Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Awtorità għat-Trasport f’Malta qed tippjana li tlesti x-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kilpa fis-Siġġiewi? Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li qegħdin isiru f’din it-triq u tal-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ din it-triq li jinkludi x-xogħol fuq is-servizzi ġodda (ilma u drenaġġ). Ix-xogħol kollu se jiswa madwar nofs miljun ewro u hu ppjanat li jitlesta sa l-aħħar ta’ Novembru.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ tappieri (manholes) li jinsabu fi Triq is-Siġġiewi fil-parti li tinsab fil-konfini tal-lokalità tas-Siġġiewi? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-użu ta’ dawn it-tappieri u min hu responsabbli għalihom? Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri ma jibqgħux jinqalgħu minn posthom kull meta tagħmel ix-xita b’periklu kbir għas-sewwieqa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ tappieri (manholes) li jinsabu fi Triq is-Siġġiewi fil-parti li tinsab fil-konfini tal-lokalità tas-Siġġiewi huma ta’ tnejn u tletin (32), tnax (12) il-tappiera jaqghu taħt ir-responsabilita’ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma (Sezzjoni tad-Drenaġġ), għoxrin (20) oħra jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, tas-sistema ta’ l-ilma tax-xita u tal-GO plc. Meta jinqalgħu dawn it-tappieri, Transport Malta permezz tal-Emergenza tneħħi l-periklu u tinforma’ lill-entita’ konċernata biex jittieħdu passi meħtieġa.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 646 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 45 tat-Tnejn, 30 ta' Ottubru 2017)
Awtorità tal-Ippjanar — persuni - prattiċi ta' korruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il impjegat fl-Awtorità tal-Ippjanar inqabad fi prattiċi ta' korruzzjoni bejn Jannar 2014 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ġie trasferit f'awtorità, aġenzija jew dipartiment ieħor? Jistax jgħid ukoll f'liema awtorità, aġenzija jew dipartiment ġiet trasferita l-persuna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda impjegat fl-Awtorità tal-Ippjanar li nqabad fi prattiċi ta' korruzzjoni bejn Jannar 2014 u llum.
Awtorità tal-Ippjanar — Kap Eżekuttiv - ħaddiema - sigħat ta' overtime u ħlasijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ta' overtime u ħlasijiet saru minn kull ħaddiem fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar bejn Jannar 2015 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm imqabbad mal-Awtorità tal-Ippjanar? Jistax jagħti l-ismijiet tagħhom u kemm tħallsu għal kull xahar minn Jannar 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorità tal-Ippjanar — skema ta' inġustizzji - ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm skema tal-inġustizzji għall-ħaddiema tal-Awtorità tal-Ippjanar minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jekk iva, jistax jgħid kemm-il għotja ngħatat lil kull ħaddiem, u min kienu l-ħaddiema?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi Frar 2014, twaqqfu numru ta’ Grievances Units sabiex jilqgħu u jistħarrġu talbiet li jiġu mressqa quddiemhom minn uffiċjali jew impjegati pubbliċi li jħossu li saret xi inġustizzja magħhom, sabiex imbagħad, f’każ ta’ talbiet ġustifikati, jagħmlu rakkomandazzjonijiet intiżi biex jissewwew dawk l-inġustizzji. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Grievance Unit tal-OPM, għaxar ħaddiema tal-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar ingħataw kumpens finanzjarju li jammonta għal €128, 494.58 (mija u tmienja u għoxrin elf, erba’ mija u erbgħa u disgħin ewro u tmienja u ħamsin ċenteżmu tal-ewro).
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti jew dokumenti pubbliċi oħra relatati dwar proġett li hemm il-ħsieb li jinbena fiż-żona (sit) ta' fejn hemm il-kumpless tal-Fieri fin-Naxxar? Fuq l-istess proġett, jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet konċernati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa – pjanijiet għall-problema tal-konġestjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar il-problema tal-konġestjoni kontinwa tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija konxja ta’ din is-sitwazzjoni u qed jiġi analizzat l-aħjar mod kif din il-problema tista’ tiġi ndirizzata.
Awtorità tal-Ippjanar — Abbozz tar-Regolamenti dwar billboards u reklami – sottomissjonijiet, kummenti u proposti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet, kummenti u proposti kollha li rċeviet l-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tar-Regolamenti dwar Billboards u Reklami, 2017, u li l-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika dwarhom, liema abbozz huwa maħsub sabiex jissostitwixxi l-Avviż Legali 103 tal-2016 u ċjoè r-Regolament tal-2016 dwar Billboards u Reklami?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqerdet mill-kuntrattur inkarigat mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta fit-twettiq ta' xogħlijiet ta' twessigħ ta' Triq in-Naxxar f'Ħal Lija u l-Iklin matul ix-xahar ta' Lulju 2017? Jista' jgħid ta' liema speċi kienu l-imsemmija siġar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta xi siġar ikollhom jitressqu minn posthom minħabba proġetti ta' titjib fis-sistema tat-toroq,Transport Malta tikkonsulta mal-awtoritajiet konċernati u anke tqabbad konsulenti botaniċi sabiex jiġi deċiż l-aħjar mod kif isir dan ix-xogħol. Fejn hu possibbli, is-siġar ma jinqerdux iżda jiġu mħawla f'post ieħor fl-istess inħawi.
