Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #5203 Sitting 72 2009-01-19 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħruġ ta' liċenzji għas-sewqan tad-dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li kienu akkużati b'abbuż fil-ħruġ ta' liċenzji għas-sewqan tad-dgħajjes, fil-fatt instabu ħatja mill-qrati Maltin? Kemm fadal, jekk fadal, persuni li għalkemm ġew akkużati, għadhom ma ttellgħux il-qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s'issa, mill-Qorti ġew deċiżi 408 każ relatat ma' l-abbuż fil-ħruġ ta' liċenzji għas-sewqan tad-dgħajjes. Minn dawn, 399 insatbu ħatja, filwaqt li 35 każ għadhom pendenti quddiem il-Qorti u ħames każijiet oħra għad iridu jitressqu.

Passi biex jitneħħa periklu

Question

Jista' l-Ministru permezz tal-Pulizija tal-Għassa tal-Mosta jara li jitieħdu l-passi meħtieġa sabiex jitneħħa l-periklu li hemm f'bini li jidher li ser jaqa' li qiegħed biswit bini ieħor li dettalji tiegħu qedgħin jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-pulizija qed tieħu l-azzjoni meħtieġa.

Vjolenza fil-grouds tal-football

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ttellgħet il-Qorti minħabba vjolenza fil-grounds tal-football fl-Istadium Nazzjonali, fil-Hibs Ground f’Kordin, fil-Victor Tedesco Stadium, fiċ-Centenary Stadium u fil-Gozo Stadium minn Settembru li għadda sat-13 ta’ Jannar 2009 u dan separatament? Jista' jgħid jekk itteħdux passi kontra xi nies li daħlu ħdejn id-dressing room tar-referees wara l-logħba Sliema /Qormi fil-ground ta’ Kordin ix-xahar li għadda fejn kien hemm xeni vjolenti, kliem ħazin u ġlied mal-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Settembru 2008 u t-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-Pulizija ressqet 8 persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi ta’ reati mwettqa fil-grounds tal-football. Tlieta kienu dwar inċidenti li seħħew fl-Istadium Nazzjonali, tnejn fil-Victor Tedesco Stadium u tlieta oħra fis-Centenary Stadium. Infurmat ukoll illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar l-inċident imsemmi fl-aħħar parti tal-mistoqsija għadha mhix magħluqa.

kwalità tal-uniformi tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb qabel ma jasal is-sajf, li jsir upgrading tal-kwalità tat-tessut li jintuża fl-uniformi tas-sajf tal-pulizija, meta dan wara ftit jitlef il-kulur ikħal tiegħu, b'effett fuq id-dehra tal-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-materjal li jkun propost mill-kuntratturi li jitfgħu it-tender sabiex ifornu l-uniformijiet lill-Korp tal-Pulizija, huwa suġġett għal testijiet li jsiru mil-Laboratorju Nazzjonali. Infurmat ukoll illi jekk jirriżulta li jkun hemm uniformijiet difettużi jew mhux skont l-ispeċifikazzjoniet mogħtija, dawn jiġu rifjutati.

Spetturi f'kull diviżjoni tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spettur hemm f'kull diviżjoni tal-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija hemm ħdax il-Distrett li jkopru fihom wieħed u għoxrin diviżjoni. B’kollox hemm wieħed u tletin Spettur assenjat xogħol f'dawn id-diviżjonijiet, li huma maqsuma kif ġej:- Fi ħdax il-diviżjoni - Spettur kull wieħed F'seba diviżjonijiet - 2 Spetturi kull wieħed F'żewġ diviżjonijiet - 3 Spetturi kull wieħed

Institute of Forensic Studies — akkademja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'diskussjonijiet saru, jekk fil-fatt saru, mal-Institute of Forensic Studies tal-Università ta' Malta, sabiex it-tagħlim tal-membri tal-Korp isir fl-istess akkademja tal-pulizija u dan sabiex l-bini tal-akkademja tal-pulizija l-ġdida, ikun verament akkademja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Institute of Forensic Studies jiġi kkonsultat minn żmien għall-żmien u dan għal diversi proġetti li l-Ministeru jħoss li għandu bżonn s-servizzi jew l-pariri tiegħu.

