Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jintużaw fondi Ewropej biex isir it-tibdil li hu ppjanat fil-binja tal-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li kull possibilità ta’ finanzjament tiġi esplorata s'issa t-tibdil ippjanat fil-binja tal-Isptar Mater Dei hu minn fondi nazzjonali.

Pazjenti li qegħdin jistennew Ultra Sound Guided Interventions

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20250 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew Ultra Sound Guided Interventions?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li m’hemm ebda pazjent li qed jistenna ultra sound guided intervention aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Nassigura lill-Onor. Interpellant li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex dan isir.

Pazjenti li qegħdin jistennew diagnostic ultrasound

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20251 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew diagnostic ultrasound?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 91 pazjent li qed jistennew diagnostic ultrasound u ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż. Nassigura lill-Onor. Interpellant li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex dan isir.

Sptar Mater Dei — Bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tal-istaff

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20808, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fuq il-bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tan-nurses, carers u kwalunkwe staff ieħor li huma ngaġġati mal-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà weġibt qabel, infurmat li kull min jersaq biex jiġi impjegat mas-Servizz Pubbliku, il-Bord tal-Għażla għandu fost l-oħrajn ir-responsabilità li jawtentika ċ-ċertifikati kollha li jkollu l-applikant.

Sptar Karin Grech — Bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tal-istaff

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20809, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fuq il-bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tan-nurses, carers u kwalunkwe staff ieħor li huma ngaġġati mal-Isptar Karin Grech?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20870.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tal-istaff

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20810, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fuq il-bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tan-nurses, carers u kwalunkwe staff ieħor li huma ngaġġati mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20870.

Faċilità San Vincenz de Paul — Bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tal-istaff

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20811, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fuq il-bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tan-nurses, carers u kwalunkwe staff ieħor li huma ngaġġati mal-Faċilità San Vincenz de Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20870.

Bereġ tas-Saħħa — Bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tal-istaff

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20812, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni fuq il-bord responsabbli biex jawtentikaw iċ-ċertifikati tan-nurses, carers u kwalunkwe staff ieħor li huma ngaġġati mad-diversi Bereġ tas-Saħħa (polyclinics) f’Malta u Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20870.

Sptar Mater Dei – Emerġenza – infermiera, tobba u speċjalisti tal-mediċina emerġenza

Question

Jista’ l-Minsitru jgħid kemm hemm preżentament infermiera, tobba u speċjalisti tal-mediċina emerġenza (separatament) li jaħdmu fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid kemm kien hemm f’Jannar u f’Ġunju ta’ kull sena mill-2021 sal-2024 separatament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tender għad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla — offerti

Question

B’referenza għat-tender CT2369/2023 (Tender to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including high energy and environmental performance standards), jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm offerenti? Jista’ jagħti dettalji ta’ min kienu dawn l-offerenti u x’kien il-valur f’kull offerta li saret?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-informazzjoni mitluba hija fid-dominju pubbliku. Kien hemm 4 offerti. L-offerenti u l-valur ta’ kull offerta huma kif ġej: Offerent Valur Golden Ventures €101,612,550 Carerise Ltd €97,997,305.50 CareMalta Ltd €86,469,285 Carewise Joint Venture €78,820,950

Tender għad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla — proġett

Question

B’referenza għat-tender CT2369/2023 (Tender to demolish, design, build, maintain, upkeep and the management and operations of Cospicua Care Home for Older Persons including high energy and environmental performance standards), jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess u meta se jkun qed jinbeda l-proġett?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li t-tender imsemmi qiegħed fil-fażi ta’ evalwazzjoni. Il-proġett jibda meta jiġi ffirmat il-kuntratt mill-kuntrattur li jkun rebaħ it-tender u l-awtorità kontraenti, bħal ma hemm indikat fid-dokument tat-tender li jinsab fid-dominju pubbliku.

Kuntrattur li jipprovdi l-prodotti ta’ kontinenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li qed jipprovdi l-prodotti ta’ kontinenza? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-kuntrattur li qed jipprovdi l-prodotti ta’ kontinenza huwa Drugsales Ltd. Dan il-ftehim jikkonsisti f’informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva, għaldaqstant ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjani – nappies/pull-ups

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-massimu ta’ nappies/pull-ups li l-anzjani huma intitolati għalihom? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex qed jikkunsidra li jżid dan il-massimu fil-futur qarib?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li min naħa tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, l-ħrieqi/pullups jingħataw skond il-ħtieġa tal-individwu wara assessjar minn infermiera speċjalizzati f’dan il-qasam, filwaqt li ġewwa San Vinċenz de Paul, ma hemm ebda massimu ta’ ħrieqi (‘capping’) li anzjani huma intitolati għalihom. L-anzjani jibdlulom il-ħrieqi skont il-bżonnijiet tagħhom.

Sptar Mount Carmel — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-pjanijiet li għandu sabiex l-Isptar Mount Carmel jiġi konvertit f’San Vincenz de Paul ieħor? Jista’ jgħid x’se jkun jikkomprendi l-isptar il-ġdid, x’servizzi se jkunu qed jingħataw lill-anzjani u meta ser jibdew ix-xogħlijiet biex isir dan it-tibdil?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ħin propizju nagħtu d-dettalji kollha.

Sptar Mater Dei – lista ta’ stennija għal post f’residenza tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew li jidħlu f’dar tal-anzjani? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti ilhom: a. anqas minn xahrejn jistennew; b. aktar minn xahrejn jistennew; c. aktar minn sitt xhur jistennew; u d. aktar minn sena jistennew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li riżultat ta’ numru ta’ inizjattivi wasslu għal tnaqqis rekord ta’ sodod imblukkati fl-Isptar Mater Dei. Bħalissa hemm 29 pazjent fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew li jidħlu f’dar tal-anzjani. Pazjenta waħda ilha aktar minn xahrejn. Ebda pazzjent ma ilu jistenna aktar minn sitt xhur jew aktar minn sena.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru events organizzati mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ jista’ jgħid ukoll: (i) x’kienet it-tema; (ii) kemm ġiet tiswa kull event; (iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.); (iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol; (v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.

Il-Fgura — Triq l-iskola - Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li daħlu rapporti ta’ rwejjaħ jintnu fi Triq l-Iskola, il-Fgura, u jgħid x’passi ttieħdu dwar dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment relatat ma’ rwejjaħ jintnu fit-Triq indikata mis-sena li għaddiet sa llum. Minn wara li saret din il-mistoqija parlamentari, uffiċjali mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali xorta għamlu spezzjoni ġo din it-Triq iżda ma ġewx innutati rwejjaħ, kif ukoll ma kien hemm ebda żbroff ta’ xi ilma maħmuġ jew drenaġġ li jista` jikkawża rwejjaħ jintnu u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri. Nappella lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi lment/i dan jgħaddihomli, ħalli d-dipartiment għas-Saħħa Ambjentali jkompli jinvestiga.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20121 u jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2024 u t-8 ta' Ġunju 2024? F'liema grad/skala kienu u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-promozzjonijiet li jingħataw u anke l-career progressions, huma kollha skont dak miktub fis-sectoral agreements, u anke l-collective agreements applikabli. Is-sejħiet huma dawk standard li jinħarġu kif approvati ċentralment u jirriflettu l-ftehim rispettiv.