi ħlas totali ta’ € 8,447.32.

Mosta — Triq it-Tama - Kappella tal-Isperanza

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex vandaliżmu li sar fuq l-ilquħ taċ-ċnut tal-Pont tal-Isperanza li jinsab biswiet il-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta f'Triq it-Tama jiġi rranġat? B'riżultat ta' inċident ta' traffiku numru ta' snin ilu kienet ġrat ħsara fuq taraġ li jieħu mit-triq għal ħdejn l-għar ta' taħt il-kappella li llum hu taraġ magħluq u mkisser, jista jara x'passi jistgħu jittieħdu sabiex dan it-taraġ jiġi rranġat ukoll?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ħadt nota tal-ilment imressaq mill-Onor Membru u se nara li x-xogħol meħtieġ issir . Dwar l-ilment tal-Onor Membru dwar l-ilquħ taċ-ċnut tal-Pont tal-Isperanza ninforma l-Onor membru li għaddejt l-informazzjoni lid-dipartiment biex jieħu l-passi neċessarji biex dan jiġi rranġat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — persuni li laħqu l-età tal-irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-persuni li laħqu l-età ta' rtirar iżda reġa' ġie mġedded it-terminu tal-impjieg tagħhom f'din l-aħħar sena? Jista' jindika ukoll f'liema dipartiment u f'liema gradi sar dan it-tiġdid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’din l-aħħar sena, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kien hemm impjegat wieħed biss li laħaq l-età ta’ rtirar u kellu l-imjieg tiegħu mġedded meta dan laħaq l-età ta' irtirar L-impjegat huwa fil-grad ta’ Direttur Ġenerali fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi.

swar tal-Belt — spejjeż għall-iscafolding

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hija ċifra ta' flus globali għall-iscaffolding li qed jintuża biex jiġu riabilitati s-swar tal-Belt? Jista' jaġġornani kemm minn din is-somma diġà tħallset ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ispiża tal-iskafoldings użat għar-restawr tas-swar tal-Belt għat-tenders mogħtija s'issa huwa ta' € 601,740.78 (VAT inkluż). L-ebda parti minn din is-somma għadha ma tħalset lill-kuntrattur. Tajjeb inżid li kull tender ikollha item tal-BOQ għal scaffolding u għalhekk il-kuntrattur ma jkunx jista jitlob aktar min din iċ-ċifra ( lump sum ). Din is-somma hi allokata għal armar, użu u żarmar tal-i scaffolding u tiġi mħallsa mal-progress tax-xogħol.

produzzjoni tal-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm huwa n-numru ta' mogħoż f'Malta u Għawdex fil-mument, kemm hija l-produzzjoni tal-ħalib tagħhom u x'qed isir mill-ħalib tagħhom? Jista' jipprovdi din l-informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' mogħoż hija kif ġej: Sena Kwantità 2006 1,303 2007 3,809 2008 4,539 2009 4,643 2010 4,276 Ninsab infurmat illi din it-Taqsima ma żżomxx data tal-produzzjoni tal-ħalib għaliex din mhix obbligatorja. Ninforma lill-Onorevoli Membru li jsiru testijiet u spezzjonijiet regolari fuq il-merħliet. Normalment il-ħalib tal-mogħoż jintuża fil-produzzjoni ta' ġbejniet.

Razez differenti ta' mogħoż

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani xi programm għandu d-Dipartiment Veterinarju sabiex jippriseva r-razza tal-mogħża Maltija li huwa magħruf li hija fost l-aqwa razza għal sekli sħaħ fir-razez tal-mogħoż f'dan ir-reġjun? Kemm fil-fatt huwa l-vot tal-Ministeru għall-programm tal-priservazzjoni tad-demm tal-mogħża Maltija fil-mument? Min huwa l-uffiċjal inkarigat fil-mument?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern għandu kull intenzjoni li jsalva l-mogħża Maltija u beda proġett ġewwa ċ-ċentru tal-Għammieri biex, jiġu qabel xejn stabbiliti b’mod formali l-karatteristiċi ta' din ir-razza. Matul il-proġett qed tinbena merħla ħielsa mill-mard u ta’ razza pura Maltija. Iktar tard jinħoloq reġistru nazzjonali tar-razza biex it-tnissil jibda jsir b’mod razzjonali u xjentifiku. Din l-attività tinvolvi lid-Dipartiment tar-Regolament Veterinarju, d-Dipartiment tal-Agrikoltura, l-Istitut tal-Agrikoltura fl-Università ta' Malta u, ‘l quddiem, anki raħħala privati u l-għaqdiet tagħhom. Il-fondi għal dan il-proġett jaqgħu taħt il-vot dedikat għar-riċerka skont l-estimi pubblikati u għalhekk m'hemmx vot dedikat.

