Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wasteserv — rappory tal-Awditur Ġenerali

Question

B’referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali 2008, jista’ l-Ministru jagħti dettalji sħaħ dwar dawn l-items speċifikati fir-rapport tal-ftehim bejn Wasteserv u l-gvern biex jiġu ri-imburżati €244,000 fi spejjeż mill-Ministeru flimkien ma’ kopja dettaljata tal-ftehim? X’kien ikopri flimkien mal-fatturi (invoices) relevanti? Jista' jgħid min kienu s-service providers li tħallsu €60,000 fis-sena 2008 mingħajr ma kien hemm riċevuti fiskali jew tax invoices għal dawn is-servizzi? Liema kienet dik il-kumpanija li tħallset €60,000 għal servizzi ta’ konsulenza mingħajr mal-awditur irnexxielu jsib kopja tal-ftehim konċernat jew imqar dokumentazzjoni dwar l-ingaġġ tagħha? X’kien is-servizzi offrut minn din il-kumpanija u liema kumpaniji oħrajn ġew avviċinati għal xogħol simili? Lil min tħallsu €14,000 f’konsulenza għal park tan-natura f’Xrobb l-Għaġin? Lil min tħallsu €10,000 għal konsulenza fuq ir-riabilitazzjoni tas-Salini? Jista' l-Ministru jagħti kopji tal-ftehim dwar it €18,000 f’konsulenza li tħallsu in konnessjoni ma' Ta’ Qali Animal Welfare Shelter u jgħid liema kienet dik l-NGO privata li skont l-Awditur Ġenerali tħallset €9,300 mingħajr ma jidher li kien hemm ftehim validu? Lil min tħallset is-somma ta’ €477,000 f’ direct orders f’konsulenzi in konnessjoni mal-inċineratur tal-biċċerija li dettalji dwarha ma instabux traċċi? Lil min tħallset is-somma ta’ €32,000 lill-periti in konnessjoni mar- refurbishment tal-istess sit mingħajr evidenza miktuba tal-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi? Lil min tħallset is-somma ta’ €65,000 għal skips għall-biċċerija fis-snin 2007 u 2008 meta l-kuntratt mad-ditta konċernata skada fis-sena 2006 mingħajr ma nstabu traċċi ta’ estensjonijiet formali tal-kuntratt? Billi intqal fil- media li l-ministeru ma jagħmilx supervizjoni tad- direct orders , liema uffiċjal jew entità li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Ministeru se terfa' r-responsabbiltà għal dawn l-allegati nuqqasijiet kollha bi ksur tal- financial regulations tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Inizjattivi ambjentali — green leaders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti dwar fondi għall-inizjattivi ambjentali fejn il-Prim Ministru talabni niċċara liema huma l-inizjattivi ambjentali li qed nirreferi għalihom, nirreferi ġentilmenti lill-Ministru għas-sitwazzjoni li ilha għaddejja minn kemm ilhom li ġew appuntati l-green leaders mis-sena 2005, tant li l-istess Ministru kemm-il darba rrefera għaliha u anki semmihom fil-website tiegħu, kif jista' jikkonferma l-Prim Ministru li mis-sena 2005-2009 kull ministeru kellu fond li seta' juża għall-inizjattivi ambjentali fejn diversi items b'laqta ambjentali inxtraw permezz ta' dan il-fond imsejjaħ "Green Leaders Environmental Initiatives"? Sas-sena 2009. dawn kienu maqsumin indaqs f'kull ministeru, iżda mis-sena 2010 kellhom jintużaw allegatament għall-energy audits, jista' jikkonferma li meta nxtraw l-ewwel sett ta' photovoltiac panels fis-sena 2006 il-fond tal-Green Leaders Environmental Initiatives għal kull ministeru dakinhar kien jammonta għal Lm10,000 u li fis-sena 2007 l-flus allokati f'dan il-fond niżlu għal Lm5,000? Jikkonferma li f'rapport tal-awditur ġenerali tas-sena 2009 kien hemm silta mir-rapport li kienet titkellem dwar 5.6.4 expenditure by green leaders declining since commencement of initiative? Għaldaqstant, jekk dawn il-fondi issa nġabru kollha taħt il-ministeru tiegħu, meta sa żmien ilu kienu fi ħdan kull ministeru, jista' jikkonferma għalxiex se jintużaw matul din is-sena finanzjarja, u jekk iva, kemm intużaw diġà?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi lill-ministeri hi eżercizzju pubbliku li jiġi ppubblikat fl-estimi tal-gvern ta’ kull sena. L-allokazzjoni tal-fondi għal din is-sena hija kommessa għall-eżerċizju ta’ Energy Audits u nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi ghat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 16179

