Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċilindri tal-Ossiġnu

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux possibbli li jinħoloq depot fin-naħa ta' fuq ta' Malta minn fejn persuna tkun tista’ ġġib jew tibdel iċ-ċilindru tal-ossiġnu u dan biex jiġu ffrankati ħafna inkonvenjenzi, skareġġar u tbatija lil min ikollu bżonn dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-tender il-ġdid (li jinsab fi stadju avvanzat li jingħata) ser ikun hemm tliet postijiet minn fejn persuna tkun tista’ ġġib jew tibdel iċ-ċilindru tal-ossiġnu, wieħed fin-nofsinhar, wieħed fit-tramuntana ta' Malta u ieħor f'Għawdex.

Stennija ta’ appuntament – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn tliet snin ilu qalulu li għandu blockage f'saqajh u qalulu wkoll li kienu ser jibgħatu għalih, iżda sal-lum għadu jistenna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ ġie segwit, ninfurmah ukoll illi f’inqas minn sena l-isptar Mater Dei kien ta d-data lill-pazjent biex issirlu l-proċedura li kellu bżonn iżda l-istess pazjent irrifjuta.

Stennija għal CT Scan – każ ta’ anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din l-anzjana għaddejja minn uġiegħ insapportabbli, u li ilha tistenna CT Scan mill-2017 u li se jsir f'Lulju li ġej? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-proċess jitħaffef?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwit.

Riabilitazzjoni għall-pazjenti tal-Isptar Monte Carmeli.

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-programmi ta’ riabilitazzjoni li qed jitwettqu fil-preżent għall-pazjanti li qed jiġu rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw fl-komunità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull tim multidixxiplinarju li hemm fid-dipartiment tal-Psikjatrija joffri programmi olistiċi biex il-pazjenti li jkun hemm taħt il-kura tiegħu ikunu jistgħu jiġu rijabilitati fil-komunità. Dawk il-pazjenti li jkollhom diffikultajiet partikolari jiġu riferuti lil wieħed miż-żewġ timijiet immexxija minn konsulenti bi ‘special interest’ fir-rijabilitazzjoni. Dawn il-programmi jistgħu jinkludu perjodu ta’ residenza fil-half way house u għandhom ukoll kollaborazzjoni mal-NGO’s f’dan il-qasam.

