Legislature:
Category:
Reset
Active:

Program Erasmus — Università ta' Malta u l-Università La Sapienza ta' Ruma - flus

Question

Tista' l-Ministru tintervjeni biex ittaffi mmedjatament it-tbatija li għaddejjin minnha studenti Maltin li qed jagħmlu l-kors Master in Science of Performative Creativity bi sħab bejn l-Università ta' Malta u l-Università La Sapienza ta' Ruma għax għadhom ma ngħatawx il-flus imwegħda mill-gvern biex jagħmlu tajjeb għall-flus li ntilfu tal-programm Erasmus, u qed jiġi mċaħħda minn faċilitajiet u drittijiet li għandhom studenti oħra fl-istess kors iżda li huma meqjusa studenti tal-Erasmus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Uffiċċju Internazzjonali tal-Università ta’ Malta ħa ħsieb biex l-istudenti jingħataw il- grants fil-kontijiet bankarji tagħhom u l-flus ġew trasferiti lill-istudenti fit 12 t’Ottubru 2010. L-istudenti tal-Università ta’ Malta li qed jattendu din l-istituzzjoni issa għandhom aċċess tal-internet u faċilità għall-libreriji. Bħalissa qed tiġi ndirizzata l-aċċess għall- canteen li hija ċirkustanza komuni għall-istudenti kollha f’La Sapienza.

Healthy breakfast għall-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema skejjel primarji qegħdin iqassmu l-frott jew inkella hux qed jagħtu xi healthy breakfast? Jekk fl-affermattiv, minn liema sors dan il-frott qed jemani? Tista' tgħid fiex jikkonsisti l-healthy breakfast u minn liema sors l-ikel qed jemani?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — studenti bla kreditu fl-ismart card

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga r-raġuni għala studenti ġodda li għadhom kif daħlu għall-kors tal-Arts and Design fl-MCAST għadhom ma rċevew l-ebda ammont ta' kreditu fl-ismart card tagħhom, meta studenti oħra li qed jattendu korsijiet oħra fl-MCAST diġà rċevew dak li hu dovut lilhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudenti li bħalissa qed jattendu għall-kors tal- Arts and Design fl-MCAST u li huma eliġibbli għall- smartcard ingħataw l- ismartcard . Studenti li qed jagħmlu korsijiet f’Livell 1, jiġifieri fl-istess livell ta’ min qiegħed fil-V klassi tas-sekondarja, mhux meqjusa li daħlu fil-livell Post Sekondarju u allura mhux intitolati għal stipendju.

MCAST — studenti li mhux se jirċievu stipendji

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn studenti li bħalissa qed jattendu għall-kors tal-Arts and Design fl-MCAST ġew infurmati mill-għalliema tagħhom li mhumiex se jirċievu l-istipendji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudenti li bħalissa qed jattendu korsijiet offruti mill-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST f’livelli li jikkwalifikaw biex jirċievu stipendju se jirċivuh bħal studenti oħra. Bħal kull sena, l-ewwel stipendju joħroġ fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru għal kulħadd. Studenti li qed jagħmlu korsijiet f’Livell 1, jiġifieri fl-istess livell ta’ min qiegħed fil-V klassi tas-sekondarja, mhux meqjusa li daħlu fil-livell Post Sekondarju u allura mhux intitolati għal stipendju.

Lifts bil-ħsara

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu jżomm lill-Iskola Margerita College - Verdala Secondary School ta' Bormla, milli jitranġaw żewġ lifts, liema żewġ lifts qed iżommu student partikolari, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jinsab fis-siġġu tar-roti b'diżabilità milli juża dawn il-lifts sabiex jitla' għal-lezzjonijiet, liema lifts ilhom bil-ħsara minn Ġunju ta' din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ż-żewġ lifts reġgħu bdew jaħdmu mill-lum.

Għajnuna għall-iranġar ta' dar

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslet it-talba għal għajnuna għall-irranġar ta' dar li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li saret mill-Awtorità tad-Djar xhur ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna xi dokumenti mingħand l-applikanta msemmija, liema talba ntbagħtet lilha fil-21 ta’ Ottubru 2010. Kif dawn id-dokumenti jaslu fl-uffiċċju tal-Awtorità tad-Djar, l-applikazzjoni tagħha tkompli tiġi pproċessata.

