B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10732, tista' l-Ministru taġġorna dwar il-Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra u jekk il-laqgħa li kien hemm skedata biex tiġi diskussa din il-materja saritx, u x'inhu l-pass li jmiss? Tista' tagħti timeframes ta' x'inhu ppjanat li jsir fuq dan il-Master Plan u meta hu ppjanat li jitlesta?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru taħdidiet mal-Kunsill lokali biex minn naħa tagħhom jinħareġ it-tender għall-konsulenza biex jibda l-proċess.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ingħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtha mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Tista’ tgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija u d-ditta legali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ma taw l-ebda xogħol ta’ konsulenza lill-kumpaniji u d-ditta legali msemmija mis-sena 2013 sal-lum.
Ir-Rabat Għawdex — Triq ta' Wara is-Sur u Triq l-Imgħallem - tender għal xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender għat-Triq ta' Wara is-Sur u Triq l-Imgħallem ġewwa r-Rabat Għawdex, li kellhom issir matul is-sena 2019, ġew għat-tieni darba konsekuttiva kkanċellati? In vista ta' dan, x'inhu ppjanat li jsir issa u f'liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali u jitlestew dawn iż-żewġ toroq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ħareġ,
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li parti mit-Triq Santa Dminka ġewwa r-Rabat Għawdex li t-tender tagħha ilu awarded għal diversi xhur, għadu ma nbediex ix-xogħol infrastrutturali fuqha? F'liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq parti minn din it-triq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet huma mistennija li jibdew fix-xhur li ġejjin.
Tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jittieħdu mill-Ministeru għal Għawdex biex jiġi assigurat li m’hemmx periklu fi Triq it-Torri ta' Kenuna fin-Nadur (quddiem iċ-Ċimiterju) fejn jidher li din qed iċċedi u tista' minn ħin għall-ieħor tikkawża xi inċident?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat inkarigat mix-xogħlijiet qed jaħdem fuq din it-triq.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Gozo Museum fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid meta hu mistenni li dan il-mużew jinfetaħ għall-pubbliku peress li issa ilu snin jissemma’ minn budget għall-ieħor u sal-lum għadu ma nfetaħx?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara s-sejba tal-fdalijiet tal-barriera Rumana qed naħdmu id f’id mas-Sovraintendenza għall-Wirt Kulturali biex dawn is-sejbiet possibilment jiġu integrati fil-proġett.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fi Triq ir-Ramla fin-Nadur liema xogħol sar wara li nfetħet ħofra f'parti minn din it-triq? Tista' tgħid jekk dan ix-xogħol sarx b'direct order jew inkella wara sejħa għall-offerti? Jekk sar b’direct order, tista' tgħid min għamel ix-xogħol u kemm tħallas kull kuntrattur għax-xogħol li għamel?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew segwiti l-proċeduri kollha applikabbli għal xogħolijiet ta’ emerġenza. Ix-xogħol sar u ġie ċċertifikat mill-MCCAA.
Toroq f’żoni urbani – bankini skont standard specifications
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir biex toroq prinċipali li huma f’żoni urbani jkollhom bankini li jkunu skont standard specifications u joffru ħarsien ta’ sigurtà ta’ min jimxi fuqhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn qed jsiru bankini ġodda, f`toroq ġodda, dawn qegħdin isiru skont is-sengħa u kif titlob il-liġi.
Tista' l-Ministru tgħid minn Ġunju 2017 sal-lum kemm-il triq għamel il-Ministeru tagħha f'kull lokalità f'Għawdex billi tagħti lista lokalità b'lokalità? Tista' tgħid jekk dan ix-xogħol sarx mill-Ministeru għal Għawdex jew inkella mill-Kunsill Lokali jew minn Transport Malta jew xi entità oħra governattiva?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li Transport Malta ilha ma twettaq xogħlijiet fit-toroq f’Għawdex sa mill-2011.
Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni għall-bini ta’ Qorti ġdida għal Għawdex? Tista' tagħti n-numru tal-applikazzjoni u meta hu mistenni li jibda l-bini fuq l-istess Qorti? Ma taħsibx li l-bini tal-Qorti ġdida f'Għawdex mhux postu fiż-Żona Industrijali ta' Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qed jesplora sit iktar ċentrali.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-bini ta' Qorti ġdid f'Għawdex? Fejn qed jinbena dan il-Qorti u meta hu maħsub li jibda jiffunzjona? Sadanittant, fiex wasal il-proċess biex jiġi installat lift mill-Pjazza tal-Katidral għal bini tal-Qorti fl-istess Pjazza fir-Rabat Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru qed jesplora sit iktar ċentrali għal Qorti l-ġdid, iżda għadu prematur wisq biex jingħataw dettalji.
Ministeru għal Għawdex – direttorati fil-Ministeru
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma d-direttorati li hemm fil-Ministeru tagħha u kull direttorat meta ġie mwaqqaf? Tista' tgħid min qed jokkupa l-kariga ta' direttur f'kull direttorat u meta beda jokkupa din il-kariga? Tista' tgħid kemm-il direttorat bħalissa ma għandux direttur u kemm ilu bla direttur u x’inhi r-raġuni li m’hemmx direttur?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għal Għawdex — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tagħha u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Tista’ tgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Tista’ tgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru għal Għawdex u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru hu kif jidher hawn taħt:
Ġunju – Diċembru 2017: 3
Jannar – Diċembru 2018: 3
Jannar – Settembru 2019: 9
Minn dawn kien hemm 6 milqugħa, 6 rrifjutati u 3 għadhom pendenti.
Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
In vista tal-aħbar f’The Shift News f’Awwissu 2018 li kien jgħid "A contract being published for the first time shows the Gozo Ministry agreed to pay a Croatian charged with fraud €29,000 for one White Flag to denote a ‘plastic-free beach’, a Freedom of Information request has revealed. The amount is nowhere close to what Gozo Minister Justyne Caruana told parliament on 16 January when she had tabled costs totalling €7,776 for two White Flags on the island’s beaches”, u in vista tar-risposta tagħha għall-mistoqsija parlamentari 8223 li hija differenti minn dak żvelat minn The Shift News, tista’ l-Ministru tispjega fid-dettall għala d-diskrepanza fiċ-ċifri msemmija?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li ġie kwotat mill-midja msemmija kien ‘capping’ li kien hemm indikat fi ftehim. Il-Ministeru però ma eżawriex dak il-‘capping’ u tħallsu biss l-ammonti indikati.
Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru aġixxa totalment in bona fede u dan il-ftehim sar fl-ispirtu tal-ħidma kollha biex Għawdex jilħaq miri ambjentali importanti.
In-Nadur — Triq it-Torri ta' Kenuna - xogħlijiet fuq triq
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk min-naħa tal-Ministeru tagħha sarx xi intervent fi Triq it-Torri ta' Kenuna fin-Nadur peress li jidher li din it-triq qed iċċedi u hemm partijiet fejn niżlet sew? Jekk ma sarx intervent s'issa, x'inhu ppjanat li jsir biex din it-triq ma ċċedix?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-pjan ta’ din is-sena fuq xogħolijiet ta’ toroq huwa lest u qiegħed jiġi mwettaq kif ippjanat.
Dwar din it-triq il-Ministeru jaf li hemm sfida ta’ tafal u allura diġa beda l-proċess biex isiru l-istudji meħtieġa biex għal din it-triq ukoll tinstab soluzzjoni permanenti.
Belt Victoria – Ċentru ġdid tas-Saħħa – perit/kumpanija
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10631 tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari kollha kemm hi u tgħid min hu l-perit/kumpanija, kif intgħażel, kemm tħallas sa issa u kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa u jekk ilux jaħdem mill-bidu nett fuq il-proġett tal-binja tat-taraġ ta’ San Franġisk ġewwa l-Belt Victoria, li ħa jsir iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa ġewwa Għawdex,? Tista’ tgħid ukoll jekk ħarġux il-permessi kollha meħtieġa biex isir change of use ta' parti mill-binja biex minflok sala tal-wirjiet issir Ċentru tas-Saħħa u jekk le, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali li qed issir bħalissa ġewwa l-binja, għandux il-permessi kollha meħtieġa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif inbidel l-iskop tal-binja għall-Ċentru tas-Saħħa, inbidel ukoll il-perit li ntagħżel skont sejħa għall-servizzi ta’ periti mill-Ministeru u li jsiru minn żmien għal żmien. B’hekk Għawdex ser ikollu Ċentru tas-Saħħa ġdid u modern.
Ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex, l-MCAST, il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Park
Question
B'referenza għall-ftehim li ġie ffirmat dan l-aħħar bejn il-Ministeru għal Għawdex, l-MCAST, il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks, tista' l-Ministru telabora aktar dwar dak li ġiet ikkowtata li qalet fis-sens li dan il-ftehim se jservi biex "il-forza tax-xogħol trid tkun lesta għall-opportunitajiet li se jinħolqu"? Tista' tgħid kemm hu maħsub li se jiġu preparati ħaddiema u studenti skont dan il-ftehim?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 44 student li qed jiġu mħarrġa.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li nħasset il-ħtieġa li tinħareġ sejħa pubblika mill-Gozo Channel biex ikollha servizz ta' Service Desk Personnel? Tista' tgħid kemm ser tkun l-ispiża u kemm ser jitqabdu ħaddiema? Tista' tgħid mil-liema post ser jagħmlu dan ix-xogħol il-ħaddiema li ser jiġu ingaġġati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel determinata li tkompli ttejjeb is-servizz li toffri.
Dwar l-ispiża, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel topera fuq mudell ta’ kumpanija kummerċjali u allura hija ta’ natura sensittiva.
Tista' l-Ministru tgħid meta l-aħħar li ġew miknusa t-toroq arterjali li ġejjin:
a. Triq San Ġwann;
b. Triq l-Qala;
c. Triq it-Tigrija;
d. Triq il-Knisja;
e. Triq tal-Ħanaq;
f. Triq ir-Ramla; u
g. Triq Għajn Qasab kollha fin-Nadur? Tista' tgħid kemm-il darba fil-ġimgħa suppost jinkinsu dawn it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Għalkemm dawn it-toroq normalment jinkinsu darba fil-ġimgħa, il-Ministeru ħass il-bżonn li l-ħaddiema inkarigati jiġu mibgħuta jikinsu toroq oħra li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru għal Għawdex u li fihom qed isir tneħħija ta’ ħaxix ħażin. It-tindif skont l-iskeda normali jerġa’ jibda meta t-tindif f’toroq oħra jkun komplut.
Jiżdied jingħad li l-Ministeru għal Għawdex qed inaddaf wkoll toroq u żoni taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali kemm fuq talba tal-Kunsilli stess kif ukoll fuq ilmenti li jirċievi l-istess Ministeru jew rapport li jidħlu mill-Intervention Team
In-Nadur — Triq it-Tiġrija u Trqi il-Qala - xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jsir x-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala fin-Nadur liema żewġ toroq jinsabu fi stat ħażin ħafna u fl-aħħar sitt snin ma sar l-ebda tip ta' manutenzjoni fuqhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan għas-sena 2019 huwa lest u qed jitwettaq kif ippjanat. Dawn it-toroq huma inklużi f’ċiklu ieħor ta’ toroq wara li jitlestew t-toroq li diġà hemm pjanati għan-Nadur.