Administrative Law Enforcement Section — bċejjeċ tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) Kemm-il biċċa tal-baħar qed tintuża preżentament mill- Administrative Law Enforcement Section tal-Korp tal-Pulizija? b) Kemm-il sena għandhom il-bċejjeċ tal-baħar tal-ALE?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta’ l- Administrative Law Enforcement tal-Pulizija fil-preżent qed tagħmel użu minn erba’ opri tal-baħar. Waħda bdiet tintuża minn din it-Taqsima fl-1996, oħra fl-2003 u tnejn fl-2005.

Korp tal-Pulizija — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) Kemm-il vettura tal-Korp tal-Pulizija ġiet skreppjata fl-aħħar ħames snin? b) Qiegħed isir VRT fuq il-vetturi kollha tal-Korp? ċ) Hemm xi ħsieb li l-vetturi tal-użu ta' supretendenti tad-distretti jiġu mibdula?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi tul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 59 vettura tal-Korp tal-Pulizija li ġew skrappjati. Infurmat ukoll illi il-vetturi isirlhom il-VRT meta jkun imisshom. Dwar l-ahhar parti tal-Mistoqsija, infurmat illi t-tqassim ta’ vetturi fil-Korp isir skont l-esiġenzi tas-servizz.

Korp tal-Pulizija — IT Section

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed issir minn naħa tal-IT Section tal-Korp tal-Pulizija, b'kollaborazzjoni mal-MITTS, sabiex jitwaqqaf l-ispam kontinwu fuq l-email tal-Gvern li jużaw il-pulizija, liema spam qed jimbblokka l-istess ħruġ u dħul tal-emails ġenwini?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-sistema ta’ l-email li tintuża mill-Korp tal-Pulizija, bħal kull Dipartiment Governattiv ieħor, hija mantenuta totalment mill-MITA (ex-Mitts). It-Taqsima ta’ l-I.T. tal-Pulizija m’għandha l-ebda kontroll fuq dan is-server u l-management tiegħu. Infurmat ukoll illi għalkemm dan l-SPAM jista' jkun ta’ inkonvenjent sakemm wieħed iħassru, it-Taqsima ta’ l-I.T. tal-Pulizija qatt ma kellha rapporti minn xi membru tal-Korp relatati ma ostakli fid-tħaddim tas-sistema ta' l-email minħabba l-iSPAM.
Leg 11 PQ #5128 Sitting 71 2009-01-15 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

rekords tal-atti, mandati — online

Question

Jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li r-rekords tal-atti, mandati eċċ ikunu online?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi parti mill-informazzjoni li qed jirreferi għaliha hija fil-fatt diġa' aċċessibbli fuq il-computers tal-Qorti.

Għawdex — Avukati u nutara

Question

Peress li f'Għawdex l-avukati u nutara prattikanti qed jiltaqgħu ma' problemi kbar fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom minħabba l-fatt li ma jistgħux jaraw denunzji minħabba l-att dwar il-protezzjoni tad-data u peress ukoll li din hija sitwazzjoni anomala meta jitqies il-fatt li biex tara dikjarazzjoni causa mortis mingħand nutar hija ħaġa sempliċi ħafna, jista' l-Ministru jara li din l-anomalija tiġi ndirizzata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data qiegħed jindirizza l-imsemmija anomalija sabiex jiġi stabbilit jekk din il-prattika tmurx kontra l-provvedimenti ta' l-Att dwar il-Protezzjoni u Privatezza tad-Data.

