Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema ta' Roħs tat-telephone għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qegħdin fl-iskema dwar roħs tat-telephone provduta mid-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità fil-perjodi 2007, 2008, 2009 u 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ anzjani li qegħdin fl-iskema dwar roħs tat-telephone fil-perjodu msemmi huwa hekk: 2007 - 615 2008 - 560 2009 - 316 2010 - 413

Pilloli ġodda fuq il-kartuna s-safra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jagħmel biex jixtri l-pilloli kollha li suppost jieħdu dawk intitolati għalihom u jixtri l-pilloli l-ġodda li żied fuq il-kartuna is-safra jekk il-flus ibbaġitjati għal din is-sena biex jixtru l-pilloli huma l-istess ammont ta' dak tas-sena l-oħra meta din is-sena kellna diversi pilloli out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern jibqa’ kommess li jipprovdi b’xejn servizzi tas-saħħa u mediċini approvati lil kull min hu intitolat. Għalkemm il-konsum u l-prezzijiet tal-mediċini jvarjaw matul is-sena, konvint li ser inkunu f’pożizzjoni li nibqgħu noffru is-servizz komplut lil kull min hu intitolat

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — dipartiment/uffiċċji - lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jelenka kemm-il uffiċċju/dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu għandu żewġ sulari jew iktar u jgħid f'liema hemm lift funzjonabbli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

working group rakkmandat mill-Ombudsman — rapport finali

Question

Jista' l-Ministru jgħid tlestix ir-rapport finali tal-working group li kien ġie rakkmandat mill-Ombudsman f'Jannar 2009 dwar policy nazzjonali dwar l-immaniġjar tal-listi ta stennija għall-operazzjonijiet fl-isptarijiet pubbliċi? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

tfal li jbatu minn Celebral Palsy

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22049, u fid-dawl ta' leġizlazzjoni pendenti dwar l-IVF, permezz ta' numri ta' ID Card tistax issir ricerka u jingħad ta' lanqas kemm fost dawn il-166 każ ta' Celebral Palsy kellhom siblings li twieldu ħajjin fl-istess ħlas u għexu biżżejjed biex jingħatalhom numru ta' ID Card?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li biex wieħed jkun jista’ jagħti l-informazzjoni li qiegħda tiġi mitluba, hemm bżonn li ssir riċerka fuq kull każ individwalment u għalhekk tirrikjedi il-ħin u r-riżorsi neċessarji. Jekk din l-informazzjoni hija kkonsidrata bħala kruċjali tkun inkluża fil-pjan tax-xogħol tad-Dipartiment tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa u Riċerka għas-sena 2011.

Sptar Mater Dei — abortion

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu nawgurat l-Isptar Mater Dei sena b'sena, kemm daħlu nisa: a) b' threatened abortion ; b) kemm minn dawn ġew discharged b' inevitable abortion ; ċ) kemm minn dawn kellhom tqala ta' aktar minn 22 ġimgħa; u d) kemm minn dawn kellhom tqala multipla?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumpaniji farmaċewtiċi — ċifri ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20551 li saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm huwa kkalkulat illum f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru tal-Finanzi jrid jgħaddi lill-kuntratturi/kumpaniji farmaċewtiċi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-valur ta' kredituri ta' fatturi għall-mediċini u tagħmir mediku relatat, reġistrati mad-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) skont il-creditors end of month report ta’ Novembru 2010, huwa ta’ Euro 13,589,979.94.

