Ħad-Dingli — Triq Pawlu Ebejer u Triq Carmelo Bugeja, Manutenzjoni tal-Ġnien
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2459, li orġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm-il darba saret manutenzjoni u tisqija tal-arbuxelli u siġar fil-ġnien li jinsab fi Triq Pawlu Ebejer u Triq Carmelo Bugeja Ħad-Dingli minn meta nfetaħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli li l-manutenzjoni u tisqija tal-arbuxelli u siġar fil-ġnien li jinsab fi Triq Pawlu Ebejer u Triq Carmelo Bugeja Ħad-Dingli ssir darbtejn fil-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2458, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’inhi r-raġuni li l-belisha lights ta’ Triq il-Mużew fir-Rabat Malta mhux qed jaħdmu regolarment (jew ma kinux jaħdmu għal żmien twil) anke wara diversi rapporti li saru mill-Kunsill Lokali Rabat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li dwar il-ħsara msemmija, l-istess Kunsill bagħat lill-kuntrattur tiegħu sabiex isewwi l-ħsara fl-immedjat iżda rriżulta li kien hemm qtugħ mill-feeder wire minn taħt l-art li kien qed iwassal l-elettriku mis-Sub Station lejn l-istess zebra crossing. Għalhekk il-ħsara fil-wire ma setgħetx issir mill-Kunsill Lokali iżda riedet issir minn l-entità kkonċernata.
Santa Venera — Servizz ta' ġbir tal-borża tal-iskart riċiklat
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3020, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba jinġabar l-iskart domestiku riċiklat f'Santa Venera?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi meta bdiet tiġi kkumpilata l-informazzjoni tal-mistoqsija parlamentari 3020 mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, bi żvista l-istess Dipartiment naqas milli jindika lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera bħala wiehed mill-Kunsilli Lokali li għandhom is-servizz ta’ ġbir tal-borża tal-iskart domestiku riċiklat għal ġurnata waħda biss fil-ġimgħa.
Għalhekk ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera illi l-iskart domestiku riċiklat jinġabar darba fil-ġimgha fl-istess lokalità.
Skema dwar Restawr ta’ Postijiet/Monumenti Storiċi f’Malta — proġetti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2838 dwar l-iskema dwar Restawr ta’ Postijiet/Monumenti Storiċi f’Malta 2022/2023, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex kien jikkonsisti kull wieħed mill-proġetti li ġew aċċettati u kemm hi l-istima ta’ kull proġett? Kif se jkun iffinanzjat kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Kunsill Lokali
Deskrizzjoni tal-Proġett
Kif kien il-ħsieb li se jkun iffinanzjat
Tarxien
Il-Kunsill applika għar-restawr għall-faċċata tal-kappella l-antika ta’ San Ġuzepp li tinsab fi Triq Ħal Tarxien. Illum il-ġurnata, St Jeanne Antide Foundation Bazaar jinsab bħala parti mill-binja.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Xgħajra
Il-Kunsill applika għar-restawr tal-Knisja ta’ San Ġakbu fix-Xgħajra, fi Triq il-Knisja. Knisja li nbniet fl-1933 għan-nies tax-Xgħajra.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Rabat Malta
Il-Kunsill applika għar-restawr taż-żona taz-zuntier tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat. Iż-żona fiha diversi strutturi arkeoloġiċi importanti li jeħtieġu intervent biex jiġu salvagwardjati. Il-Kunsill applika speċifikament għall-istatwa ta’ San Pawl taz-Zuntier u l-Kappella ta’ Santa Marija tal-Madalena.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
San Ġwann
Il-Kunsill applika għar-restawr tal-kappella tal-Prepostu fi Triq tal-Ħalal, San Ġwann. Kappella ta’ importanza minħabba r-rabta li kellha mal-Prepostu tal-Kolleġġjata ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara meta nbiet.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Żejtun
