Jista’ l-Ministru jgħid x’sistema ta’ accounting tintuża mill-Awtorità tal-Artijiet u xi pjani hemm għall-futur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet għadha qed tagħmel użu mis-sistema ċentralizzata tal-Gvern, dik tad-DAS. Huwa ppjanat li sa l-aħħar tas-sena l-Awtorità tkun tista taqleb għal sistema li tkun għall-użu tal-Awtorità biss.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet għal żoni ta' parkeġġi ġodda fil-Mellieħa li kienu ġew indikati u studjati bejn l-2010 u l-2013 għadhomx fil-pjanijiet tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara t-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li ġiet ippublikata reċentament, il-Gvern se jkun qed jevalwa kwalunkwe pjan jew talba għal żoni ta’ parkeġġi b’mod ħolistiku u fl-isfond ta’ din l-istess Strateġija Nazzjonali.
Lokalitajiet – skemi tal-Urban Improvement Fund u Commuted Parking Payment Schemes
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-lokalitajiet (Kunsilli Lokali) u kemm kienu l-ammonti li gawdew minnhom l-istess lokalitajiet b'mod separat mill-iskemi tal-Urban Improvement Fund (UIF) u l-Commuted Parking Payment Scheme?
Response (BORG, IAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk u meta ser isir ix-xogħol ta’ resurfacing fi Sqaq Ramija f’Ħal Kirkop?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija qegħda fuq lista ta’ prioritajiet li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem meta jkollna data definittiva.
Freeport – spezzjonijiet fir-rigward ta’ refuelling
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet u x’passi ttieħdu min-naħa tal-awtorità responsabbli fir-rigward ta’ refuelling li jsir fil-Freeport biex jiġi evitat li jinxtered fuel fil-baħar jew x’kienu l-passi li ttieħdu f’każijiet li setgħa kien hemm fejn inxtered fuel waqt refuelling fl-istess port?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Portijiet u Yachting fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport f’Malta jimplimenta u jinforza r-Regolamenti dwar Bastimenti ta’ Tagħbijiet Perikolużi, Terminals u Faċilitajiet Marittimi u Bunkering (L.S. 499.12) u permezz ta’ dawn ir-Regolamenti, fost l-oħrajn, jirregola l-attivitajiet u l-operazzjonijiet kollha ta’ bunkering fl-ibħra territorjali u fil-portijiet Maltin. Dan jinkludi spezzjonijiet li jiġu magħmula mid-Dipartiment tal-Ispettorat tal-Port, liema Dipartiment f’din is-sena s’issa għamel 155 spezzjoni ġewwa l-Port ta’ Marsaxlokk biss fuq operazzjonijiet ta’ bunkering. Id-Direttorat huwa wkoll responsabbli, skont deċiżjoni tal-Kabinett, mit-tmexxija u l-koordinazzjoni kollha tal-operazzjonijiet għat-trażżin u għat-tindif tat-tniġġis minn żejt minn bastimenti fl-ibħra territorjali u fil-portijiet Maltin, u dan skont il-Pjan Nazzjonali ta’ Kontinġenza maħruġ, miżmum fis-seħħ u implimentat mill-istess Direttorat.
Apparti minn hekk, id-Direttorat ħareġ bħala direzzjoni l-Avviż tal-Port numru 6 tal-2015 fit-13 ta’ Ottubru tal-2015, abbażi tar-Regolamenti aktar qabel imsemmija, li jimponi fuq l-operaturi tal-braken tal-bunkering l-użu ta’ bomi (booms) msejħa all-round waqt l-operazzjonijiet tal-bunkering kollha ġewwa l-port. L-Operaturi tal-bunkering huma wkoll obbligati li jkollhom ftehim ta’ servizz on-call ma’ provditur ta’ servizz sabiex jassistihom fl-operazzjonijiet ta’ tindif kemm-il darba jkun hemm inċident ta’ tniġġis biż-żejt. Kull operatur li jonqos milli jħares dawn ir-Regolamenti u d-direzzjonijiet mogħtija jkollu l-operazzjoni tiegħu sospiża b’mod immedjat, apparti passi oħra legali li jistgħu jittieħdu, fosthom multi amministrattivi u s-sospensjoni ta’ liċenzji. Inoltre, l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tiegħu jiġu osservati għall-perijodu ta’ żmien sabiex ikun assigurat illi qiegħed iħares l-obbligi tiegħu.
