Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit 2023 – Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — infiq fuq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-baġit li ser jintefaq bejn is-17 ta' Ottubru, 2022 u l-31 ta' Diċembru, 2022 fuq reklamar u promozzjoni dwar il-Baġit 2023 li jikkonċerna l-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox se jkunu qed jintefqu €8,420.14.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 374, jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema li qegħdin jagħtu servizz lill-Gvern u li huma impjegati mal-kuntrattur u mhux fir-rigward tal-ħaddiema kollha tal-kumpanija privata?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għad-domanda tal-Onor. Interpellant, infurmat li hemm tmien ħaddiema mqabbda ma' kuntrattur.

Il-Fgura – Triq l-Isponsun — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq l-Isponsun, il-Fgura jkollha tindif iktar regolari tul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tindif fi Triq l-Isponsun fil-Fgura qed isir skont it-tender document, kif miftiehem u maqbul mill-Kunsill.

Il-Fgura – Triq Romano Carappecchia – problema ta’ ġrieden

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi ttieħdu sabiex il-problema ta’ ġrieden kbar li hemm fi Triq Romano Carappecchia Fgura tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li ż-żona msemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Għaldaqstant ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel l-interpellanza tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Fgura – Triq Velleran – xogħlijiet fuq triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal, fi Triq Velleran, il-Fgura? Jista’ jgħid kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta — latrini

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex in-nies tal-Mosta ilhom snin imwiegħda li se jitranġaw il-latrini pubbliċi u dan qatt ma seħħ? Meta se jibda x-xogħol fuqhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li dan huwa proġett li l-Kunsill qed jippjana li jimplimenta, tant illi l-istess Kunsill diġà kiseb il-permessi meħtieġa tal-Awtorità tal-Ippjanar. Infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mosta qiegħed jesplora possibilitajiet ta’ kisba ta’ fondi sabiex ikun jista jitwettaq dan il-proġett.

Il-Fgura – Triq Vinċenza Maculano — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li Triq Vincenza Maculano fil-Fgura jkollha tindif iktar regolari tul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tindif fi Triq Vincenza Maculano fil-Fgura qed isir skont it-tender document, kif miftiehem u maqbul mill-Kunsill.

Il-Fgura – Triq Mondion — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li Triq Mondion fil-Fgura jkollha tindif iktar regolari tul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tindif fi Triq Mondion fil-Fgura qed isir skont it-tender document, kif miftiehem u maqbul mill-Kunsill.

Il-Fgura – Triq Martin Luther King – kwantita ta’ bagħal taż-żunżan

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi ttieħdu fir-rigward tal-problema ta’ kwantità ta’ bagħal taż-żunżan (hornets) ġewwa Triq Martin Luther King il-Fgura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li tqabbad ‘pest controller’.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consigli – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal, Triq Mater Boni Consiglii l-Fgura? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Fgura – Triq San Pietru – traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex l-inkonvenjent għall-pubbliku fit-traffiku li ġie maħluq reċentement fil-parti ta’ wara ta’ Triq San Pietru, il-Fgura minħabba x-xogħol f’Triq Mater Boni Consiglii jiġi mtaffi u korrett?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq Parades – bozoz maqtugħin

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru ta’ bozoz fi Triq Parades, San Pawl il-Baħar, li sa meta qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari jinsabu mitfijin, jerġgħu jibdew jixegħlu mill-aktar fis?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt l-feedback tal-Kunsilli Lokali rispettiv.

San Pawl il-Baħar – Triq l-Imħar

Question

Billi fi Triq l-Imħar, San Pawl il-Baħar sa meta qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari kien hemm ħofra kbira li mtliet temporanjament bi żrar, eċċ u li teħtieġ attenzjoni sabiex isir ix-xogħol meħtieġ b’mod permanenti, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol meħtieġ isir mill-aktar fis?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt l-feedback tal-Kunsilli Lokali rispettiv.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Chairpersons ta' Bordijiet - Spiża fuq Safar, mobiles u fuel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 350 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Raħal Ġdid – Triq iċ-Ċimiterju — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid għala Triq iċ-Ċimiterju f’Raħal Ġdid sal-bidu ta’ Settembru 2022 kienet għadha mhux lesta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi x-xogħol fi Triq iċ-Ċimiterju, f’Raħal Ġdid, baqa’ għaddej matul is-sajf. Infurmat ukoll li sal-bidu ta’ Settembru, x-xogħol ta’ tqegħid tal-art tal-qawwi kien prattikament lest. Dan ix-xogħol dam ftit iktar milli mistenni minħabba xogħlijiet infrastrutturali li nqalgħu mal-proġett, li ma kinux previsiti. F’dan l-ambitu, infurmat ukoll li ċertu dewmien kien attribwit ukoll minħabba l-koordinament neċessarju mal-entitajiet kollha responsabbli. Finalment, infurmat li x-xogħlijiet ta’ pavimentar issa huma kompluti u l-proġett ser ikompli bit-tisbiħ tat-triq b’bankijiet u planters.

Atti relattivi għall-istimi tal-propjretajiet tal-War Damage

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu l-atti relattivi għall-istimi tal-proprjetajiet tal-War Damage li għal xi żmien kienu fil-bini tal-Monte Di Pietà?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Arkivji Nazzjonali għandu kollezzjoni ta' materjal tal-War Damage li tkopri s-snin 1945-1955 u tiġbor fiha rekords tal-Building Control Board. Infurmat li dawn ġew mill-Awtorità tal-Ippjanar u mhux mill-Monte di Pietà.

Il-Fgura – Triq Sant Antnin — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li Triq Sant'Antnin fil-Fgura jkollha tindif iktar regolari tul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tindif fi Triq Sant'Antnin fil-Fgura qed isir skont it-tender document, kif miftiehem u maqbul mill-Kunsill.

Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali – Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma ngħatat l-ebda konsulenza mis-Segretarjat Parlamentari kif indikat mill-Onor. Interpellanta.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1261 fejn ġie mistoqsi meta u minn min se jitranġaw il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa, peress li parti minnhom jinsabu mwaqqgħin u qed ikunu ta’ periklu għal kull min juża din it-triq, jista’ l-Ministru jgħid liema entità se tagħmel dawn ix-xogħlijiet, meta se jibdew u meta se jitlesta x-xogħol relatat biex jitneħħa l-periklu mit-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif diġà indikajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1261, infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li għalkemm dan ix-xogħol ma jappartjenix lill-Kunsill Lokali, il-Kunsill Lokali rispettiv xorta waħda qiegħed jesplora kif tali xogħlijiet neċessarji jsiru bil-għajnuna ta' entitajiet oħra.