Lehmayer International black listed mill-Bank Dinji — informazzjoni

Question

Billi ilhom li dehru rapporti li l-kumpanija internazjonali Lehmayer International ilha żmien blacklisted mill-Bank Dinji, jista' l-Ministru jgħid speċifikament meta ġie mogħti l-ewwel xogħol lilha mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi? Meta għamlu due diligence dwar din il-kumpanija? Meta saru jafu bil- blacklisting tagħha? Għadx hemm xi xogħol ta' konsulenza li għadhom għaddejjin fuqu u liema hu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab informat illi l-MRA iffirmat kuntratt ta’ xogħol mal-kumpanija imsemmija wara sejħa pubblika ghal offerti f’Settembru 2006. Din il-kumpanija ġiet magħżula wara li l-proposta kienet skont il-kriterji tat-tender u peress li kienet l-aktar vantaġġuża għall-gvern. Irrid nghid illi r-Regolamenti tal-Kuntratti Pubbliċi ma jippermettux li matul il-proċess ta’ evalutazzjoni tat-tenders isir blacklisting ta' xi operatur ekonomiku involut fil-proċess. Il-Bank Dinji ħabbar id-deċiżjoni tiegħu dwar Lahmeyer International fis-6 ta' Novembru tal-istess sena. Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta bid-dokument Nru. 4630 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 219 tal-11 ta' Mejju 2010.

Korsijiet tal-biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kors sar għall-bdiewa fuq il-Global Gap din is-sena u s-sena l-oħra? Kemm ġew jiswew għall-gvern kull kors, kors b’kors? F`idejn liema organizzazjoni jew instructor kienu fdati dawn il-korsijiet? Ħarget xi sejħa pubblika għall-offerti biex jintgħażel min se jagħmilhom? Jista’ jgħid fejn u kif ġiet pubblikata din is-sejħa, min iġġudikaha u kif?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din is-sena kif ukoll l-oħra ma ġewx organzzati korsijiet fuq il-Globalgap mid-Dipartiment tal-Agrikoltura. L-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa (ATB), bħala l-unika assoċjazzjoni tal-bdiewa, ħadet l-inizjattiva li t' assumi x-xogħol meħtieġ mill-porċeduri li jwasslu għaċ-ċetifikazzjoni tal-Globalgap. Għal dan il-għan, il-Ministeru għamel kontribuzzjoni finanzjarja ta' €30,000 (tletin elf Ewro) għal perjodu ta' tlett snin sabiex il-bdiewa ma jkollomx piż finanzjarju ta' din is-sistema ta' ċertifikazzjoni li hi meħtieġa biex tkun assigurata l-esportazzjoni tal-patata. Isir minitoraġġ tal-Kuntratt iffirmat bejn l-ATB u l-MRRA

proġett ta' mini għal ħażna ta' l-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16630 u jikkonferma jekk il-proġett ta' mini għal ħażna ta' l-ilma tax-xita ġiex skartat? Jekk fl-affermattiv għaliex sar hekk? X'qiegħed jiġi propost bħala soluzzjoni għal problema tal-għargħar f'pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xiri ta' mobile phones/iPhones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16521 u jgħid inxtrawx mobile phones/iPhones fid-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħażna tal-Ilma fl-Aquifers

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8924, jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Buskett — Żvilupp dwar l-Inoteka tal-Inbid

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 8982 u 8300, jista' l-Ministru jaġġornani bl-iżviluppi li saru sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onoervoli Interpellant li l-proġett tal-Buskett ġie inkorporat fi proposta għal ko-finanzjament taħt il-programm Italia-Malta Regional Funds 2007-2013. Il-progett għadu qed jiġi evalwat. Dan il-proġett qed isir b' kollaborazzjoni bejn, fost l-oħrajn, dan il-Ministeru, l-Istitut Agrikolu tal-Universita ta' Malta, L-Istituto Regionale Vite e Vino ta' Palermo u l-Organizzazjoni Produtturi Għeneb għall-Inbid Malta. Is-sular ta’ fuq tal-binja fil-Buskett qed tkun irranġata bħala l-Uffiċċji tal-PO tal-għassara tal-inbid.

Tniġġis fl-Aquifer

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8925, jista' l-Ministru jaġġornani bl-informazzjoni mitluba sal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Proġett kontra l-għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16674 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16079, jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proġett li kien tħabbar mill-ex Ministru Ninu Zammit biex jinġabar l-ilma tax-xita biex ma jintilifx u ma jkomplix jikkawża għargħar fl-inħawi ta' Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida, fejn kellhom jinbnew ġibjuni kbar taħt l-art?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

skills profile questionnaire lill-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu qed jiġu mitluba jimlew skills profile questionnaire?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-impjegati tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ġew mitluba jissottomettu Skills Profile Form sabiex il-Ministeru jkun jista’ jwieġeb għal żewġ Ċirkularijiet (Numru 20/2009 u Numru 2/2010) maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li bis-saħħa tagħhom qiegħed isir skills audit tal-impjegati kollha tal-Gvern kif stipulat mill-Flexicurity Pathway taħt il-kappa tan-National Reform Programme – 2008-2010. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn iċ-ċirkolarijiet in kwistjoni jinsabu ppiblikati fuq l-intranet tal-Gvern iżda biex tkun iffaċilitata r-referenza ,dawn iż-żewġ Ċirkularijiet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Twaqqif ta' impjanti

