Response (BORG, IAN)
Jiddispjaċini ħafna ninnota li minkejja li għaddew tliet snin u minkejja li għal darba, tnejn l-Oppożizzjoni warrbet il-mexxejja tagħha biex tidher li qed tinbidel, xorta waħda għadha ma nbidlitx fil-fehma tagħha li toġġezzjona għall-investiment bla preċedent li pajjiżna qed jagħmel fl-infrastruttura pubblika ta’ kwalità għolja, wara li tħalliet mitluqa għal għexieren ta’ snin.
Fil-mistoqsija tiegħu, l-Onorevoli Cutajar ikkonferma mill-ġdid li l-Oppożizzjoni għadha kontra li l-familji tagħna jkollhom toroq u ambjent aħjar quddiem djarhom, li l-Oppożizzjoni temmen li “mn’Alla” kienet u għadha kontra li pajjiżna jkollu infrastruttura li tnaqqas it-tniġġis tal-arja, li tnaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar, li tixpruna l-użu ta’ mezzi ta’ vvjaġġar alternattivi u li tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti. Ikkonferma mill-ġdid li l-Oppożizzjoni hija kontra proġetti bħall-mini ġodda ta’ Santa Luċija, il-bini mill-ġdid tal-Marsa-Hamrun Bypass, il-breakwater tal-Qrejten, il-pontijiet pedonali ta’ Blata l-Bajda, Ħal Luqa u Kordin, il-flyovers tal-Marsa Junction Project u saħansitra anke l-proġett li Infrastructure Malta bdiet ftit xhur ilu biex tnaqqas b’aktar minn 90% mit-tniġġis tal-cruise liners fil-Port il-Kbir. Dawn kollha xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta li l-Oppożizzjoni issostni li “imn’Alla” kienet u għadha kontrihom – li kieku hi kienet fil-poter, dawn ix-xogħlijiet kollha baqgħu fuq l-ixkaffa, bħal ma fil-fatt kien baqa’ fuq l-ixkaffa Central Link Project, li minkejja li ġie ppjanat fis-snin 90, baqa’ ma twettaqx għal għexieren ta’ snin, b’detriment għal eluf ta’ familji f’Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara.
Stramb il-fatt i¿da, li minkejja li jsostni li kien u għadu kontra Infrastructure Malta, l-Onorevoli Cutajar u membri oħra tal-Oppożizzjoni ma jixbgħu qatt jagħmluli mistoqsijiet Parlamentari li fihom jgħadduli talbiet biex Infrastructure Malta tagħmel xogħlijiet differenti fil-kostitwenzi tagħhom. Diffiċli wieħed jifhem kif filwaqt li ssostni li hi kontra Infrastructure Malta u l-ħidma tagħha, l-Oppożizzjoni xorta waħda tippretendi li tagħmel ħafna xogħlijiet fit-toroq u f’postijiet oħra. Imn’Alla li l-Gvern jemmen b’mod sħiħ bil-ġid li qed twettaq Infrastructure Malta u ma jistenniex lill-Oppożizzjoni tiddeċiedi hix fil-fatt kontra jew favur din l-aġenzija, biex ikompli jsostni l-ħidma infrastrutturali tagħha fl-aħjar interess tal-Maltin kollha.
It-toroq indikati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 19544 Jinsabu f’dawn il-lokalitajiet:
Baħrija, Bidnija, Birgu, Birkirkara, Bir¿ebbuġa, Bormla, Burmarrad, Fgura, Furjana, Għargħur, Gudja, Gżira, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Far, Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Ħal Luqa, Ħal Qormi, Ħal Safi, Ħal Tarxien, Ħamrun, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Iklin, Imġarr, Imqabba, Imrieħel, Imsida, Imtaħleb, Imtarfa, Isla, Kalkara, Marsa, Marsaxlokk, Manikata, Mellieħa, Mosta, Naxxar, Pembroke, Qrendi, Rabat, Raħal Ġdid, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Swatar, Swieqi, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà, Tas-Sliema, Valletta, Wardija, Wied il-Għajn, Xgħajra, Żejtun u Żurrieq.