Għarfien dwar is-Saħħa Mentali — programmi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fid-dettal xi programmi twettqu f’din il-leġiżlatura għat-tkabbir ta’ kuxjenza għall-għarfien dwar is-saħħa mentali biex nikkumbattu l-istigma dwar is-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jsiru diversi inizzjattivi għat-tkabbir ta’ kuxjenza għall-għarfien dwar is-saħħa mentali kif ukoll biex nikkumbattu l-istigma dwar is-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna, fosthom: -Taħdidiet regolari fil-kunsilli lokali Malta/Għawdex (suġġetti diversi relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali) b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kura Primarja fejn il-konkorrenza tal-pubbliku hija waħda nkoraġġanti. -Taħdidiet regolari dwar diversi suġġetti relatati mas-saħħa mentali tal-anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għal-anzjani f’Malta kif ukoll fix-Xewkija Għawdex. -Taħdidiet regolari fil-parroċċi eżempju: Ladies Circle /gruppi tar-romol rigward stigma u għarfien dwar suġġetti relatati mas-saħħa mentali ta’ dawn l-individwi. -Taħdidiet f’għaqdiet filantropiċi -Taħdidiet ma xi fondazzjonijiet immirati lejn persuni li qegħdin isegwu programmi ta’ rijabilitazzjoni bil-għan li jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjeta’. -Taħdidiet mal-membri tal-istaff ġewwa d-dipartimenti tal-gvern. -B’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal- Mental Health ta’ l-Universita ta’ Malta, nagħmlu promozzjoni għat-tkabbir ta’ kuxjenza għall-għarfien dwar is-saħħa mentali biex nikkumbattu l-stigma f’lokalitajiet differenti. -Nagħtu informazzjoni waqt programmi kemm televiżivi kif ukoll fuq stazzjonijiet tar-radju u nippromwovu fuljetti b’informazzjoni relatati ma’ saħħa mentali u l-istigma li jġibu magħhom dawn il-kundizzjonijiet -Kitba ta’ artikli f’diversi fuljetti li jitqassmu fil-parroċċi u kitbiet oħra f’rivisti li jiġu mqassma lill-ħaddiema fil-qasam tal-Kura Primarja. -Promozzjoni tas-Saħħa Mentali fuq il- Facebook tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard -Diskussjonijiet ma’ kumpaniji biex isiru talks fuq il-Promozzjoni tas-Saħħa Mentali fuq il-post tax-xogħol. -Ġew introdotti sett ta’ mistoqsijiet biex jagħtu indikazzjoni fuq is-Saħħa Mentali fost l-istudenti tal-form 1, 3 u 5 bħala parti mill- HBSC survey . (Health Behaviour in School Children) -Diskussjonijiet mal-edukaturi biex nesploraw kif is-saħħa mentali tiġi mħarrsa u tkun parti integrali tal- wellbeing tal-istudenti -Qsamna r-riżultati ta’ studji fuq is-Saħħa Mentali fost l-adoloxxenti f’Malta biex tkun tista’ tiġi evalwata aħjar is-sitwazzjoni lokali u hekk jittieħdu l-passi biex din tiġi ssalvagwardata. -Diskussjonijiet mal- perinatal mental health unit biex nippromwovu s-Saħħa Mentali tal-omm fit-tqala u wara t-twelid tat-tarbija. -Talks lill-fondazzjoni RICE fejn nitkellmu fuq l- assertività. -Fl-iskejjel isiru talks fuq kif nistgħu negħlbu l-istress speċjalment fiż-żmien tal-eżamijiet (din issir fuq stedina tal-iskola nnifisha) Ċentru Tommaso Chetcuti (Servizz ta’ Outpatients ): Qegħdin jiġu organiżżati taħditiet mal-qraba ta’ pazjenti li jużaw is-servizz kemm ġewwa l-isptar Monte Karmeli kif ukoll fil-komunita’ rigward għarfien dwar is-Saħħa Mentali bil-għan li titnaqqas l-istigma. Kliniċi li joffru servizz għas-Saħħa Mentali: F’dawn il-kliniċi jingħata sapport u għajnuna meħtieġa lill-pazjenti u l-qraba tagħhom f’għamla ta’ sessjonijiet edukattivi. Taħdidiet oħra dejjem relatati mal-għarfien tas-Saħħa Mentali, jiġu offruti wkoll lill-pubbliku ingenerali fil- Catchment Area. Ċentri ta’ Matul il-Jum fi Ħdan is-Servizzi għas-Saħħa Mentali: F’dawn iċ-Ċentri wkoll jiġu offruti sezzjonijiet edukattivi biex titqajjem kuxjenza għall-għarfien dwar is-Saħħa Mentali sewwa lill-pazjenti u wkoll lill-pubbliku ingenerali permezz ta’ programmi fuq ir-radju tal-parroċċa. Apparti dan kollu, kull sena d-Dipartiment tas-Servizzi Psikoloġiċi fi ħdan is-Servizzi tas-Saħħa Mentali joffri in- Service Training lill-għalliema tal-iskejjel u l-kulleġġi rigward is-Saħħa Mentali fil-klassi. L-attendenza tkun waħda volontarja. Għalliema tal-MCAST ukoll ingħataw taħriġ (Novembru 2017) bħala parti mis- 16 days of Activism mnedija mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika. Ingħataw lezzjonijiet dwar ir-relazzjoni li hemm bejn l- Eating Disorders , il-Vjolenza Domestika u s-Saħħa Mentali : Lid-dentisti waqt il Konferenza Nazzjonali li saret f’Novembru 2017. Artiklu f’dan ir-rigward kien ġie ppubblikat fid- Dental Probe Marzu 2018. Din il-konferenza ġiet irrapportata fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni għal Vjolenza Domestika. Lill-pubbliku u professjonisti Għawdxin waqt konferenza mnedija mill-Ministeru għal Għawdex (Novembru 2017) Lin- nutritionists fil-Konferenza Annwali tagħhom (April 2018) Lill-pubbliku u professjonisti waqt il-Konferenza Annwali ta’ Dar Kenn Għal Saħħtek (Mejju 2018) Lill-pubbliku u professjonisti li attendew konferenza mnedija mill-ACAMH (Mejju 2018) Lill-probation officers (14 - 16th May 2018). Dan sar f’kollaborazzjoni mal-kummissjoni għas-Saħħa Mentali. Taħdidiet dwar Eating Disorders ġew mogħtija ukoll lill-istudenti tal-MCAST Naxxar u Paola u lill dawk li jattendu fis-sekondarja. Dawn saru matul is-snin 2017 u 2018. Lezzjonijiet oħra dwar il-liġi tas-Saħħa Mentali ġew mogħtija lill-: Staff ta’ Dar Kenn Għal Saħħtek u dan sar matul April 2018. Matul dawn l-aħħar tlett snin, id-Dipartiment tas-Servizzi Psikoloġiċi kellu ukoll stand fil-Konferenza Annwali tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa. Hemm ukoll l- Befriending Scheme li ukoll toffri esperjenza/opportunita lil dawk l-istudenti tal-Psikoloġija. Din l-iskema kienet ta’ benefiċċju kemm għal undergraduates’ u gradwati fil-Psikoloġija kif ukoll għall-parteċipanti li kellhom problema ta’ saħħa mentali. Din l-iskema hija bbażata fuq it-teorija ta’ social re-integration by interaction li tgħid li meta persuna tinteraġixxi ma’ oħra li għandha problema ta saħħa mentali li fil-verita’ wieħed ma jdumx ma jinduna li ta’ l-aħħar m’hijiex differenti u għalhekk tikkumbatti l-istigma b’mod dirett.

Żejtun — Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li regolarment u kull ġimgħa, jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun? X’attivitajiet twettqu għal dawn il-persuni matul is-sena l-oħra 2017 u sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ–Ċentru ta` Matul il–Jum taż–Żejtun jattendu madwar 33 persuna kull ġimgħa. F’dan iċ-Ċentru jiġu organizzati diversi attivitajiet. L-attivitajiet ta’ kull ġurnata jkunu varjati sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni li jkunu qed jattendu. Attivitajiet jiġu ppjanati b’mod individwali u anke fi gruppi. L-attivitajiet individwali jinkludu: Xi individwi jistgħu jsibu diffikulta biex iwettqu attivitajiet bażiċi ta` kull jum bħal tindif u qadi domestiku u dan minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Sabiex jerġgħu jakkwistaw l-indipendenza, dawn l-attivitajiet huma addattati skont il-bżonnijiet u l–ħiliet tal-persuni rispettivi. Jitwettqu wkoll sessjonijiet li jipprovdu l-opportunita ta`riflessjoni fuq il-ħiliet intrapersonali kif ukoll interpersonali tal–individwi. Ħiliet interpersonali jirreferu għal kwalitajiet li jintużaw biex persuni jirrelataw man-nies ta` madwarhom. Ħiliet intra personali jippermettu li l-persuna jkollha ħiliet fil-komunikazzjoni magħha innfisha biex tgħin il-kwalita’ tar-relazzjonijiet soċjali tal-persuna. Attivitajiet fi gruppi jinkludu sessjonijiet terapewtiċi orjentati lejn proġetti, sessjonijiet krejattivi, gruppi ta` diskussjoni, gruppi ta eżerċizzju fiżiku, xogħol volontarju kif ukoll ħarġiet soċjali. Isir ukoll taħriġ pre-vokazzjonali u professjonali per eżempju kif tikteb CV; kif iġġib ruħek waqt intervista tax-xogħol eċċ.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – promotional material — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq promotional material (brochures, websites, flyers, mailshots eċċ) minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba minnu fuq il-mejda tal-kamra.

Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni – riżorsi

Question

B’referenza għar-Riżorsi tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu l-baġit tal-Awtorità dwar il-Embrijuni? Min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri? X’inhu r-riżors uman li għandha bħalissa din l-Awtorità? Kemm ser jiżdiedu r-riżorsi umani biex jagħmel tajjeb għaż-żieda mistennija fid-domanda ta’ dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Budget tal-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun, ġie impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra nhar it-13 ta’ Marzu tal-2018. Għas-sena 2018 il-budget huwa ta’ €323,000- (€270,000 subvention tal-Gvern u €53,000 minn dħul iġġenerat minn fees imħallsin mill-Kliniċi liċenzjati). Ic-Chairperson tal-Bord huwa L-Imħallef Emeritus Philip Sciberras, Viċi Chairperson hija s-Sa Josephine Abdilla u l-membri huma s-Sa Sarah Camilleri, l-Professur Victor Grech, s-Sa Mariella Meachen u l-Pedjatra Patrick Sammut. Bħalissa l-Awtorita’ qed timpjega Direttur Eżekuttiv, Segretarja, ART Inspector u messaġġier/xufier. Fil-futur qarib dawn se jiżdiedu bi tlieta oħra (Assistent Direttur, Administrative Officer u Clerk). Huwa maħsub biex jinħarġu ukoll sejħiet ghall- aktar ART Inspectors u clerks għal mal-Awtorita’ (mhux operat).

Ministeru għas-Saħħa — spejjeż fuq safar

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4969 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-safar għall-Ministeru minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid għal kull safra (a) min kienu l-persuni li siefru; (b) minn min kienu akkumpanjati; u (c) x’kien l-iskop ta’ kull safra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Sptar Mater Dei – parkeġġ – tariffa

Question

B’referenza għall-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi t-tariffa biex tipparkja fil-parkeġġ? Jista’ jgħid kemm idaħħal l-gvern talli jikri dan il-parkeġġ lill-privat? Hemm ħsieb li t-tariffa tkun orħos jew li l-parkeġġ jiġi fl-operat tal-gvern biex it-tariffa torħos?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tariffi biex tipparkja fil-parkeġġ pubbliku tal-isptar Mater Dei bħalissa huma kif ġejjin hawn taħt: Sa tletin minuta - Xejn Minn tletin minuta sa siegћa - €0.80c Minn siegћa sa sagћtejn - €1.65c Minn sagћtejn sa tlett siegћat - €2.45c Minn tlett siegћat sa erba siegћat - €3.25c Minn erba siegћat il’quddiem - €4.10c (massimu ġurnata) Mill-22.00 sas-06.00 -€0.80c gћall-perjodu kollu Ir-rati ta’ hawn fuq huma dawk skont il-kuntratt li daħal fis-seħħ f’Jannar 2008. Skont il-kuntratt rivedut f’Jannar 2008 il-Gvern intrabat li mhux talli ma jdaħħal xejn, imma li eventwalment iħallas lill-kuntrattur għal servizzi u manutenzjoni ta’ apparat relatat. Il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed fil-proċess li jinnegozja kuntratt ġdid għat-tmexxija tal-parking areas pubbliċi tal-isptar Mater Dei, fil-fatt dan il-kuntratt issa huwa aġġudikat. Il-kuntratt il-ġdid se jkun qed jizgura li l-kuntrattur se jkun responsabbli mill-management kollu tal-parkeġġ, inkluż manutenzjoni tal-apparat relatat, kif ukoll jiżgura li l-gvern ma joħroġx flus anzi jdaħħal flus permezz ta’ dan l-arranġament. Fl-istess waqt il-kuntratt il-ġdid se jiggarantixxi rati orћos ta’ parkeġġ għal pubbliku.

Crisis Intervention Team

Question

Peress li s-servizz ta’ kura tal-Crisis Intervention Team għal persuni li jbatu b’diżordni mentali qed jiġi offrut mis-7.00am sal-17.30pm, jista’ l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb li dan is-servizz jiġi estiż 24/7?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi la darba jkun komplut ir-rekrutaġġ ta’ professjonisti ġodda, il-ħinijiet ta’ dan is-servizz se jkunu estiżi.

Saħħa mentali – servizzi fil-komunità u residenzjali — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5484, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa kapitali għas-sena 2017? Kemm qed tiġi tiswa sodda fl-Isptar Monte Carmeli llum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 5484.

Testijiet tad-Demm tal-Vitamina D

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru testijiet tad-demm tal-vitamina D fl-2017? Jista’ jgħid kemm minnhom irriżultaw baxxi jiġifieri inqas mil-lowest reference range?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru totali ta' testijiet għal Vitamina D matul is-sena 2017 huma 19,452. Minn dawn kien hemm 11,186 li kienu taħt il-livell ta' 30ng/ml. Dawn jammontaw għal 57% tat-total. Dawn il-57% jistgħu jerġgħu jinqassmu segwentement: 37% livell mhux suffiċċjenti ta' Vitamina D (20-30 ng/ml) 20% livell ta' defiċjenza ta' Vitamina D (<20ng/ml) Dawn il-figuri jaqblu tajjeb ma' studji li saru f'pajjiżi oħra Ewropej speċjalment f'pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa fejn instabu livelli baxxi ta' vitamina D.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – radio advertising — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq radio advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika n-nefqa fuq radio advertising tal-entitajiet u d-dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa li saru bejn Marzu 2013 sal-aħħar t’April tal-2018. 2013(Marzu sa Diċembru) 2014 2015 2016 2017 2018 (Jannar sa April) Nefqa fuq radio advertising €40,605.51 €31,210.00 €37,165.53 €15,549.44 €42,719.55 €5,140.08

Ministeru għas-Saħħa — Mobile Phone imħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4900 u jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm 17 il-persuna (inkluż il-Ministru) li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern. In-nefqa globali bejn 1 ta’ Mejju tal- 2016 sal-aħħar t’April 2018 kienet €37,209.61.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Data Protection Officers

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-isem u l-kunjom tad-Data Protection Officers kollha fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa inkluż dawk l-uffiċjali f kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ uffiċjali li bħalissa qed jaqdu d-dmirijiet ta’ Data Protection Officer fil-Ministeru għas-Saħħa huwa ta’ 31. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jkun applikabbli fil-25 ta’ Mejju u għaldaqstant il-ministeri, dipartimenti u entitajiet qed jaġġornaw il-listi skont il-provvedimenti tar-Regolament.