Question

B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 2162, jista' l-Ministru jgħid x'rakkmandazzjonijiet saru fir-rigward tat-twaqqif ta' impjanti tad-diversi forom ta' wind energy plants fl-aħħar sentejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

trakkijiet li jġorru ilma jew drenagg — regolamenti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12592 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk it-trakkijiet li llum qed iġorru l-ilma jew id-drenagg iridux jinbidlu minħabba regolamenti ġodda li daħlu jew se jidħlu fis-seħħ? Jekk iva, hemm xi għajnuna għas-sidien tat-trakkijiet biex ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat li f'każ li trakk ikun liċenzjat mill-Awtortità Transport Malta biex iġorr l-ilma jew dranaġġ, u dan il-fatt ikun konfermat fil-logbook tal-vettura, l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi toħrog liċenzja lill-applikant skont l-Avviż Legali 525 tal-2004. Ġaladarba il-vettura tkun licenzjata mill-ATM, il-kundizzjonijiet stipulati mill-MRA ma jirrikjedux li l-vettura tkun trid tinbidel.

Turbini tar-riħ fuq proprjetà privata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12962 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn turbini tar-riħ imwaħħlin fuq proprjetà privata f'Malta u Għawdex illum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onoerevoli Interpellant li t-twaħħil ta' turbini tar-riħ huma soġġetti għal permess maħruġ mill-MEPA. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jindirizza lill-Ministru konċernat.

Mosta — restawr ta' telephone box

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi restawrata t-telephone box antika li hemm fil-pjazza tal-Mosta li għadha ta' żmien l-Ingliżi, dan għaliex ħafna jkunu t-turisti li jieħdu ritratti ma' din it-telephone box li sfortunatament laqnas bieba m'għad fadlilha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-telephone box li hemm fil-pjazza tal-Mosta hija proprjetà ta' kumpanija telefonika. Għaldaqstant iż-żamma ta' din l-istess t-telephone hija r-responsabiltà ta' l-istess kumpanija filwaqt li l-iskedar ta’ dan it-telephone booth sar taħt l-Avviż tal-Government (Nru 829 ippubblikat nhar l-10 ta' Settembru 2007) maħruġ mill-Ministru responsabbli mill-MEPA. Nissuġġerixxi li l-Onorevoli Nterpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru koncernat.

Użu tas-servizz tal-emerġenza fil-biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm f’dawn l-aħħar sentejn intuża xahar b’xahar is-servizz tal-emerġenza fil-biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra (Ara dokument 5288 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 256, nhar id-29 ta' Settembru 2010.

servizz tal-emerġenza fil-biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-servizz tal-emerġenza fil-biċċerija kif mogħti s’issa jieqaf u jingħata biss darba fil-ġimgħa? Jekk hu hekk, ghaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat illi s-servizz tal-qatla ta' l-emerġenza se jibqa' jingħata skont il-ħtieġa u inkonformita mat-trattament xieraq tal-annimali . Preżentement għaddejjin dikussjonijiet u nbdew proċeduri biex isiru t-tibdiliet neċessarji ħalli s-servizz ikompli jitjieb anki fejn jirrigwarda t-trattament xieraq tal-annimali.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — ħaddiema mal-Private Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema impjegati u/jew seconded mal-Private Staff tal-Ministru u segretarju parlamentari? Jista' jgħid x'inhu l-grad li għandhom u jekk humiex impjegati taċ-Ċivil? F'każ ta' persuni seconded mal-Ministeru minn fejn huma seconded jew on loan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali hemm 17–il persuna b’kuntratt. Minn dawn 8 huma impjegati taċ-ċivil u 5 persuni huma b’ kuntratt li ġejjin minn entitajiet pubbliċi. Il-pożizzjonijiet fis-segretarjat u tagħrif dwar minn fejn ġew dawn l-uffiċjali jidhru fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

MRA — Solar Thermal Systems

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi kemm kellha ilmenti uffiċjali minn konsumaturi dwar: a) claims esaġerati dwar financial savings marbutin mal-istallazzjoni ta' solar thermal systems ; b) jekk kienx hemm allegazzjonijiet li ċerti importaturi tas-sistemi fotovoltajiċi użawx high pressure sales tactics u anke pprovdew statistika finanzjarja li tqarraq bil-konsumaturi u xerrejja tal-prodotti u servizzi tagħhom; f’dak il-każ x’passi ttieħdu mill-awtorità dwar dawn l-ilmenti u kemm minnhom irriżultaw li kienu ġustifikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi ma rċeviet ebda ilment mingħand konsumaturi dwar claims li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

proġetti fotovoltajiċi finanzjati mill-European Union Funding

Question

Jista' l-Ministru jgħid skont l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kemm hemm proġetti fotovoltajiċi li għandhom l-European Union Funding approvat diġà u li jekk ma jirċevux l-approvazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet lokali qed jirriskjaw li jitilfu l-ERDF funding – dan aktar u aktar billi wieħed għandu bżonn il-permess tal-Awtorità biex jistalla aktar minn 16amp PV system?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għandha quddiemha 53 applikazzjoni għal proġetti fotovoltajici. Irrid jingħad però li dawn il-proġetti jirrikjedu approvazzjoni minn awtoritajiet oħra u li ma jaqghux taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.