Għawdex — Reati mwettqa fuq it-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-qorti t'Għawdex in konnessjoni ma' reati mwettqa fuq it-tfal matul is-snin 2007 u 2008 u jindika l-etajiet tat-tfal involuti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2007 u 2008, tmien (8) persuni tressqu l-Qorti t’Għawdex in konnessjoni ma’ reati mwettqa fuq it-tfal. L-etajiet tat-tfal involuti kienu hekk: Numru ta’ każ Etajiet tat-tfal involuti (snin) 1 3 1 12, 13, 14, 15, 15 u 15 4 (jirreferu għall-istess minuri) 14 1 14 1 13
Leg 11 PQ #4932 Sitting 70 2009-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni — Proċeduri kriminali kontra uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbdew proċeduri kriminali kontra uffiċjali pubbliċi b’riżultat ta’ każi li nqatgħu mill- Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni minn kemm ilha li twaqqfet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li d-doveri tal-Kummissjoni jintemmu hekk kif hi tibgħat ir-rapport tagħha lill-Ministru tal-Ġustizzja skond kif jipprovdi L-Art. 11(a) tal-Kap 326, ma għandhiex l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru.
Leg 11 PQ #4937 Sitting 70 2009-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Akkużi dwar pub

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Pulizija għażlet li tibqa' siekta dwar l-akkużi speċifiċi li kien hemm fil-media lokali f’temp ta’ 48 siegħa, anqas minn ġimgħa ilu, dwar pub li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li qed iwassal għal: - noise pollution qawwi b’inkonvenjent għar-residenti matul il-lejl u s-sigħat bikrin ta’ filgħodu - parking bl-addoċċ fuq yellow lines minkejja li l- pub jinsab biss ftit metri 'l bogħod mill-għassa tal-pulizija u dan f’tali mod li jimblokka l-entratura għal 30 garage privat seperati minn xulxin - il-fatt li ħafna nies qrib il- pub qed jagħmlu ħerba sħiħa fl-akwati permezz ta' tifrik ta’ fliexkien tax-xorb, urina mal-art eċċ Billi f’wieħed mill-artikli intqal li s-Sindku ta’ San Giljan għamel rapport dwar dan kollu lill-Pulizija, jista' jippubblika l- kontenut tar-rapport u jgħid x’passi ttieħdu mill-Pulizija dwaru? Kif jispjega l-fatt li minkejja li fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari 28982 fil-legislatura l-oħra, l-Ministru preċedenti għall-Intern kien qal li kull meta l-Pulizija kellha ilmenti minn xi sid ta’ garaxx li l-entratura għall-garaxx tiegħu kienet qed tkun ostakolata minn xi vetturi oħra (b’referenza għan-nies li jkunu f’dan il-pub) il-Pulizija dejjem ħadet azzjoni billi ssejjaħ it-tow truck, jista' jgħid matul is-sena li għaddiet kemm-il darba ssejjaħ it-tow truck f’dan ir-rigward billi saru diversi ilmenti minn għadd ta’ residenti? L-aħħar ilment li sar telefonikament sbieħ il-Ħadd 4 ta' Jannar 2008, lill-Għassa ta’ San Giljan wassal għat-tweġiba li ma setgħax isir towing qabel ma jkun hemm pulizija fl-Għassa, għaliex l-uffiċjal mara li wieġbet it-telefon qalet li l-pulizija kienu kollha barra u ma kien hemm ħadd biex jieħu ħsieb it-towing? Jaf il-Ministru li s-sitwazzjoni marret ferm għall-agħar minn mindu l-bar ra bidla fil-liċenzja għal fuq il-persuni li preżentement qed jiġġestixxu l-bar mid-9 ta' Marzu 2007 'il quddiem, għaliex fis-snin ta’ qabel li kienu ilu jopera l-istess pub qatt ma inqalgħu inċidenti jew inkonvenjenti simili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fejn kien il-każ, il-Pulizija ħadet passi kontra min instab li qed jikser il-liġi fit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, matul is-sena l-oħra l-pulizija ħarġet mhux anqas minn 215 ċitazzjoni fuq kontravvenzjonijiet tat-traffiku. Infurmat ukoll illi kien hemm tlett okkażjonijiet fejn inbdew proċeduri kriminali dwar daqq ta’ mużika b’volum għoli.
Leg 11 PQ #4978 Sitting 70 2009-01-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-Għassa ta' San Pawl il-Baħar, fi Triq San Pawl tibda tinfetaħ regolarment u dan biex taqdi l-ħteġijiet tar-residenti tal-madwar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi x-xogħolijiet meħtieġa sabiex din l-Għassa tkun renovata issa bdew. Pero’ ta’ min ifakkar illi fil-frattemp, apparti li l-Għassa tal-Qawra qegħdha tipprovdi servizz lill-komunita' ta' San Pawl il-Baħar, f’din il-lokalita' ssir ukoll ronda minn sezzjonijiet oħra tal-Korp tal-Pulizija, fosthom tat-traffiku u tal-mobile.