Ta’ min wieħed jgħid illi l-obbligu li tittieħed azzjoni immedjata u neċessarja f’każ ta’ tniġġis f’operazzjoni ta’ bunkering hija tal-operatur tal-barkun u tal-bastiment li jkun qiegħed jirċievi l-bunkers, li għandhom wkoll l-obbligu li jirraportaw mal-ewwel lill-Awtorità. L-Awtorità qiegħda tkun aktar attenta sabiex ikun assigurat illi f’każ ta’ inċident, il-kapaċitajiet neċessarji għal azzjoni immedjata huma f’posthom sabiex it-tixrid taż-żejt ikun imrażżan u jkun irkuprat mingħajr dewmien.
Fl-aħħar nett, f’kull inċident fejn inxtered xi żejt waqt operazzjoni ta’ bunkering ġewwa l-Port ta’ Marsaxlokk li ġie rrapportat lill-Awtorità, l-Awtorità investigat ir-rapport minnufih u ħadet il-passi kollha neċessarji sabiex it-tniġġis ikun ikkontrollat u ma jkomplix jinxtered u jiġi mnaddaf kemm jista’ jkun malajr mill-persuna jew persuni responsabbli għall-istess tniġġis.
Ħal Tarxien – Triq tal-Barrani – tkabbir ta’ pompa tal-petrol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għall-Ippjanar għandhiex talba biex tikber il-pompa tal-petrol fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien (qabel it-traffic lights)?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni (Screening) bin-numru PA1109/17 - (Proposed demolition of existing fuel station and garages and proposed re-construction of fuel station including car-wash, class 4b shop and garages. Application also includes sign and LPG fixed point of sale) liema applikazzjoni tinvovli sit akbar minn dik tal-fuel station eżistenti li tinsab fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien.
Il-Mosta — twessigħ tal-ispazju tal-karreġġjata madwar ir-roundabout ta Triq il-Kungress Ewkaristiku
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex isir xogħol ta’ twessigħ tal-ispazju tal-karreġġjata madwar ir-roundabout li hemm fit-tarf ta’ Triq il-Kungress Ewkaristiku ma' tarf Vjal Valletta u Vjal Indipendenza fil-Mosta? Dan is-suġġeriment qed isir sabiex it-traffiku li jdur ma’ din ir-roundabout jibda jkollu spazju ta’ żewġ karreġġjati mal-istess roundabout u t-traffiku jkun jista’ jsuq b’aktar kumdità u b’inqas periklu.
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta qed tippjana xogħlijiet ta' titjib tal-wiċċ tat-toroq fl-inħawi tal-junction inkwistjoni u għalhekk ser isiru l-verifiki neċessarji biex wieħed jara jekk is-suġġeriment li ġie mressaq jistax ikun amalgamat mal-istess titjib.
Mosta — Triq il-Kbira salib it-Toroq ma Triq il-Kostituzzjoni - pedestrian crossings
Question
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex fi Triq il-Kbira salib it-toroq ma Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta, jara li jsiru pedestrian crossings sabiex il-pubbliku jkun jista' jaqsam b'mod aktar organizzat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Kbira salib it-toroq ma’ Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta, preżentament diġà teżisti pedestrian crossing.