Ċwievet ta' proprjetà

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19917, f'każ li l-inkiwilna qalbet l-ID card fuq l-indirizz tad-dar tal-anzjani, xorta waħda l-Awtorità tad-Djar ma jkollhiex id-dritt tieħu ċ-ċwievet tal-proprjetà?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li avolja l-inkwilina legali għandha l-Karta tal-Identita fuq id-Dar tal-Anzjani fil-preżent xorta waħda l-Awtorità tad-Djar m’għandiex dritt tieħu ċ-ċwievet u l-pussess tal-propjetà. Iżda l-Awtorità Tad-Djar tagħmilha ċara li tagħraf biss lill-inkwilina legali u jekk xi ħaddieħor jagħżel jidħol jgħix fil-fond fil-perjodu tar-residenza tal-inkwilina fid-Dar tal-Anzjani ma jkollu l-ebda dritt legali.

dawl mixgħul filgħaxija fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx policy fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar x'dawl għandu jibqa' mixgħul filgħaxija fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ilu diversi snin jattwa politika ta’ tnaqqis tal-Carbon footprint kemm fl-iskejjel kif ukoll fid-Direttorati. Il-politika mħaddma u direzzjoni mogħtija hija dik li jinżamm biżżejjed dawl mixgħul kemm wieħed jara jsegwi fejn jimxi jekk tinqala bżonn ta’ spezzjoni jew vista matul il-lejl, kif ukoll biex is-sistemi ta’ sigurta’ fl-iskejjel jitħaddmu b’mod effettiv.

Awtorità tad-Djar — applikazzjonijet għal-lifts ġo flats

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara l-waqfien temporanju tal-istallazzjoni tal-lifts fil-flats tal-Awtorità tad-Djar, saritx il-policy li kellha ssir u jekk fl-affermattiv, x’inhi din il-policy? X’inhu n-numru tal-applikazzjonijet pendenti, għal-liema flats huma dawn l-applikazzjonijiet u meta hu maħsub li jsir ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġà ġie spjegat f’risposta għal mistoqsija 19943, l-inkwilini li joqogħdu fi blokki tal-Gvern jistgħu japplikaw għall-installazzjoni ta’ lift fil-blokki tagħhom permezz ta’ Skema E tal-Awtorità tad-Djar. Ir-residenti jridu jiffurmaw Assoċjazzjoni u jaħtru rapprezentant. Applikazzjonijiet fejn jgħixu persuni b’diżabilità ta’ imobilità u/jew anzjani tingħatalhom prijorità. L-Awtorità tinstalla liftijiet ukoll fil-blokki ġodda fejn l-appartamenti jiġu allokati b’bejgħ b’sussidju. L-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda waqfien tal-installazzjoni ta’ lifts, tant hu hekk, li din is-sena, ġew installati 13-il lift waqt li hemm 5 lifts oħra fi stadju avvanzat ta’ tlestija. Sadanittant inħarġu tenders għal 7 lifts oħra, li bħalissa qed jiġu aggudikati l-offerti sabiex ikunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet fil-futur qrib. Bħala program għall-ġejjieni, l-Awtorità tad-Djar se tkompli l-proċess li jwassal għall-istallar ta’ lifts f’14-il blok fejn hemm applikazzjoni pendenti taħt l-iskema għall-installar ta’ lifts fi blokki eżistenti kif ukoll installar ta’ lifts fil-blokki ġodda hekk kif l-appartamenti jiġu okkupati mill-benefiċjarji li xtrawhom bi prezz issussidjat. Il-programm kollu ta’ installar ta’ lifts pendenti maħsub li jitlesta matul is-sentejn li ġejjin

informazzjoni dwar ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema full-time u part-time mal-Gvern u l-entitajiet tiegħu u mas-settur privat fl-aħħar ta’ Settembru li għadda u kif dan jipparaguna ma’ Settembru tal-2009? Kemm fl-istess perjodu kien in-numru ta’ dawk jaħdmu għal rashom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li temmew il-kors tal-mediċina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il student temm il-kors tiegħu tal-mediċina fis-sena akkademika 2009-2010? Kemm minnhom komplew l-istudju tagħhom? Kemm minn dawn qed ikomplu l-istudju tagħhom Malta u kemm barra? Kemm-il gradwat se jibda jaħdem bħala tabib fl-isptarijiet tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Disgħa u ħamsin student (52 Maltin u 7 barranin) temmew b’suċċess il-kors tal-Mediċina fis-sena akademika 2009-2010. Tmienja u erbgħin (47 Maltin u wieħed barrani) qed ikomplu l-istudju tagħhom mal- Foundation Programme hawn Malta filwaqt li ħdax (5 Maltin u 6 barranin) qed ikomplu il-proċess barra minn Malta. La darba sentejn oħra jkunu jistgħu jiġu rreġistrati mal-Kunsill Mediku Malti, jekk ikomplux jaħdmu hawn jiddependi minn jekk jkunx hemm postijiet battala fl-isptarijiet tal-Gvern kif ukoll jekk huma jridux ikomplu jaħdmu Malta.

Għaqdiet sportivi — għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħatat għajnuna matul dawn l-aħħar għaxar snin lill-għaqdiet sportivi għall-bini jew irranġar ta' faċilitajiet sportivi sena b'sena? Jista' jgħid x'kien il-proġett u kemm ġew ivvutati flus għal kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mil-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istatistika miżmuma hija mis-sena 2004 minn meta twaqqaf il-Kunsill Malti għall-Isport.

Atleti impjegati mad-dipartimenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' atleti li bbenefikaw mill-iskema 20/20 matul is-sena 2009? Ma' liema dipartiment kienu impjegati? Tista' tgħid jekk kienx hemm talbiet li ġew rifjutati? X'kienet ir-raġuni wara dan ir-rifjut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul l-2009 kien hemm disa’ atleti li bbenefikaw mill-iskema 20/20 Sport Training Leave Scheme . Dawn kienu jaħdmu, wieħed mal-Enemalta, tlieta mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, tnejn mad-Divizjoni tas-Saħħa, wieħed mad-Divizjoni tax-Xogħolijiet u tnejn mal-Kunsill Malti għall-Isport. Kien hemm applikazzjoni waħda li kienet rifjutata minħabba li l-atleta ma kienx impjegat fis-Settur Pubbliku.

Fondi lill-Għaqdiet sportivi

Question

Tista l-Ministru tgħid jekk minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea sal-lum kienx hemm fondi li minnhom ibbenefikaw għaqdiet sportivi? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid x'kien l-ammont, min ibbenefika u għal liema skop ingħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

European Union Structural Funds

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex għall-Budget 2009 għall-Ministeru tal-Edukazzjoni ġew ivvotati €27.5 miljun mill-European Union Structural Funds 2007-2013 u skont il-Financial Report 2009 paġna 159 ġew minfuqa biss €3.1 miljun? Tista' tgħid b'mod dettaljat fuqiex kienu se jintnefqu s-€27.5 miljun? Tista' tgħid fuqiex intnefqu t-€3.1 miljun?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ħafna mill-fondi illi kienu ġew ivvotati għas-sena 2009 ġew trasferiti għas-sena 2010 u ntnefqu fis-sena 2010. L-informazzjoni dwar fuq xiex kienu se jintefqu fis-2009 u kif fil-fatt intefqu fl-2009 u 2010, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Parti mid-differenza bejn ‘in-nefqa ippjanata’ u ‘in-nefqa attwali’ hija ‘tfaddil ’ (savings), minħabba illi l-Ministeru rċieva offerti mill-kuntratturi, illi huma inqas mit- tender value .

Università ta' Malta — ħruġ ta' kuntratti pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tagħmel rappreżentazzjonijiet xierqa mal-Ministru tal-Finanzi biex l-Università ta' Malta titqiegħed fi skeda 3 f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħruġ ta' kuntratti pubbliċi għax bħalissa din għandha idejha marbutin għal kollox biex twettaq il-proġetti li għandha u allura qed tintlaqat ħażin fl-awtonomija akkademika tagħha għax l-awtonomija akkademika u l-awtonomija fl-operat tagħha huma marbutin intrinsikament flimkien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kemm l-Università, kif ukoll il-Ministeru, għamlu r-rappreżentazzjonijiet meħtieġa lill-Ministeru tal-Finianzi, l-Ekonomija u Investiment.

Direttorati tal-Edukazzjoni — proċess ta' kuntratti dwar eLearning

Question

Tista' l-Ministru tagħmel rappreżentazzjonijiet xierqa mal-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni biex id-direttorati tal-Edukazzjoni jkunu involuti serjament fil-proċess tal-kuntratti dwar l-eLearning fl-iskejjel għax dan huwa proġett edukattiv u mhux sempliċiment teknoloġiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorati tal-Edukazzjoni huma nvoluti fil-proċess tal-kuntratti dwar l-eLearning kif diġà ġie indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19689.

Bachelor of Dental Surgery — applikazzjonijiet mhux aċċettati minħabba n-numerus clausus

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw studenti biex jibdew il-kors tal-Bachelor of Dental Surgery mal-Faculty of Dental Surgery tal-Università ta' Malta għas-sena akkademika 2010/2011? Kemm minn dawk li applikaw kellhom il-kwalifiki rikjesti u ma ġewx aċċettati minħabba n-numerus clausus ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm 59 applikazzjoni għall-kors tal-Bachelor of Dental Surgery li kienu maqsumin kif ġej: 38 applikaw għal dan il-kors bħala l-ewwel preferenza. 26 applikant/a kellhom il-kwalifiki rikjesti u 8 ġew aċċettati. 21 applikaw għal dan il-kors bħala t-tieni preferenza. 13 applikant/a kellhom il-kwalifiki rikjesti għal dan il-kors. 11-il applikant/a ġew aċċettati għall-kors tal-ewwel preferenza, filwaqt li l-2 l-oħra li kellhom il-kwalifiki rikjesti għal B.Ch.D. ( Bachelor of Dental Surgery) ma ġewx aċċettati u ma kinux kwalifikati għall-kors tal-ewwel preferenza. It-total tal-applikanti li kellhom il-kwalifiki rikjesti u ma ġewx aċċettati huwa 20.

Università ta' Malta — Faculty of Dental Surgery - żieda ta' dental chairs

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-argumenti mressqa mill-Faculty of Dental Surgery tal-Università ta' Malta biex tiġġustifika li taċċetta tmien studenti fis-sena biss biex jibdew il-kors tal-Bachelor of Dental Surgery? Tista' tara kif flimkien mal-Ministru tas-Saħħa żżid in-numru ta' dental chairs fl-Isptar Mater Dei mal-14 li hemm bħalissa u li jieħdu biss 32 clinical students? Peress li jingħad li l-ikbar limitazzjoni għat-tneħħija tan-numerus clausus preżenti fil-kors tal-Bachelor of Dental Surgery hija n-nuqqas ta' pazjenti adekwati bil-kumplessità u d-diversità ta' problemi dentali li lesti jippreżentaw irwieħhom għal waqt il-kors tal-istudenti, jista' jsir eżerċizzju rigoruż u dettaljat biex jistabbilixxi kemm fil-fatt hemm pazjenti potenzjali li jkunu aċċessibbli għal iżjed studenti li jikkwalifikaw biex jagħmlu dan il-kors u għalhekk ikun jista' jitneħħa n-numerus clausus preżenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont id-Dekan tal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali: Il-limitazzjoni prinċipali fuq numru ta' studenti huwa n-nuqqas ta' pazjenti adatti li huma lesti li jgħaddu minn trattament operattiv mill-istudenti Dentali. Il-pazjenti kollha li jgħaddu mill-Mater Dei Dental Department jiġu evalwati, però dawn għandhom ikunu magħżula b'mod rigoruż u ggradati mhux biss fuq il-bażi ta 'kumplessità, iżda wkoll fit-temperament u disponibbiltà. Każijiet għandhom ukoll ikunu standardizzati sabiex tiġi żgurata l-uniformità ta' tagħlim u valutazzjoni. Is-sitwazzjoni ilha kkontrollata matul is-snin u t-tendenza turi li l-għadd ta’ pazjenti bħal dawn qed jonqos. Konsegwentement l-istudenti qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jilħqu l-miri tagħhom. Ta’ min jinnota li l-Fakolta’ ġiet sfurzata tirremedja din is-sitwazzjoni billi tnaqqas il-miri u billi taċċetta illi ċertu xogħol isir fuq mudelli u mhux fuq pazjenti. Restrizzjoni oħra hija waħda ta' superviżjoni. It-tagħlim għandu neċessarjament jiġi mwettaq f'ambjent ikkontrollat, minn membri ta’ staff affidabbli, li jew ikollhom higher degree relevanti jew, għall-inqas, huma fil-proċess tal-kisba. It-tagħlim klinikali huwa one on one u l-proporzjon ideali huwa supervisor wiehed għal kull sitt studenti. In-numru ta ' Kirurgi Dentali b’dawn il-kwalifiki li huma disponibbli għat-tagħlim huwa limitat. Kieku n-numru ta' studenti jiżdied, il-problema tiġi aggravata aktar għad-detriment tal- quality assurance standards tal-programm tal-kors. Jidhol ukoll il-fattur ta’ periklu lill-pazjenti minhabba superviżjoni inadegwata. Il-fakultà tipproduċi gradwati tal-ogħla kwalità. Kwalunkwe tnaqqis fl-istandards eventwalment se jkun rifless fil-kwalità tal-kura mogħtija lill-poplu Malti. Ir-Rettorat ser jiftaħ diskussjonijiet fid-dettal mal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali biex is-sitwazzjoni tiġi studjata aktar fil-fond.

Kunsilli lokali — iniżjattivi sportivi

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk skemi dwar inizjattivi sportivi mal-kunsilli lokali jistgħux jiġu kordinati ma' clubs u għaqdiet sportivi lokali b'mod dirett? Jistgħu dawn l-iskemi jiġu użati biex jinbnew faċilitajiet ġodda? Jistgħu dawn l-iskemi jintużaw ukoll għal skop ta' training ta' sports lokali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Attivitajiet sportivi taħt l-iskema dwar inizjattivi sportivi għall-kunsilli lokali għandhom dejjem ikunu koordinati direttament mill-kunsill lokali. L-għan ta’ l-iskema huwa li tkun kultivata kultura sportiva fost il-membri kollha tas-soċjetà permezz ta’ parteċipazzjoni wiesgħa f’diversi attivitajiet sportivi u fiżiċi. Għaldaqstant l-iskema ma tkoprix il-bini ta’ faċilitajiet sportivi jew biex ikun finanzjarjament assistit t-taħriġ tal-għaqdiet sportivi lokali.