twelid ta' trabi minn drug addicts u alcoholics

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi lil persuni li kienu qed isofru minn drug addiction jew alkoħoliżmu din is-sena u x'età kellhom l-ommijiet? Kemm minn dawn it-trabi tħallew lil ommhom trabbihom minkejja l-addizzjoni tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’Settembru ta’ din is-sena ġew irreġistrati li twieldu 11 il-tarbija lil ommijiet li kienu qed jieħdu xi drogi. L-etajiet tal-ommijiet kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt: Eta ta’ l-omm Numru ta’ trabi <20 1 20-24 2 25-29 4 30-34 2 35-39 2 40-44 0 45+ 0 Ħadd mill-ommijiet ma’ ġie rrapurtat li ssofri min alkoħoliżmu, imma ġew irreġistrati 6 ommijiet li kienu jieħdu sa grokk alkoħol fil-ġimgħa iżda dan ma jfissirx li kienu jbatu minn alkoħoliżmu. Dwar it-trobbija ta’ dawn it-trabi, nitlob lill-Onor. interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Spiżerija ta' Raħal Ġdid — bankijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata sitwazzjoni fejn persuni li jmorru jiġbru il-pilloli mill-ispiżerija ta' Raħal Ġdid tal-gvern sakemm jistennew dawn qabel kien hemm bankijiet fejn wieħed jista' jpoġġi u llum spiċċaw li xi bankijiet tneħħew u numru ta' anzjani lanqas ikollom fejn ipoġġu? Jista' jara x'ġara u jerġgħu jitpoġġew il-bankijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont informazzjoni li għandu d-Dipartiment f’dawn l-aħħar sena u nofs ma tneħħew l-ebda bankijiet mill-pjazzetta zgħira li tinstab biswit l-ispiżerija ta’ Raħal Ġdid. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja m’għandu ebda ġurisdizzjoni x’jigri f’din il-pjazzetta għax dan hu spazju komuni li jintuza minn min jattendi ghas-servizzi offruti mill-Malta Post, mill-Kunsill Lokali u mill-ispiżerija tal-Gvern. Skont informazzjoni li għandu d-Dipartiment, jidher li l-bankijiet preżenti huma biżżejjed biex jaqdu l-pubbliku li jkun qed jistenna.

MSA — liġijiet fuq prodotti bħal Herbal Remedies u Food Supplements

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar x’sar mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Istrandards rigward liġijiet li se jkunu qed jirregolaw is-settur tal-bejgħ ta’ prodotti meqjusa bħala Herbal Remedies u Food Supplements? X’tibdil se jkun qed jara dan is-settur fix-xhur li ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Herbal Remedies u Food Supplements — bejgħ minn spiżeriji biss

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li bosta prodotti li s’issa huma klassifikati bħala Herbal Remedies u Food Supplements u li jinbiegħu minn ħwienet apposta mhux se jkunu jistgħu jinbiegħu jekk mhux minn spiżeriji? Jekk dan huwa minnu, il-pajjiż ikun konformi mal-Ligi Ewropea? Huwa konxju li jekk isir dan, il-prezz ta’ ċerti prodotti tant jogħla li ma jkunx jagħmel aktar sens li wieħed jidħol biex jimportahom u jbiegħhhom? X’se jiġri fil-kas ta’ prodotti simili li jibqgħu jiġu ordnati u mixtrija minn barra permezz tal- internet ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dawk il-prodotti klassifikati bħala herbal remedies, jekk ikunu klassifikati bħala prodott mediċinali (herbal medicines u traditional herbal medicines skont id-direttiva 2004/24/EC), jridu jinbiegħu biss minn spiżeriji. Dan ma japplikax għal dawk il-prodotti li ma jkunux klassifikati prodotti mediċinali nklużi l-food supplements. Fl-Unjoni Ewropea kull pajjiż għandu l-liġijiet tiegħu li jirregolaw l-ispiżeriji u minn fejn isir il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali Għalhekk din is-sitwazzjoni ma tmurx kontra d-direttivi jew ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja. Dawn il-provedimenti m’għandhomx neċessarjament iwasslu biex jogħlew il-prezzijiet. Ix-xiri ta’ prodotti minn fuq l-internet għal skop ta’ użu personali biss (u mhux ghal skop ta’ bejgħ, kummerċ u tqassim) mhux kontra l-liġi.

Skema ta' Roħs tat-telephone għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qegħdin fl-iskema dwar roħs tat-telephone provduta mid-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità fil-perjodi 2007, 2008, 2009 u 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Roħs tat-telephone għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ma baqgħux jieħdu jew jikkwalifikaw għal roħs fuq it-telephone provdut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità matul is-snin 2007, 2008, 2009 u 2010? X'kienu r-raġunijiet li nġiebu biex dawn l-anzjani ma baqgħux jikkwalifikaw għal dan is-sussidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ persuni li ma baqgħux jieħdu jew jikkwalifikaw għal roħs fuq il-linja tat-telephone matul il-perjodu indikat hu kif jidher hawn taħt: 2007: 406 persuna 2008: 734 persuna 2009: 443 persuna 2010: 510 persuna (sal-24 ta’ Novembru 2010) Ir-raġunijiet li dawn l-anzjani ma baqgħux jieħdu jew ma baqgħux jikkwalifikaw għal dan is-sussidju huma kif ġej: § Persuni li ġew nieqsa matul is-sena kurrenti skont il-lista tal-mejtin li tasal għandna mir-Registru Pubbliku. § Persuni li qalbu għall-offerti tal-GO ( talk any time, talk 200, free nights and weekends, bundles u home packs. ) § Persuni li twaqqfitilhom il-karta r-roża mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Persuni li ma bagħtux kopja tal-karta r-roża mġedda kif suppost jagħmlu ta’ kull sena, wara li jkun intbaghtilhom avviż mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità segwiti minn telefonata sabiex jagħmlu dan fiż-żmien stipulat fuq dan l-avviż.

Żejtun — night shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fiha kapaċità li takkomoda residenti d-dar il-ġdida taż-Żejtun li nfetħet bħala night shelter? Jista' jgħid ir-razzjonal wara din id-dar u jippubblika l-istudji fejn juru l-vantaġġi ta' dan is-servizz fuq servizzi oħrajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-Night Shelter il-ġdid, li jinsab ġewwa l-Kunvent tas-Sorijiet ta’ Ġesu’ Nażżarenu fiż-Żejtun, għandu l-kapacità ta’ tmien (8) sodod. Ir-razzjonal wara dan in- Night Shelter hija li joffri serħan il-moħħ għal dawk l-anzjani li jgħixu weħidhom imma li matul il-lejl iħossuwhom weħidhom u bla wens. Għalkemm ma saru l-ebda studji uffiċjali fejn juru l-vantaġġi ta’ dan is-servizz fuq servizzi oħrajn, huwa ovvju li dan is-servizz ta’ matul il-lejl biss, huwa iktar vijabbli finanzjarjament milli kieku kellek iżżomm l-istess numru ta’ anzjani f`xi waħda mid-djar tal-anzjani tal-gvern 24 siegħa kuljum.

Magna tan-nifs

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji qed jingħataw separatament, fejn min-naħa tal-Isptar ordnalha magna tan-nifs u hija tixtieq tkun taf jekk din il-magna min-naħa tad-Dipartment tas-Saħħa hux se tingħatalha? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li tasal din il-magna minħabba l-istat li tinsab fih?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-konsulent tal-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant irrakomandalha t-terapija tal-Continuous Positive Airway Pressure (CPAP), li tingħata permezz ta’ CPAP machine ġewwa d-dar tal-pazjenti. Il-protocol tad-Dipartiment tas-Saħħa hu li din il-magna tingħata b’self lil dawk il-pazjenti f’din il-kategorija li għandhom kartuna roża, b’depożitu ta’ €466. Dawk il-pazjenti li m’għandhomx kartuna roża ma jingħatawx il-magna mill-Gvern, iżda jistgħu jixtruha mill-privat. Bħalissa m’hemmx lista ta’ stennija għas-self ta’ CPAP machines mill-Isptar Mater Dei.

Re-engagement of Retired Public Officers and Engagement of Retired External Recruits

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'kien l-iskop wara s-segwenti sejħa pubblika: "Re-engagement of Retired Public Officers and Engagement of Retired External Recruits within the Ministry for Health, the Elderly and Community Care" bi closing date 30 ta' Diċembru 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sejħa msemmija hija skont l-Avviż tal-Gvern Numru 321 dwar id-Delega ta’ Ċerti Setgħat dwar is-Servizz Pubbliku li jġib id-data tat-28 t’April 2009, maħruġ b’ordni ta’ l-Onor. Prim Ministru bis-saħħa tas-setgħat mogħtija bl-Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni. Din is-sejħa hija intenzjonata biex ikun jista’ jinkseb is-servizz ta’ Nurses u Midwives kwalifikati u b’esperjenza li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda li ma jkunux għalqu l-65 sena. Din il-miżura, flimkien ma’ miżuri oħra li qegħdin jittiedu mill-Ministeru, għandhom il-għan li jiżdied in-numru ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fl’entitajiet pubbliċi f’pajjiżna biex b’hekk ikun jista’ jkompli jingħata l-aħjar servizz possibbli lill-poplu Malti. Is-sejħa msemmija ser tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Diċembru 2011 sabiex in- Nurses u Midwives irtirati kollha li diġà laħqu l-età tal-irtirar jew li ħa jilħqu l-età tal-irtirar sal-31 ta’ Diċembru 2011, ikollhom l-opportunita kollha li japplikaw. B’hekk jiġi evitat li tinħoloq ċirkustanza fejn persuna eliġibli ssib li ma tkunx tista’ tapplika minħabba li s-sejħa tkun laħqet għalqet.