Pain Management Clinics

Question

Billi l-uġigħ kroniku huwa problema serja globali fejn huwa stmat li tolqot wieħed minn kull ħames adulti fl-Ewropa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir f’pajjiżna biex ikollna kura adekwata (bħas-servizz tal-Pain Management Clinics) u trattament aħjar għall-immaġġinar tal-uġigħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Anestesija, Kura Intensiva u l-Immaniġġjar tal-Uġigħ joffri formalment servizzi għall-immaniġġjar tal-uġigħ kroniku. Preżentament, hemm 4 konsulenti li joffru servizz għall-immaniġġar tal-uġigħ kroniku. Fil-ġimgħat li ġejjin Konsulent ġdid li għandu taħriġ u esperjenza xierqa fil-qasam huwa mistenni jibda’ jagħti servizz f’dan id-Dipartiment. Dan mistenni jkompli jżid il-proviżjoni tas-servizz. Is-servizzi pprovduti jinkludu: outpatient clinics regolari u dawn jinkludu ukoll pain clinic relatata mal-onkoloġija, kif ukoll sessjonijiet fit-theatre għall-interventi. Fl-Outpatient Clinics, il-pazjenti ssirilhom vista u jitfassal pjan ta’ trattament li jista’ jinkludi trattament permezz ta’ mediċini, interventi psikoloġiċi, fiżiċi jew interventional procedures. Għall-pazjenti li jkollhom bzonn xi interventional procedure hemm sessjonijiet apposta li jsiru fit-theatre. Dawn il-proċeduri jinkludu varjeta ta’ infiltration techniques, neuroablation u neuromodulation. L-Uffiċċju tat-Trattamenti Speċjalizzati fi ħdan l-uffiċċju tat-Tabib Ewlieni jagħmel arranġamenti ħalli jinġieb Konsulent li huwa speċjalizzat biex jitratta l-uġiegħ kroniku minn ġewwa l-Ingilterra. Dan il-Konsulent jigi Malta bejn ħdax u tlettax il-darba fis-sena fejn jiġu organizzati clinics u procedures ġewwa Mater Dei. Fis-sena 2017, dan il-konsulent ġie Malta 11 il-darba, għamel vista lil 170 pazjent fil-klinika u għamel proċedura fuq 102 pazjent.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt, fejn qed tindika in-nefqa ta’ kull sena fuq newspaper advertising kif mitluba minnu, tal-entitajiet u d-dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa. 2013(Marzu sa Diċembru) 2014 2015 2016 2017 2018 (Jannar sa April) Print advertising 41,368.62 65,425.57 39,917.40 32,467.61 49,669.97 44,43.57 Digital advertising 2,761.20 7,215.19 7,136.90 9,288.96 19,239.7 -

Ministeru għas-Saħħa — spejjeż ta' media events

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4867, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a) min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq l-attivitajiet indikati fir-risposta li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra; u b) jagħti l-informazzjoni fuq il-perjodu li hu kien Segretarju Parlamentari għas-Settur tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuni/kumpaniji li taw servizz għal PR u media events fl-uffiċċju tiegħi huma AF Sign Studio Ltd, Allied Newspaper Ltd, Arnold Sammut, B.E.D. Limited, Carmel Schembri, Roland Kemp, Christian Mangion, Department of Information, Domenic Aquillina, Eden Entertainment Ltd, Facebook, Ian Noel Pace, Impressions Ltd, Inflations Productions, IVision, Jason Caruana, John Andrew Bundy, Keen Limited, Keith Darmanin, Marketing & Design Prom. Ltd, Media Today Co. Ltd, Piscopo Gardens Ltd, Professional Marketing Services Ltd, Raymond Attard, Red orange Image Consultants, Saviour Schembri, Sound Vision Print Ltd, Standard Publications Ltd, Stefan Farrugia, TEC Ltd, Union Print Co. Ltd, Visage Sound Ltd, Wayne Mizzi Ungaro.