Marsaxlokk — tisbiħ tal-promenade

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tibda t-tieni fażi tat-tisbiħ tal-promenade ta' Marsaxlokk? Kemm se tiġi tiswa u meta hu maħsub li titlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija 14894, ix-xogħol mistenni jkun lest sa Novembru 2010 bi spiża totali ta' 1.75 miljun Ewro.

Proġett kontra l-għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16079, jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proġett li kien tħabbar mill-ex Ministru Ninu Zammit biex jinġabar l-ilma tax-xita biex ma jintilifx u ma jkomplix jikkawża għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida, fejn kellhom jinbnew ġibjuni kbar taħt l-art?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

sajjieda li applikaw għall-iskema tad-demolition

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk is-sajjieda li applikaw għall-iskema tad-demolition u jikklassifikahom lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'kollox kien hemm 67 sajjied li applikaw għall-iskema tad-demolition. Lista dettaljata tan-numri ta' dawn l-applikanti skont il-lokalitajiet qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid li dawn l-applikazjonijiet għadhom qed jiġu evalwati.

Impjant tal-Magħtab — ammont ta' gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ammonti ta' gass li ġew maqbuda s'issa (xahar, xahar jew sena, sena) mill-impjant tal-Magħtab/Għallis? X'sar minnu dan il-gass? Jista' jgħid ġiex iġġenerat xi elettriku minn dan is-sors ta' enerġija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-ewwel fażi ta’ l-operat ta l-impjant (2007) s’issa, ġew migbura 'l fuq minn 100 miljun metru kubu ta’ ‘Landfill gas’. Attwalment jinġabar medja ta’ 6000 metru cubu fis-siegħa. Dan il-gas jiġi trattat gewwa l-RTO (Regenerative Thermal Oxidiser) li jkisser l-elementi tossiċi fil-gassijiet f’ temperaturi għolja ta’ madwar elf grad Centigradu (1000oC). Il-Methane li jinsab fil-gas tal-Magħtab qed jintuża biex iżomm għolja t-temperatura ta’ l-RTO u b’hekk jigi evitat milli tintuża l-enerġija elettrika biex tipprovdi din is-sħana. Għaldaqstant l-energija elettrika qed tigi frankata flok iġġenerata.

Oqsma tal-agrikoltura u sajd f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-responabilità tal-Ministeru tiegħu dwar liema servizzi għandhom jingħataw fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd f’Għawdex? X’inhi r-responsabilità tiegħu fl-għoti ta’ dawn is-servizzi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-attivita Regolatorja fil-qasam tal-Veterinarja, Saħħa ta' Pjanti u Sajd hija responsabiltà diretta tat-Taqsima tar-Regolament ta' l-Agrikoltura u Sajd fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Barra dan, il-Pjan għall-iżvilupp Rurali (2007 – 2013) u l-Agenzija tal-Pagamenti jaqgħu ukoll taħt ir-responsabbiltà diretta ta’ dan il-Ministeru

Gradi u uffiċjali fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhija r-responabilità tal-Ministeru tiegħu biex jiġu stabbiliti n-numru u l-gradi tal-uffiċjali fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd f’Għawdex? X’inhuma r-responsabilitajiet u l-kompetenzi tal-Ministeru tiegħu għar-rigward ta’ dawn l-uffiċċjali f’Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru m’ għandu l-ebda responsabbilta biex ikunu stabbiliti n-numru u l-gradi rispettivi tal-uffiċjali fl-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd f’ Għawdex.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Salarji u kundizzjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15659, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba fir-rigward ta' kull tip ta' kuntratt tax-xogħol li abbażi tagħhom hemm persuni jaħdmu fil-Ministeru u fid-dekasteru li jaqa' taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16056 jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant illi ħadd mill-kumpaniji involuti fil-każ ta’ abbuż tal-liġi tal-VAT u instabu ħatja ma ngħata kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru għar-Riżorsi u għall-Affarijiet Rurali matul is-snin 2009 u 2010.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xiri ta' computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw computers inkluż laptops u/jew notebook computers fid-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat ma nxtara ebda kompjuter mill-Ministeru tiegħi.

breeding programmes tal-għasafar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx fis-seħħ breeding programmes tal-għasafar tal-għana, kif ukoll tal-gamiem u summien u x'inhu l-eżitu ta' dawn il-programmi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fi Frar ta’ l-2006 kien inbeda proġett ta’ sperimentazzjoni fuq tnissil ta’ għasafar tal-għana fil-kaptività fl-Għammieri. Ninsab infurmat li għalkemm dan il-proġett għadu għaddej fl-Għammieri, illum dan jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru reponsabbli għall-Ambjent. Nitlob lill-Onorevoli Membru jressaq din il-mistoqsija lill-Ministru risponsabbli.

proġett ta' mini għal ħażna ta' l-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett ta' mini għal ħażna ta' l-ilma tax-xita ġiex skartat? Jekk fl-affermattiv għaliex sar hekk? X'qiegħed jiġi propost bħala soluzzjoni għal problema tal-għargħar f'pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f' seduta oħra

management ta’ ħażniet ta’ ħut fil-Mediterran

Question

B’referenza għat-twegiba mogħtija fid-19 t’April 2010 għall-mistoqsija parlamentari 16158, rigward x’evalwazzjoni saret dwar l-impatt fuq is-sajd Malti tar-regolamentazzjoni numru 1967/2006 tal-Unjoni Ewropea dwar il-management tal-ħażniet tal-ħut fil-Mediterran (fish stocks), ma jidhirlux il-Ministru li fid-dokumentazzjoni mpoġġija mat-tweġiba hemm xi informazzjoni dwar studju jew studji fuq l-impatt imsemmi li qed/jew se jkollha din ir-regolamentazzjoni, imma biss dokumentazzjoni xjentifika dwar l-andament tal-fish stocks infushom? Jista’ l-Ministru jpoġġi kwalunkwe rapport dwar l-impatt ekonomiku u tekniku fuq is-sajd u s-sajjieda Maltin tar-regolamentazzjoi msemmija, li għandha tibda tiġi implimentata b'qawwa matul ix-xahar ta’ Mejju? Il-gvern jinsab sodisfatt li l-interessi tas-sajjieda Maltin huma mħarsa biżżejjed bl-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni msemmija? Huwa mgħarraf il-Ministru bid-diffikultajiet li qed iqajmu l-Italja, Spanja, Ċipru u anke Franza dwar din ir-regolamentazzjoni fir-rigward per eżempju, tat-twaqqif ta’ new minimum distances dwar sajd, l-użu permess ta’ ċertu tip ta’ xbieki u mhux ta’ oħrajn, projbizzjoni fuq ċertu tip ta’ sajd u ta’ qbid ta’ ħut? X’impatt se jkollu dan kollu fuq is-sajd Malti? Il-gvern Malti qajjem xi oġġezzjonjiet fuq it-tħaddim ta' din ir-regolamentazzjoni, kif għamlu l-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

National Flood Relief Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fil-kuntest tan-National Flood Relief Project, kemm huwa stmat li jqum il-harvesting ta' metru kubu ilma (1 cubic metre) run-off water jekk tiġi adottata sistema ta' tunnelling (mini) taħt l-art? Jista' jgħid ukoll xi proċess ta' polishing ikollu bżonn dan l-ilma run-off biex ikun jista' jiġi użat għat-tisqija fil-biedja/landscaping? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-prezz ta' provvista tal-ilma 2nd class għat-tisqija, dejjem b'sistema ta' underground tunnelling, u ċioe kalkulazzjonijiet separati kull metru kubu għall-: a) ġabra ( capture ); b) storage (f' tunnels /mini); ċ) polishing ; u d) distribuzzjoni rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u risposta tingħata f' seduta oħra.

National Flood Relief Project — Ilma meqjus bħala run-off

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex l-ilma magħruf bħala run-off għandu jiġi polished to make it good for consumption (ovvjament għat-tisqija), dejjem kif stqarret il-persuna responsabbli min-National Flood Relief Project fi Frar li għadda? X'effett jew x'impatt ħażin jista' jagħmel ilma run-off (unpolished) li jkun użat għat-tisqija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u risposta tingħata f' seduta oħra.