Il-Kunsill applika għar-restawr tal-bini tal-kappella ta’ San Klement li tinsab fi Triq San Klement iż-Żejtun.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Għargħur
Il-Kunsill applika għar-restawr tan-niċċa ta San Bartolomew li tinsab fi stat qawwi ta’ deterjorazzjoni. In-Niċċa tinsab f’Misraħ il-Knisja.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Marsaskala
Il-Kunsill applika għar-restawr ta’ statwa li tinsab fuq iz-zuntier tal-Knisja Parokkjali ta’ Sant’Anna. L-istatwa tpoġġiet fl-1976-78 u hemm bżonn isir restawr meħtieġ.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Kirkop
Il-Kunsill applika għar-restawr tas-Salib tad-Dejma f’Misraħ Ħal Kirkop, Ħal Kirkop. Dan is-salib inbena f’1641 u huwa indikattiv mal-mappa ta' Ħal Kirkop.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Fgura
Il-Kunsill applika għar-restawr tal-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja fi Triq Hompesh. L-istatwa tmur lura għas-sena 1870.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Haż-Żebbuġ
Il-Kunsill applika għar-restawr tal-kappella tal-Madonna tad-Dawl fi triq id-dawl. Il-Kappella tinsab fi stat qawwi ta’ deterjorazzjoni.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Żurrieq
Il-Kunsill applika għar-restawr tan-niċċa ta’ San Pawl fi Triq San Bartilimew.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Santa Venera
Il-Kunsill applika għar-restawr tat-Torri ta’ San Ġuzepp magħruf bħala t-Turretta u li jinsab ħdejn l-Akwadott ta’ Wignacourt fi Triq il-Kbira San Ġuzepp.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Ħal Lija
Il-Kunsill applika għar-restawr tal-binja tal-parroċċa l-antika tas-Salvatur li tinsab fi Triq is-Salvatur. Il-bini jinsab fi stat ħazin.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Skema dwar Restawr ta’ Postijiet/Monumenti Storiċi f’Malta — proġetti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2838 dwar l-iskema dwar Restawr ta’ Postijiet/Monumenti Storiċi f’Malta 2022/2023, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex kien jikkonsisti kull wieħed mill-proġetti li ma ġewx aċċettati u kemm kienet l-istima ta’ kull proġett? Kif kien il-ħsieb li se jkun iffinanzjat kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Kunsill Lokali
Deskrizzjoni tal-Proġett
Kif kien il-ħsieb li se jkun iffinanzjat
Paola
Il-Kunsill applika għar-restawr tan-niċċa ta’ San Ġuzepp li tinsab fi stat qawwi ta’deterjorazzjoni. Niċċa tinsab fi Triq Ninu Cremona ma’ Triq il-Ġdida.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Birkirkara
Il-Kunsill applika għar-restawr ta’ Monument li hija l-istatwa ta’ San Pawl li tinsab fi Triq San Ġuzepp.
L-istatwa fiha tul ta’ 2 metri u sofriet l-effetti negattivi tal-elementi maż-żmien. L-istatwa hija ta’ stil barokk u hija simbolika mal-miġjata’ San Pawl f’Malta. Fuq l-istatwa hemm impoġġija rħama li ngħatat lin-nies ta’ Birkikrara fl-1875 mill-Isqof Scicluna.
Din l-iskema ma tallokax fondi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr isiru mid-Direttorat tar-Restawr MHAL
Kunsilli Lokali Marsaskala/Żejtun: Immaniġjar aħjar tal-indafa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tingħata l-aktar għajnuna possibbli lill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u ż-Żejtun biex jimmaniġġaw aħjar l-indafa fil-lokalitajiet tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern huwa dejjem kommess li jgħin lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom b’suċċess. Sadanittant, permezz ta’ ħidma interministerjali, għaddej proġett-pilota flimkien mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Kunsilli Lokali interessati se jkunu jistgħu jipparteċipaw.
Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-miri tal-Kunsilli Lokali fil-preżent sabiex itejbu s-servizzi tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt il-feedback tal-Kunsilli Lokali kollha għal din id-domanda peress li fid-domanda qed issir referenza ghall-miri tal-Kunsilli Lokali nfushom.
Anzjani — Proġetti u inizjattivi mwettqa mill-Kunsill Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jindika xi proġetti u inizjattivi twettqu favur l-anzjani mill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u ż-Żejtun fis-sena 2021 u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-Kunsill qiegħed fil-proċess li jkollu vann elettroniku sabiex ikun jista’ jintuża u jkun t’għajnuna għall-anzjani fil-qadi tagħhom. Dan is-servizz mistenni jibda s-sena d-dieħla.
Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokal taż-Żejtun li matul is-sena 2021 apparti li saru diversi żjarat, ħarġiet u attivitajiet għall-anzjani, il-Kunsill nieda proġett għal servizz ta’ trasport komunitarju li għalih ġew approvati l-fondi kif ukoll saret is-sejħa tal-akkwist. Dan is-servizz mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2761 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru fi Triq San Piju X, iż-Żejtun tul dawn l-aħħar sentejn u meta mistenni li jiġu ffinalizzati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun illi fi Triq San Piju X inbidel il-main tal-ilma, sar wiċċ bit-tarmak ġdid u l-bankini fuq iż-żewġ naħat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex previst li jsiru x-xogħlijiet neċessarji f’Misraħ Karmnu Grima, iż-Żejtun tul din is-sena, sabiex il-post jiġi riabilitat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun illi l-Misraħ imsemmi ser jitpoġġa fil-lista ta’ toroq li ser tiġi mitluba minn l-entità kkonċernata sabiex issir ir-rijabilitazzjoni neċessarja.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dik li tissejjaħ Smoking Room f’Bighi, il-Kalkara, huwiex previst li tiġi rranġata u restawrata jew le, tul din il-leġiżlatura?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq dik li tissejjaħ ‘Smoking Room’ hu ppjanat li jibda s-sena d-dieħla (2023).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2700, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar irċieva l-ilmenti msemmija u jekk dawn l-ilmenti kenux mingħand l-istess resident/grupp ta’ residenti, inkella minn resident/grupp ta’ residenti differenti? Għal kull ilment, jista’ jgħid meta ntbagħtet it-tweġiba lill-istess resident/grupp ta’ residenti? X’inhi r-raġuni li s-CCTV fl-inħawi għadhom ma twaħħlux? X’baqa’ pendenti biex dan is-CCTV jiġi istallat? Jista’ jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari 2700, fis-sens li jgħid jekk sarux xi studji dwar il-livelli tal-ħsejjes ikkawżati minn dawn l-istess strumenti qabel ma dawn ġew istallati? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill intalabx li jagħti rapporti dwar dawn il-ħsejjes lill-Awtorità tal-Ippjanar jew lil xi entità oħra, u jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess rapporti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi huwa mifhum li l-ilmenti ġew mill-istess grupp ta’ residenti (inkluż l-amministratur). Fil-fatt ingħatat tweġiba lill-amministratur tal-blokka tal-istess residenti li għamel l-ilment f’isimhom.
Infurmat ukoll li din il-blokka mhux iżolata imma hemm diversi djar u appartamenti oħra fil-madwar, però kollha għandhom distanza sinifikanti mill-ġnien pubbliku. L-ilmenti ġew minn blokka partikolari.
Infurmat li għalkemm diġà hemm CCTV fil-ġnien pubbliku, ser jiżdiedu aktar sabiex iservu dejjem aktar bħala deterrent.
Rigward l-istrumenti, infurmat li dawn il-‘percussion instruments’ għandhom mazza ratba biex ittaffi l-ħoss, kontra ‘percussion instruments’ li jindaqqu b’mazza iebsa.
Fuq nota finali, infurmat illi l-Kunsill ma ntalab jagħmel l-ebda rapport fuq il-ħsejjes mill-entitajiet konċernati meta għamel l-applikazzjonijiet rispettivi.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20788 li saret fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju jinsab ix-xogħol ta’ tindif, katalogar u konservazzjoni tal-kollezzjoni magħrufa bħala Guljana Letard-Ciantar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija huma lesti. Infurmat ukoll li l-kollezzjoni infetħet għall-pubbliku.
Kollezzjoni magħrufa bħala Karmenu Fava Collection
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20789 li saret fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju jinsab ix-xogħol ta’ tindif, katalogar u konservazzjoni tal-kollezzjoni magħrufa bħala Karmenu Fava Collection?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol imsemmi għadu għaddej.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk tul din il-leġiżlatura huwiex ippjanat jew huwiex possibbli li jidħol fil-pjan li tiġi esegwita waħda mill-kompożizzjonijiet tal-Maestro Carmelo Pace ai termini tal-kuntratt tat-13 ta’ Ottubru, 1988?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Surmast Carmelo Pace mhux ippjanata li tiġi esegwita fl-istaġun orkestrali 2022/2023 tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru fi Triq Santa Monika, iż-Żejtun tul dawn is-sentejn u meta mistenni li jiġu ffinalizzati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun illi x-xoghol fl-imsemmija Triq Santa Monika, iż-Żejtun sar mill-Water Services Corporation u minn Infrastructure Malta, fejn inbidlu s-servizzi tal-ilma u sar wiċċ ġdid.
Għall-bqija tat-tagħrif, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domandi tiegħu lill-Ministeri kkonċernati.
Iż-Żurrieq – Kunsill Lokali – Vjal Blue Grotto — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kienx infurmat bix-xogħlijiet ta' tħaffir li saru fi Vjal Blue Grotto, iż-Żurrieq bejn Triq tal-Ġonna u Triq l-Imqabba peress li din it-triq ingħatalha wiċċ ġdid tat-tarmak reċentement? Jekk il-Kunsill Lokali ma kienx ikkonsultat, x'inhi r-raġuni għan-nuqqas ta' konsultazzjoni meta jsir dan it-tip ta' xogħol fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien mgħarraf mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li meta ntalbet l-informazzjoni lill-ħaddiema tal-Enemalta dwar dawn ix-xogħlijiet, irriżulta li kien każ b’urġenza fuq ħsarat li jirrigwardjaw infrastruttura tal-istess entità.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dawk il-lokalitajiet li għandhom ġurnata waħda biss fil-ġimgħa li fiha jsir il-ġbir tal-borża tal-iskart domestiku riċiklat jibdew jirċievu dan is-servizz għal aktar minn darba fil-ġimgħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Qawra, San Pawl il-Baħar – Triq il-Ħamra – Bozoz maqtugħin
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2640, billi jirriżulta li waħda mill-bozoz li, skont l-istess risposta, suppost hi skonnettjata, sal-10 ta' Ottubru 2022, u allura wara li twieġbet l-istess domanda, kienet għadha mixgħula u tteptep, filwaqt li l-bozza l-oħra li hi mwaħħla ma’ razzett antik ilha mwaħħla hemm snin twal, probabbilment qabel twaqqfet l-Enemalta (tant hu hekk li l-għamla tagħha hi differenti) jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ser ikun hemm dawl adegwat fl-inħawi msemmija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi saret applikazzjoni ta’ tqabbid ta’ dwal ġodda li tirrigwardja Triq il-Ħamra ġewwa il-lokalità tal-Qawra, liema applikazzjoni hi datata 5 ta’ Ottubru 2022.
Rigward meta ser jibda jinxtegħel l-imsemmi dawl nitlob ġentilment lill-Onor. Interpellant tagħmel l-interpellanza tagħha lill-Minisetru kkonċernat.