Il-proġett tat-titjib ta' Triq in-Naxxar f'Ħal Lija u l-Iklin twettaq sabiex jittaffew id-diffikultajiet tat-traffiku u jitnaqqsu r-riskji ta' aċċidenti għas-sewwieqa, waqt li jnaqqsu t-tniġġis tal-arja fil-lokalitajiet tal-inħawi. F'dan il-proġett, kien hemm bżonn jiġu mċaqilqa seba' siġriet Quercus Ilex Holm Oak. Fuq parir tal-konsulenti speċjalizzati f'dan il-qasam, u bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet konċernati, ma kienx possibli li dawn is-siġar jerġgħu jiġu mħawla f'post ieħor.
Filwaqt li jsir kull attentat sabiex siġar imċaqilqa jiġu mħawla f'postijiet oħra, Transport Malta ntrabtet ukoll li għal kull siġra li tiġi mneħħija, jitħawlu tnejn oħra f'post tal-għażla tal-kunsilli lokali tal-lokalitajiet involuti.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - talbiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BORG, IAN)
It-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi li nieda l-Uffiċċju Konġunt minn wara Marzu 2013?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Uffiċju Konġunt ma ħareġ l-ebda skema bejn l-2003 u l-2008, bejn l-2008 u Marzu 2013, u ma ħareġ l-ebda skema anqas minn wara Marzu 2013.
Taqsima Proprjetà tal-Gvern – applikazzjonijiet ta’ fidi ta’ ċnus temporanji
Question
Jista’ l- Ministru jgħid kemm baqa’ applikazzjonijiet ta’ fidi ta’ ċnus temporanji tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern x’jiġu konklużi, inkluż dawk tal-Uffiċċju Konġunt separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ skemi ta’ fidì ta’ ċnus li nfetħu taħt amministrazzjonijiet oħrajn, fl-2002 u fl-2012, u li għal perjodu ta’ żmien l-istess Interpellant kien direttament responsabbli. Mill-ewwel skema hemm 271 applikazzjoni temporanja (kollha tal-Joint Office). Minn dik tal-2012 għad hemm 616 pendenti. Dawn tal-aħħar jinqasmu hekk: 546 tal-Joint Office u 70 tal-Lands.
Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tat-Trasport tirrimedja b'urġenza s-sitwazzjoni tal-Pont tal-Mistra li kompliet tiddeterjora speċjalment wara l-maltemp li seħħ fl-aħħar jiem peress li kull ġurnata li tgħaddi kull min jagħmel użu minn dan il-pont qed jinnota li l-periklu qed dejjem jiżdied?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif fuq il-pont bħala parti minn programm ta’ analizi u manteniment tal-istruttura li qed torganizza Transport Malta. Il-post qed jiġi spezzjonat minn esperti.
Triq li tagħti mill-promenade tax-Xemxija sal-Knisja tax-Xemxija – rranġar ta’ Triq
Question
Peress li bix-xita li għamlet fl-aħħar jiem il-kundizzjoni u l-istat tat-triq li tagħti mill-promenade tax-Xemxija sal-Knisja tax-Xemxija kompla jiddeterjora, jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Awtorità tat-Trasport sabiex b'mod immedjat isir xogħol u t-tiswijiet meħtieġa kif titlob is-sengħa, sabiex jiġu evitati perikli għas-sewwieqa u ħsarat bla bżonn għall-vetturi li jgħaddu minn din iż-żona?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir studju ta’ upgrading ta’din it triq imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tidħol fis-seħħ il-miżura mħabbra fil-baġit li vetturi kompletament elettriċi jkunu meħlusa mit-taxxa tar-reġistrazzjoni? F'dan il-kuntest sidien li rreġistraw dawn it-tip ta' vetturi fl-aħħar xhur se jkollhom refużjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni? Is-sidien li qed jistennew biex jirreġistraw dawn it-tip ta' vetturi se jingħataw iċ-ċans jiggaraxjaw il-vettura tagħhom sakemm il-miżura mħabbra fil-baġit dwar ħelsien mit-taxxa tar-reġistrazzjoni tidħol fis-seħħ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-miżuri tal-Budget mħabbra li vetturi kompletament elettriċi jkunu meħlusa mit-taxxa tar-reġistrazjoni ser tidhol fis seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, kif stabbilt fl-Att 174.
F'dan il-kuntest s-sidien li rreġistraw dawn it-tip ta' vetturi fl-aħħar xhur mhux ser jkollhom refużjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni għaliex l-miżura tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla. Kif jiġri kull meta jitħabbru l-miżuri tal-Budget, s-sidien li qed jistennew biex jirreġistraw dawn it-tip ta' vetturi jridu jistennew sakemm il-miżura mħabbra fil-baġit tidħol fis-seħħ.
Jista’ l-Ministru jelenka l-prezzijiet il-ġodda u kif kienu sa ftit ilu fir-Reġistru tal-Artijiet, biex takkwista site plan u informazzjoni dwar titolu ta' art?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda tariffi ġodda rigward talba għall-informazzjoni dwar titolu ta’ art u l-prezzijiet mitluba huma dawk stabiliti fil-Leġislazzjoni Sussidjara 296.01.