Proġett tal-Junction tal-Addolorata– pjani ta’ traffic management
Question
Minħabba li qed joqrob iż-żmien li jingħata bidu għall-proġett tant meħtieġ għan-naħa t’isfel ta’ Malta, dik tal-junction ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata, jista’ l-Ministru jikkonferma hux qed jitħejjew pjani serji ta’ traffic management biex jiffaċilitaw it-traffic flow għal waqt il-perjodu li fih ikun qed isir il-proġett biex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun mill-inqas, bħalma fil-fatt ġara fil-proġett tal-Kappara?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja b’xogħljiet ta’preparazzjoni għas-sejħa tax-xogħlijiet tal-junction inkwistjoni. Fost dawn il-preparamenti hemm dawk li jikkonċernaw l-immaniġġar tat-traffiku biex waqt l-eżekuzzjoni tal-istess xogħlijiet l-impatt fuq it-traffiku jkun l-inqas possibli. Dan se jsir billi jiġu nklużi fis-sejħa numru ta’ klawżoli speċifiċi għall-immaniġġjar tat-traffiku, liema klawżoli eventwalment se jagħmlu wkoll parti integrali mill-kuntratt li jiġi ffirmat mill-Kuntrattur. Tali klawżoli jiġu infurzati mill-uffiċċjali tal-Awtorità biex kif seħħ fil-proġett tal-Kappara jkun assigurat illi s-sewwieqa jibqgħu jużaw ir-rotot ta’ din il-junction bl-inqas inkonvenjent possibli.
Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ kemm hu mistenni li jieħu żmien biex jitwettaq il-proġett tal-junction tal-Addolorata minn meta jingħata bidu? Għall-proġett tal-junction tal-Addolorata hemm il-ħsieb li jinġiebu strutturi maħdumin lesti minn barra minn Malta bħalma ġara fil-proġett tal-junction tal-Kappara?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Junction tal-Addolorata huwa wieħed ta’ skala konsiderevoli u bil-pjanijiet li ġew infassla s’issa jidher li se jkun qed jieħu madwar tlett snin biex jitlesta. Dawn ix-xogħlijiet se jkunu mifruxa fuq numru ta’ fażijiet bl-ewwel fażi tkun dik ta’ demolizzjoni ta’ wħud mill-fabbriki li hemm fl-inħawi. It-tip ta’ strutturi ser ikunu skont is-sistemi li ser ikun qed jaddotta l-Kuntrattur li se jkun qed jintagħżel wara sejħa pubblika. L-istess sejħa se tkun qed teżiġi li l-istess Kuntrattur jagħmel użu minn sistemi effiċjenti li jħaffu l-andament tax-xogħol u biex l-istess xogħol isir bl-inqas inkonvenjent lis-sewwieqa.
Jista’ l-Ministru jara li l-unika rotta li kien hemm vijabbli għal Victoria Gardens, Swieqi u li twaqqfet, terġa’ tiġi reattivata?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li r-rotta 16, li sservi il-lokalità tas-Swieqi, ġiet mibdula għal kif kienet qabel wara li kien hemm talba mill-Kunsill Lokali sabiex din terġa’ tibda tieqaf fi Triq il-Franċiż.
Awtorità tal-Artijiet – Fondi Ewropej għall-programmi tal-informatika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet hijiex f’pożizzjoni li tibbenefika minn Fondi Ewropej għall-programmi tal-informatika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ l-Artijiet qiegħda f’diskussjonijiet avvanzati sabiex l-investiment li għandu jsir fis-snin li ġejjin fuq programmi, sistemi u hardware tal-informatika tibbenefika għalihom minn Fondi Ewropej.
Awtorità tal-Artijiet – investiment ġdid fl-informatika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal l-investiment il-ġdid fl-informatika fl-Awtorità tal-Artijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Awtorita ħarġet sejħa għall-offerti sabiex tingaġġa konsulenti sabiex iseħħ “a high level organisation and business systems review” li minnu jiġi determinat in-nuqqasijiet u bżonnijiet tal-Awtorità fil-qasam tal-informatika. Hu maħsub li sal-aħħar tas-sena toħroġ sejħa internazzjonali sabiex jinstab dak is-software addattat għal bżonnijiet ta’ l-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fl-Awtorità tal-Artijiet, maqsumin bejn nisa u rġiel, sal-aħħar tal-2012 u sal-aħħar tal-2016? Jista jgħid jekk dawn humiex biżżejjed u x’inhuma l-pjani għat-tliet snin li ġejjin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fl-2012 kien hemm mija u erbatax (114) rġiel u wieħed u ħamsin (51) nisa jaħdmu fl-Awtorità tal-Artijiet filwaqt li fl-2016 in-numru kien għal sebgħa u tmenin (87) rġiel u sitta’ u tletin (36) mara.