Arrest ta' immigrant

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat il-każ ta' persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant, jekk l-imputat iħoss li għandu jagħmel xi sottomissjoni, din għandha ssir quddiem dik l-istess Qorti.
Leg 11 PQ #4931 Sitting 69 2009-01-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni — Każijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet li għadhom pendenti quddiem il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni? Liema huma? Kemm ilhom pendenti? Kemm inqatgħu każi quddiem din il-kummissjoni fis-snin rispettivi 2005, 2006, 2007 u 2008?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 4 każijiet li qed jiġu nvestigati, tnejn minnhom infetħu fl-2008 u t-tnejn l-oħra infetħu fl-2006 u fl-2007 rispettivament. L-informazzjoni dwar liema huma dawn il-każijiet ma tistgħax tingħata billi l-Kummissjoni hi marbuta bis-segretezza skond l-Artikolu 15 (1) u (2) tal-Kap 326. Infurmat ukoll illi fis-snin 2005 u 2006 ingħalqu 10 każijiet kull sena, fl-2007 ingħalqu 5 każijiet u fl-2008 ingħalqu 13 il-każ.

JRS — ħlas tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) X'inhuwa x-xogħol li tagħmel il-JRS mal-immigranti illegali? b) Min iħallas lill-JRS tax-xogħol li tagħmel? ċ) Kemm tħallset s'issa l-JRS?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-JRS, bħal NGOs oħra li jaħdmu f'dan il-qasam, għandha aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni, fejn hemm joqgħodu immigranti illegali, sabiex il-membri tagħha jkunu jistgħu joffru s-servizz u għajnuna tagħhom lil dawn l-immigranti. Infurmat ukoll li l-JRS ma tircievi ebda ħlas mill-Gvern għal dan it-tip ta' xogħol.
Leg 11 PQ #4770 Sitting 68 2009-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Gwann — Triq S. Gatt - Karozzi mitluqin

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Pulizija tieħu passi dwar ilmenti ta' diversi residenti fl-inħawi ta' Triq S. Gatt, taż-Żwejt, San Gwann li spiss qed ikun hemm karozzi jew vehicles oħrajn - kultant anki żarmati iżda mhux dejjem - mingħajr liċenzja, b'liċenzja skaduta u ħafna drabi mingħajr licence plates wkoll? Dan b'inkonvenjent kbir għal dawn ir-residenti. F'ċerti okkażjonijiet ġieli kien hemm sitta minn dawn it-tip ta' karozzi jieħdu l-parking spaces fl-istess ħin.

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett ta' San Ġiljan kienet diġa' ħadet passi fuq il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Fil-fatt, fil-jiem li għaddew twaħħlu l-avviżi għat-tneħħija fuq żewġ vetturi. Waħda minnhom tneħħiet minn sidha stess, filwaqt li l-oħra tneħħiet mill-Awtoritajiet. Madankollu, il-Pulizija ser tkompli tagħmel ir-ronda fl-akkwati sabiex ma jkunx hemm dan l-abbuż.

MCAST — Aġġudikazzjoni ta' tender

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 4681 u cioè: b'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3360 u 2905 jista' l-Ministru jara li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li ħejjew l-uffiċjali tal-pulizija li nvestigaw il-każ ta' aġġudikazzjoni tat-tender?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Rapporti tax-xorta ta’dak mitlub mill-Onorevoli Interpellant li jirrigwardaw investigazzjonijiet dwar il-kummissjoni ta’ reati kriminali u li fihom jiġu espressi l-fehmiet dwar il-ħtija o meno ta’ persuni investigati fir-rigward dejjem kienu meqjusa bħala li għandhom jinżammu kunfidenzjali u li ma għandhomx jiġu divulgati. Dan hu saħansitra l-każ anki għall-finijiet ta’ proċeduri legali ġudizzjarji tant li d-dokument in kwistjoni jikkwalifika bħala dokument privileġġjat għat-tenur tal-artikolu 637 tal-Kodici ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili in kwantu huwa dokument li “jikxef ħwejjeġ li huma ta’ jew li għandhom x’jaqsmu ma’ fehma, parir jew rakkomandazzjoni miksubin, mħejjijin jew reġistrati, jew konsultazzjonki jew diskussjoni li jkunu saru matul jew għall-finijiet tal-proċessi deliberattivi involuti fil-funzjonijiet ta’ Ministeru, dipartiment tal-Gvern, awtorita’, korporazzjoni jew enti parastatali” (Artikolu 637(4)(c)). Jikkwalifika bħala tali anki skond id-dispozizzjonijiet tal-paragrafu (d) u (e) ta’ l-istess artikolu. Din il-pożizzjoni għar-rigward ta’ dokumenti tax-xorta msemmija ġiet sostanzjalment konfermata fl-Att dwar il-Liberta’ ta’ Informazzjoni (Att XVI tal-2008) li għadu kemm għadda minn dan il-Parlament u ġie pubblikat għalkemm għadu ma hux in vigore. L-Att imsemmi fih dispożizzjonijet analogi li jirrigwardaw dokumenti eżenti mid-dispozizzjonijiet ta’ l-istess Att fosthom dokumenti li l-iżvelar tagħhom jasal biex, jew jista raġonevolment ikun mistenni li, fost ħwejjeg oħra, jippreġudika t-tmexxija ta’ investigazzjoni ta’ ksur, jew possibilita’ ta’ ksur, tal-liġi, jew jista jiżvela l-eżistenza jew l-identita’, jew jippermetti li persuna tiskopri l-eżistenza jew l-identita’ ta’ sors konfidenzjali ta’ informazzjoni, fir-rigward ta’ l-infurzar jew l-amministrazzjoni tal-liġi, jew jippreġudika l-proċess ġust ta’ persuna jew il-ġudizzju imparzjali ta’ każ partikolari minn xi qorti, tribunal, bord ta’ dixxiplina, panel ta’ arbitraġġ jew korp simili, jew jippreġudika inkjesta mmexxija taħt l-Att dwar l-Inkjesti; jew jippreġudika l-effettivita’ ta’ metodi jew proċeduri legali għall-prevenzjoni, kxif, investigazzjoni, jew trattament ta’ materji li jirriżultaw minn ksur jew evazjoni tal-liġi; jew jippreġudika l-manteniment jew infurzar ta’ metodi legali għall-ħarsien tas-sigurta’ pubblika (Art. 30(1)(2) ta’ l-Att imsemmi). Jistgħu jinkwadraw ruħhom raġunijiet oħra taħt l-istess liġi li jirrendu d-dokument simili dokument eżentat. Għalhekk ma inhix tal-fehma li għandi nqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra d-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant.