Jista’ l-Ministru jispjega kif tifel taħt l-età li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, allegatament inħareġ minn Malta mingħajr dokumentazzjoni nhar il-5 ta’ Lulju 2006, u dan meta l-passaport tiegħu jinsab għand ommu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm xi ordni li timpedixxi lill-imsemmi minuri milli jitlaq minn dawn il-gżejjer, dan apparti l-fatt li jirriżulta li dan it-tifel huwa mniżżel f'dokument ieħor validu għall-ivvjaġġar.
Jista' l-Ministru jispjega kemm-il sistema PISCES ġiet istallata f'Malta u fejn? X'data żżomm il-PISCES, f'liema forma u kemm iddum miżmuma fis-sistema? Min għandu aċċess għal din id-data? Il-PISCES f'Malta tirċievi informazzjoni jew data minn xi sistema barra minn Malta jew minn pajjizi oħra li għandhom il-PISCES? Il-PISCES f'Malta tibagħat informazzjoni tagħha lil pajjiżi oħra u liema huma dawn il-pajjiżi? Jista' l-PISCES jiċċekja l-identitajiet tan-nies hekk kif ikunu deħlin f'Malta, ma' databases oħra? Liema huma dawn id-databases?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s-sistema PISCES qegħda tintuża fil-port controls ta' l-ajruport kif ukoll tas-seaport. Din is-sitema tiġbor informazzjoni li jkun hemm fuq il-passaport u l-moviment ta' persuni minn pajjiżi li m'humiex fl-Unjoni Ewropea. It-tagħrif li jinġabar fuq din is-sistema huwa għall-użu ta' l-awtoritajiet lokali u ma hi mqabbda ma' ebda sistema barra l-pajjiż.
Jista' l-Ministru jara kif il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kellu regolari liċenzja ta' gwardjan privat u għadha ma ġietx imġedda lilu wara li fl-4 ta' Lulju, 2006 huwa kien weħel Lm50 multa fuq inċident f'Burmarrad?
Jaħseb il-Ministru li din il-liċenzja għandha tiġi mġedda stante li għadda żmien biżżejjed wara d-deċiżjoni tal-każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċeduri neċessarji qed jitteħdu sabiex jiġi konkluż ai termini tal-Liġi.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3506 jista' l-Ministru jgħidli fejn jidhru fl-istatistika l-persuni miżmuma taħt house arrest fuq allegazzjoni ta' każ ta' stupru fin-Nadur matul is-sena 2008?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nixtieq nagħmel korrezzjoni ta’ risposta li tajt lill-Kamra għall-mistoqsija parlamentari numru 3506 fejn jien infurmajt lill-Kamra dwar in-numru ta’ persuni li nżammu taħt house arrest fl-aħħar ħames snin fuq akkużi ta’ stupru.
Jirriżulta li fl-informazzjoni mogħtija għas-sena 2008, erba’ persuni li preżentement jinsabu taħt
house arrest,
ġew inklużi man-numru ta’ dawk li jinsabu l-ħabs.
L-istatistika korretta kellha tkun kif ġej:
Taħt House Arrest
Miż
muma l-Ħabs Libertà Provi
żorja normali
2008: 4 6 1
Nitlob skuża ta’ dan l-iżball u ninforma lill-Kamra li ħadt il-passi meħtieġa biex dan ma jerġax jirrepeti ruħu.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru totali ta' priġunieri li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin imqassma f'Maltin u barranin? Kemm minn dawn qed jiskontaw sentenza? Kemm hemm priġunieri li qed jagħmlu xi xorta ta' studju li jista' jwassal għal "O" level? Kemm hemm li qed jagħmlu kors fi stadju aktar avvanzat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi preżentement ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin hemm 298 priġunier ta' nazzjonalita' Maltija u 139 ta' dik barranija.
Minn dawn hemm 273 Maltin u 61 barranin li qed jiskontaw sentenza.
Infurmat ukoll li hemm 11-il priġunier li qed isegwi studju li jwassal għal-livell Ordinarju, filwaqt li 9 qed jattendu korsijiet li jwasslu għal-livell aktar avvanzat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-snajja' li jiġu mgħallma lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Kemm hemm li qed jitgħallmu f'kull xogħol? Hemm barranin li qed jitgħallmu xi sengħa? Liema sengħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li preżentement qed jiġu mgħallma 6 tipi ta' snajja ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, jiġifieri: Electrical and Plumbing,Xogħol fil-ġebel, Fuħħar, Beautician, Body Therapy u Advanced Make- Up.
Infurmat ukoll li hemm 20 priġunier Malti u 11-il barrani li qed jattendu dawn il-korsijiet, kif ġej :-
Electrical and Plumbing 3 Maltin irġiel;
Xogħol fil-ġebel 7 Maltin u 2 barranin; kollha rġiel
Fuħħar 3 Maltin u 2 barranin; kollha rġiel
Beautician 6 Maltin u 4 barranin; kollha nisa
Body Therapy 3 nisa barranin
Advanced make Up 1 Maltija
Barra minn dawn kien hemm ukoll priġunieri Maltin li attendew korsijiet li ingħataw barra mill-Faċilita' matul din is-sena, kif spjegat hawn taħt:-
Shutter Frame Work 1
Manual Metal Arc Welding 2
Introduction to pipe welding 2
Vehicle Spray Painting 1
Food Preparation & Culinary Arts 1
Food Handling, Catagory A & B 1
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru tiegħu inxtawx karozzi li jaħdmu bl-elettriku biex jinbidlu ma’ karozzi konvenzjonali? Jekk iva, kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew iffrankati minn meta bdew jintużaw vetturi bħal dawn fil-ministeru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru preżentement għadhom ma nxtrawx karozzi li jaħdmu bl-elettriku.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inċidenti fatali li seħħew fit-toroq tagħna matul l-2007 u l-2008? Fejn saru dawn l-inċidenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-lokalitajiet fil-fatt jiġux mgħoddija lill-Awtorità dwar it-Trasport għall-possibbilta' ta' azzjoni fit-toroq fejn seħħew l-inċidenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar tas-sena 2007 u Novembru ta’ l-2008 seħħew 29 inċident tat-traffiku fatali kif spjegat fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi t-tagħrif dwar l-inċidenti tat-traffiku kollha li jiġu nvestigati mill-Pulizija jiġi mgħoddi lill-Awtorita’ dwar it-Trasport.
B'referenza għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4401, jista' l-Ministru jindika kemm hemm priġunieri Maltin bħalissa li kienu f'Istituti tal-Knisja jew dawk immexxija mill-Gvern (bħal Fejda u Frate Francesco) qabel ma dawn daħlu fil-Facilita' Korrettiva ta’ Kordin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 4401, il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ma żżommx rekords ta' priġunieri Maltin li kienu fostered, inkluż f'xi istituti tal-knisja mmexxija mill-knisja jew mill-Gvern, qabel ma daħlu l-ħabs. .
Jista' l-Ministru jgħid:
a. x’inhu dak ix-xogħol allokat lill-membri tal-ALE?
b. min hu responsabbli sabiex jagħmel l-
inspections
konċernanti (i) l-kaċċa u (ii) r-rimi illegali fis-sajf?
c. hemmx staġun miftuħ għall-kaċċa fis-sajf?
d. x’inhuma l-ħinijiet li fihom jaħdmu l-ALE matul is-sena b’mod partikolari fis-sajf?
e. kemm tressqu persuni l-Qorti, sena b’sena tul dawn l-aħħar sitt snin fuq (a) kaċċa illegali u (b) rimi ta' skart illegali mis-sezzjoni ta' (a) ALE u (b) mid-distretti rispettivi?
f. kemm u x’tip ta' apparat hemm għad-dispożizzjoni tat-taqsima tal-ALE?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta' l-A.L.E. tal-Pulizija tiffoka l-aktar fuq l-infurzar ta' liġijiet amministrattivi, kif ukoll fuq ksur ta' liġijiet oħra kif huwa fid-dover li jagħmel kull membru tal-Korp tal-Pulizija.
Infurmat ukoll li kemm il-membri ta' l-A.L.E. kif ukoll dawk stazzjonati fid-Distretti u Diviżjonijiet jagħmlu spezzjonijiet dwar kaċċa, kif ukoll rimi ta' żibel u skart matul is-sena kollha, inkluż ix-xhur tas-sajf. Il-membri tat-Taqsima tal-A.L.E. jaħdmu fuq sistema ta' xift.
Għar-rigward it-tielet domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Avviżi Legali numri 146/93 u 184/08.
Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar persuni mressqa l-Qorti tul dawn l-aħħar sitt snin mhux disponibbli fil-mod kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Dwar aħħar domanda tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi t-Taqsima tal-A.L.E. għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kemm vetturi, roti, kif ukoll dgħajjes. Ma nħossx li huwa opportun li għandhom jingħataw id-dettalji rikjesti mill-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hix veritiera l-allegazzjoni illi ċerti vetturi li jiġu allokati għall-użu tal-Korp tal-Pulizija jkunu effettivament dikjarati bħala scrap?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li mhux minnu illi ċerti vetturi li jiġu allokati għall-użu tal-Korp tal-Pulizija jkunu effettivament dikjarati bħala scrap.
Jista' l-Ministru jekk hix minnha l-allegazzjoni illi xi membri tal-banda tal-Korp tal-Pulizija kellhom ordni biex jieħdu lura lill-Quarter Master Section il-ġlekk tas-sajf biex jingħata lil ħaddieħor?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sa ftit taż-żmien ilu, il-membri tal-banda tal-Korp tal-Pulizija kienu jingħataw l-uniformi tas-sajf magħrufa bħala slacks & tunic, sabiex tintuża biss waqt parati jew attivitajiet oħra li tkun qed tieħu sehem fihom il-banda.
Peress illi llum din il-banda għandha uniformi ġdida, l-antika kienet inġabret lura skont il-prassi tas-servizz tal-Korp. Fejn irriżulta illi xi uniformijiet minn dawn kienu għadhom fi stat tajjeb, intbagħtu l-laundry sabiex, jekk ikun meħtieġ, ikunu jistgħu jerġġħu jiġu utilizzata f'attivitajiet oħra tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ġie affettwat tibdil fis-sistema tal-ħlasijiet tal-overtime fil-Korp tal-Pulizija u minflok qed jingħata siegħa b’siegħa time off in lieu kontra kif kien ġie mwiegħed fil-manifest elettorali min-naħa tal-Gvern?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsijiet parlamentari numri 3437 u 3441.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu l-membri tal-Korp tal-Pulizija li qegħdin fid-distretti tal-Hamrun, Rabat (Malta) u Raħal Ġdid mingħand l-MFA?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent l-MFA jonqosha tħallas is-somma ta' €3,741.64 għal xogħol extra duty maħdum minn membri tal-Korp tal-Pulizija li qegħdin fid-distretti msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' imħallfin fil-Qorti Superjuri? Min huma u meta ġew appuntati? Jista' jindika kemm se jirtiraw matul l-2009 għaliex ikunu għalqu l-65 sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' Imħallfin fil-Qorti Superjuri huwa ta' 19 (inkluż il-Prim Imħallef). Infurmat ukoll illi fis-sena 2009 ser jirtira Imħallef wieħed għaliex ikun għalaq il-65 sena.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-maġistrati sedenti fil-Qrati tagħna? Meta ġew appuntati? Kemm minnhom se jirtiraw fl-2009 għaliex ikunu għalqu l-65 sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Għar-rigward l-aħħar domanda tal-mistoqsija ninsab infurmat illi fl-2009 mhu ser jirtira l-ebda Maġistrat bl-eta' ta' 65 minn dawk imsemmija fit-tabella.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3997 u jgħarrafni mill-2004 sal-lum kemm-il direct order ingħatat mill-Ministeru responsabbli għalih u dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru? Lil min ħarġu dawn id-direct orders u kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sorveljanza dwar regolamenti ta' żibel u skart qed tingħata f'idejn il-Pulizija meta dawn jistgħu jiġu nfurzati aktar permezz ta' enforcement officers oħra lebsin pajżana?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-ksur tar-Regolamenti dwar iż-Żibel u Skart huwa reat, il-Pulizija hija fid-dmir li tara li ma jsirux u tieħu passi skont il-Liġi kontra dawk li jinqabdu jiksru dawn ir-regolamenti.