L-Awtorita għanda pjanijiet li żżid l-impjegati sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha aħjar, b’aktar effiċjenza, kontabilita u trasparenza. Għal dan il-għan l-Awtorita għandha pjan li fuq it-tliet snin li ġejjien iżżid l-impjegati taghha. Dawn ser jiżdiedu f’kull dipartiment u direttorat minħabba n-nuqqas serju li jeżisti.
Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi hemm miftuħin jew li għadhom m’għalqux u xi skemi biħsiebha tiftaħ l-Awtorità tal-Artijiet fil-ġejjieni? Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha files l-Awtorità tal-Artijiet u jekk dawn humiex diġitalizzati u, jekk le, hemmx ħsieb li dawn jiġu diġitalizzati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikazzjonijiet għall-iskemi ingħalqu kollha iżda għadhom qed jiġu proċessati. Dawn jinkludu l-iskema tal-qbiela, skema tal-garaxxijiet li kienu jinsabu fiż-żoni tal-qasam tad-djar tal-Gvern, ħwienet tal-Belt Valletta u fidi ta’ ċnus temporanji għal residenza ordinarja u villeġġjaturi. L-Awtorita fiż-żmien li ġej ser tkun qed toħroġ skemi ġodda hekk kif imħabbar fl-aħħar baġit. Dawn jinkludu skema tal-ħwienet għal Malta u Għawdex kollu u għal min għandu proprjeta’ tal-gvern b'titolu ta' ċens temporanju, fejn il-perjodu ta' ċens skada jew wasal biex jiskadi, ser toħrog skema sabiex ikollu l-perjodu ta' ċens ieħor bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċens originali, ħlief għal ħlas ta' ċens li jrid jiġi stmat mill-ġdid.
L-Awtorità għandha madwar 250,000 file li ftit minnhom huma diġitalizzati. L-Awtorità qed tagħmel eżerċizzju sabiex jibda proġett li jiġu diġitalizzati l-files kollha tal-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu attrezzat id-Dipartiment tal-Inforzar fl-Awtorità tal-Artijiet, il-funzjonijiet ta’ dan id-dipartiment u xi pjani hemm biex ittejjeb ħidmietu u r-riżorsi allokati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament is-sezzjoni ta’ l-infurzar hija komposta minn ħames uffiċjali, inkluż Direttur. L-Awtorità qiegħda timpennja ruħha sabiex issaħħaħ is-sezzjoni tal-infurzar biex tkun tista taqdi l-funzjonijiet tal-infurzar b’aktar effiċjenza. Għal dan il-għan L-Awtorità’ qiegħda fil-proċess li tingaġġa numru ta’ uffiċjali oħra, uħud minnhom klerikali, fi ħdan is-sezzjoni. Fost il-funzjonijiet ta’ din is-sezzjoni hemm li jara li jitħarsu l-permessi kollha maħrugarelatati mal-Awtorità tal-Artijiet, għal Malta u Għawdex.
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-applikazzjonijiet għall-bini ta' lukandi ġodda fil-konfini tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar u jindika liema huma u f’liema żoni saru l-istess applikazzjonijiet?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1694, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiema għaxar applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati għall-bini ta’ lukandi ġodda fil-kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjonijiet pendenti li huma ivvalidati jew ġew ippubikati fejn il-kunsill lokali ndikat huwa jew il-Mellieħa jew San Pawl il-Baħar u li fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti:
· Lukanda/i
· Hotel/s
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti jew dokumenti pubbliċi oħra relatati dwar proġett li hemm il-ħsieb li jinbena fiż-żona (sit) ta' fejn hemm il-kumpless tal-Fieri fin-Naxxar? Fuq l-istess proġett, jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet konċernati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet għall-problema tal-konġestjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar il-problema tal-konġestjoni kontinwa tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra