Pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn – somma li għandu jiġbor il-Gvern
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4852, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu l-bilanċ tas-somma totali li għandha tinġabar għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b'xejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bilanċ tas-somma totali li għandha tinġabar mill-gvern għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b'xejn sal-ahhar tal-2017 jammonta għal €836,309.41.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex meta persuna tidħol fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bi ksur fl-għadam u jkollha bżonn ta’ casting, ħafna drabi tali persuna ma jsirilhiex fibreglass casting minkejja li din il-persuna tkun talbet għalih? Jista’ jgħid ukoll għaliex hemm nuqqas serju ta’ tali casting f’dan id-dipartiment? Jaf li dan qed iwassal għal inkonvenjenza kbira għall-pazjenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hija deċiżjoni tal-Konsulent Ortopediku jekk pazjent ikollux bzonn full cast tal-fiberglass. Nassigurah illi kull meta jkun mitlub li jsir il-fiber cast dan isir kif meħtieġ, mingħajr riservi.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat, magna li tagħmel l-arthrogram fl-ispalla, ittieħdet mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex lejn Malta? Jista' jikkonferma li fl-aħħar jiem marru pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li qalulhom li l-arthrogram ma jistax isir iżjed Għawdex u jkollhom imorru Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
L-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. Fl-isptar Ġenerali t’Għawdex qatt ma kien hemm “magna li tagħmel l-arthrogram fl-ispalla”, aħseb u ara kemm din is-suppost magna ittieħdet minn Għawdex għal Malta.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk biex wieħed jingħata ċilindru tal-ossiġnu f'Għawdex issa flok €30 irid iħallas €97? Jista' jgħid jekk dan hux minnu u min ħa din id-deċiżjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
L-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. It-tariffa tal-kera taċ-ċilindri tal-ossiġnu f’Għawdex ilha ma tinbidel mill-2003.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kuntratt għandu l-Gvern dwar l-IVF dwar servizz professjonali ma’ entità privata bħala Public Private Partnership? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-kuntratt li jħaddem il-Gvern f’dan ir-rigward? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-kuntratt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt mas-service provider għas-servizz tal-IVF ġewwa Mater Dei kien miktub u nnegozjat fl-2014 meta hu stess kien Ministru għas-Saħħa. Il-kuntratt huwa ta’ natura kummerċjali.
B’referenza għal dak li hu propost fl-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, peress li se jiżdied il-Medical Tourism u nilqa’ li s-servizz se jiżdied ukoll lill-koppji tal-istess sess u peress li nafu wkoll li wild minn IVF (li jinkludi adozzjoni) juża s-servizz ta’ Intensive Baby Care Unit (NPICU) għax dawn jiġu mwielda qabel iż-żmien jew jitwieldu ta’ piż żgħir, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jserraħ rasna li s-servizz mediku tal-Isptar Mater Dei hu attrezzat b’kull riżors u li l-spazju tas-sala hu wieħed adegwat, u għalhekk se jilqa’ għaż-żieda fid-domanda ta’ trabi li se jidħlu l-NPICU? Jista’ jsemmi l-miżuri li ttieħdu fil-NPICU biex ir-riżorsi jissaħħu, bi preparazzjoni għall-implementazzjoni għall-emendi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni? Kemm hu attrezzat dan id-dipartiment preżentement?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-emendi għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun li qedgħin jiġu diskussi fil-Parlament bħalissa ser ikollu effett l-oppost ta’ dak li qed isemmi hu. Dan minħabba, għal kuntrarju tal-prassi sal lum, mhux ser ikun permess li jitpoġġew aktar minn 2 embrijuni fl-omm f’kull ċiklu. Dan ser iwassal biex ikun hemm tnaqqis u mhux żieda ta’ trabi li jitwieldu b’piż żgħir.
Peress li nhar id-19 t’April fl-Isptar Monte Carmeli, persuna marida u li kienet għal kura l-Isptar neħħiet ħajjitha b’idejha meta ddaħlet biex tiġi protetta, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi r-rapport tal-investigazzjoni u jgħid x’passi ttieħdu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar dan il-każ kienu infurmati l-Pulizija dak inhar stess u għaddejja nkjesta maġisterjali taħt il-Maġistrat Neville Camilleri. Għaddejja ukoll investigazzjoni amministrattiva interna.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt li qed tindika in-nefqa għal production costs għat-TV advertising kif mitluba.
Sena
Deskrizzjoni tar-Reklam/Kampanja relatata
Nefqa : Ammont inkluż
VAT(€)
2014
No Smoking campaign
€830.00
Healthy Living campaign
€4,684.00
2015
Lunch box campaign
€1,700.00
Physical Activity
€1,500.00
2016
Healthy food campaign
1522.20
Healthy weight for life campaign
6307.10
Lunchbox Campaign
€1,032.50
Organ Donation advert
€3,469.20
2017
Anti-Smoking Campaign
€885.00
Various Campaigns (Flu & Don't drink and drive)
€1,770.00
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-safar għall-Ministeru minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid għal kull safra
(a) min kienu l-persuni li siefru;
(b) minn min kienu akkumpanjati; u
(c) x’kien l-iskop ta’ kull safra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex fl-aħħar jiem il-Klinika tar-Rabat, Għawdex, spiċċat għal iżjed minn darba u għal sigħat twal mingħajr tabib? Jista’ jgħid min hu responsabbli li jara li fil-Klinika tar-Rabat, Għawdex, ikun hemm tabib kull ħin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’okkazjoni waħda ċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat Għawdex għal ftit ħin (madwar sagħtejn) kien mingħajr is-servizz ta’ tabib minħabba sitwazzjoni anomala fejn iż-żewġ tobba li kellhom ikunu xogħol dak inhar irraportaw li kienu ma jifilħux. Sakemm wasal tabib ieħor minflokom, pazjenti li kellhom bżonn attenzjoni medika urġenti setgħu jieħdu l-kura mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Saħħa mentali – servizzi fil-komunità u residenzjali — nefqa
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1976 tat-12-il Leġislatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus fuq servizzi fil-komunità u kemm intefqu flus fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali matul is-sena l-oħra? Jista’ jgħid kemm tiġi tiswa sodda fl-Isptar Monte Carmeli llum?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali rikurrenti għas-sena 2017 kienet tammonta għal €40.6 miljun.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkomunika mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba li l-pilloli tad-dijabete li toffri l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) jagħmlulha l-ħsara u qiegħda tixtri d-Diamicron ta' 30mg mill-pensjoni tagħha? Jista’ jara jekk hux possibbli l-POYC joffrulha din il-marka li semmejt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema tal-ispiżerija tal-għazla tiegħek tirċievi l-mediċini li jkun xtara l-gvern skont il-proċess tat-tendering. Għaldaqstant, ma tkunx tista toffri ditti partikolari skont ix-xewqa tal-individwu. F’każ ta’ xi effetti mhux mixtieqa, il-pazjent għandu jirrikorri għand il-konsulent tad-dijabete sabiex tkun tista tittieħed azzjoni billi jsir Adverse Drug Report (fejn tindika l-effetti negattivi tal-mediċina), waqt li l-każ jiġi riferit lill-Exceptional Medicinal Committee.
Deputat Prim Ministru u Ministru u għas-Saħħa — nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba b’rabta mal-bordijiet maħtura fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa mill-elezzjoni sal-lum hija din:
189 membru fejn 89 minnhom huma nisa: 47%.
Dan hu b’konformità mal-wegħda elettorali li mill-inqas 40% tal-membri tal-bordijiet ikunu nisa.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jkollu l-MRI, skont kif ġie mwiegħed (fi żmien qasir) minħabba uġigħ insapportabbl?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ ġie segwit.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — TV advertising - nefqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt li qed tindika in-nefqa għat- TV advertising kif mitluba.
Sena
Deskrizzjoni tar-Reklam/Kampanja relatata
Nefqa : Ammont inkluż VAT(€)
2013
Sexual Health
€3,998.92
Healthy Living
€45,024.34
Breast Care
€10,000.00
Anti-Smoking Campaign TV
€20,000.00
Tv Spots Food Portions
€20,000.00
Various adverts related to Kids Campaigns
€23,600.00
2014
No Smoking campaign
€7,727.40
Healthy Living campaign
€110,669.40
2015
Lunch box campaign
€26,363.28
No smoking campaign
€3,540.00
Physical Activity
€10,285.00
2016
Healthy food campaign
€3,450.00
Healthy weight for life campaign
€28,200.00
Lunchbox Campaign
€1,032.50
2017
Healthy food for children campaign
€1,650.00
Anti-Smoking Campaign
€21,898.69
Various TV adverts
€9,673.10
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni meta pazjenti jirreġistraw fil-My Health ma jkunux jistgħu jirreġistraw taħt aktar minn tabib wieħed? F’każ ta’ group practice li hu rikonoxxut u fejn il-prattika hi bi sħab, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-pazjenti ma jistgħux jirreġistraw mat-tobba bħala grupp?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-myHealth ma jinvolvix proċess ta’ reġistrazzjoni. Biex wieħed jaċċedi għas-servizz, kull m’għandu bżonn huwa l-password tal-e-ID. Nissoponi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-faċilità fil-myHealth li biha pazjent jitlob lil tabib biex jillinkja miegħu permezz tal-myHealth, u b’hekk it-tabib ikun jista’ jara r-records tal-pazjent online. Il-pazjent jista’ jibgħat rikjesta lil iżjed minn tabib wieħed, mingħajr limitu fin-numru. Din ir-rikjesta tiffunzjona bħala għoti ta’ kunsens taħt il-liġi tal-protezzjoni tad-data, u għal din ir-raġuni issir ma’ kull tabib individwalment.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jindika meta ser jitqassmu l-magni tad-dijabete (bit-test strips) fid-Distrett tal-Mosta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proġett tad-dijabete Tip 2, fejn tqassmu l-magni tad-dijabete bit-test strips lill-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete Tip 2 u li jieħdu l-insulina, diġa tqassmu fid-Distrett tal-Mosta.
Fir-rigward tat-tieni fażi tal-proġett tad-dijabete Tip 2 fejn ser tqassmu l-magni tad-dijabete bit-
test strips
lill-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete Tip 2 u li jieħdu l-mediċini, hu ppjanat li jitqassmu fid-Distrett tal-Mosta aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-Berġa ta' Marsaxlokk tiġi rilokata? F'każ li se tiġi rilokata, x'inhi r-raġuni għal tali rilokata, x'inhi r-raġuni għal tali rilokazzjoni u fejn hemm il-ħsieb li tiġi rilokata din il-berġa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Berġa ta’ Marsaxlokk tinsab ġol-Għassa tal-Puliżija tal-lokal, li biswita qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni maġġuri. Għaldaqstant, is-servizz li jingħata minn din il-berġa ġie temporanjament trasferit għas-sala parrokjali għal raġuni ta’ saħħa u sigurtà tal-pazjenti u tal-ħaddiema.
Sadanittant bdew it-taħdidiet biex jitnieda l-proċess tad-devoluzzjoni tal-Berġa mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.
Ministeru għas-Saħħa — kuntratti, direct orders u kummissjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25568 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija sħiħa u jagħti l-informazzjoni wkoll għall-perjodu meta hu ma kienx Ministru jew Segretarju Parlamentari għas-Saħħa? Jista’ jgħid ukoll il-valur ta’ kull item u min awtorizza x-xiri?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull kuntratt, kummissjoni u direct order tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern kif mitlub mill-Public Procurement Regulations skont il-proċedura/kuntratt li jingħataw.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 4852.