Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2024?
Familjari ta’ persuni li jkollhom kundizzjonijiet diffiċli u rari ta’ saħħa — Għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm wara li ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16058 dwar il-kundizzjoni ta' Muscular Dystrophy sabiex din il-kundizzjoni tiġi inkluża f'Schedule V biex ikunu eleġibbli għall-mediċini li huma approvati fil-formolarju? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk il-mediċini li ser ikunu/qegħdin fil-formolarju?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sar ix-xogħol preparatorju sabiex il-kundizzjoni ta’ ‘Muscular Dystrophy’ tiġi nkluża fit-Taqsima II tal-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Il-pass li jmiss hu li titressaq għall-attenzjoni tal-Kabinett.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct Orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2023
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Novembru 2023?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjani Attiva — Direct Orders ta' inqas minn €5,000 - Ġunju 2023
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw matul Ġunju 2023, mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2024?
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, jgħid kemm saru events organizzati mis-Segretarjat Parlamentari u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ jista’ jgħid ukoll:
(i) x’kienet it-tema;
(ii) kemm ġiet tiswa kull event;
(iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.);
(iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol;
(v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iħallas lill-għalliema Maltin u barranin tal-Iskola Medika Barts? Jekk le, jista' jgħid min qed iħallas lil dawn l-għalliema?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għalliema tal-Iskola Medika Barts intgħażlux b'call jew b’tender? Jekk b’call meta ġiet ippubblikata u jekk b’tender meta ġiet ippubblikata?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Raħal Ġdid — Triq il-Foss - Spezzjonijiet dwar l-indafa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet fuq l-istat ta’ ndafa li tinsab fih preżentement Triq il-Foss (Ditch Street), f'Raħal Ġdid, u jekk iva, x’passi ttieħdu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment relatat ma’ nuqqas ta’ ndafa fit-Triq indikata mis-sena li għaddiet sal-llum.
Minn wara li saret din il-mistoqsija parlamentari, uffiċjali mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali xorta reġgħu għamlu spezzjoni ġo din it-Triq iżda nstabet fi stat tajjeb ta’ ndafa u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jittieħdu xi passi ulterjuri.
Nappella lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi lment/i dan jgħaddihomli, ħalli d-dipartiment għas-Saħħa Ambjentali jkompli jinvestiga.
Sptarijiet u kliniċi privati li għamlu xogħol għall-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema sptarijiet u kliniċi privati għamlu xogħol għall-Gvern f'Malta u Għawdex matul is-snin 2022, 2023 u sa Ġunju 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont totali li tħallsu dawn l-isptarijiet/kliniċi u kemm huwa l-ammont dovut għal dan ix-xogħol għal kull wieħed u waħda minn dawn l-isptarijiet u kliniċi privati għall-perjodu indikat?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif jaf hu din hija informazzjoni ta’ natura kummerċjali. Dawn il-flus pubbliċi ntużaw sabiex il-pazjenti Maltin u Għawdxin ikunu jistaw jieħdu servizz effiċjenti u l-kura meħtieġa mingħajr ma jkomplu jistennew għal tul ta’ żmien, kif kien jiġri taħt gvern nazzjonalista.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti b’mod ġenerali? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti għadhom pendenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem il-Kunsill Mediku, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti b’mod ġenerali? Kemm minn dawn l-ilmenti għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm irċieva u pproċessa lmenti l-Kunsill Mediku minn Ġunju 2023?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list għal dawn l-interventi bħalissa;
i. MRI;
ii. CT Scan;
iii. Knee replacement; u
iv. Katarretti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
(a) Ninforma lill-Onor. Interpellant, illum hemm tliet MRIs fl-Isptar Mater Dei li jaħdmu kważi 24 siegħa kuljum, 7 tijiem fil-ġimgħa. F’dawn l-aħħar xhur, introduċejna ukoll MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Fix-xhur li ġejjin, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikollu magna ġdida u aktar avvanzata. Magni simili bħal din ser tiġi nstallata fir-Residenza San Vinċenz.
Bi pjaċir ninforma lill-Onor. Interpellant, il-Gvern qed jalloka €2.1 miljun extra għall-MRI twilight budget, liema ammont ser jiżdied fil-ġranet li ġejjin għal €3.8 miljun sabiex fejn is-soltu jsiru 375 MRIs extra fil-ġimgħa, din iċ-ċifra titla’ għal 600 extra fil-ġimgħa. Ta’ min jgħid li din li-inzjattiva se timbotta ċ-ċifra ta’ MRIs extra għal 31,200 extra fis-sena. B’riżultat ta’ hekk, huwa mistenni li fi żmien sena, il-ħinijiet kurrenti ta’ stennija jonqsu drastikalment.
Ninsab infurmat li bħalissa, hemm 158 persuni jistennew appuntament għall-MRI, u ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta’ raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż. Nassigura lill-Onor. Interpellant li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex dan isir.
(b) Għat-tieni mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tax-xhur ilu, nidejna investiment ta’ €400,000, biex sal-aħħar ta’ din is-sena madwar 3,000 CT scan se jkunu qed jiġu amministrati lill-pazjenti b’mard tal-kanċer u tal-qalb fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dawn ser isiru f’ħinijiet barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol. Ninsab infurmat li fil-preżent fl-Isptar Mater Dei, matul il-ħin normali tax-xogħol, isiru madwar 150 CT scan kuljum permezz ta’ tliet CT scanners, filwaqt li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex isiru madwar 150 CT scan fil-ġimgħa permezz ta’ CT scanner.
Ninsab infurmat, li bħalissa hemm 55 persuna jistennew CT Scan, li l-istennija tagħhom qabeż il-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għala l-perjodu nqabeż. Nassigura lill-Onor. Interpellant, li f’kull każ urġenti, CT Scan isir fi ftit jiem.
(c) Għat-tielet mistoqsija, ninsab infurmat li ngħataw aktar fondi sabiex minn Lulju ’l hawn bdew isiru extra sessions għall-knee u hip replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, extra sessions qed isiru kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u darba fil-ġimgħa extra fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. B’hekk l-1511-il pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, kif ukoll persuni oħra li jinħtieġu dawn l-operazzjonijiet, il-perjodu ta’ stennija dejjem ikompli jonqos.
(d) Għar-raba mistoqsija, ninsab infurmat ukoll li bħalissa hemm programm li bih minbarra l-operazzjonijiet li normalment isiru fl-isptarijiet tagħna, isiru 2,500 operazzjoni extra tal-kataretti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. B’hekk, it-367 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti, kif ukoll persuni oħra li jinħtieġu din l-operazzjoniji, il-perjodu ta’ stennija dejjem jonqos. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kull fejn ikun hemm każ urġenti, din l-operazzjoni ssir fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jużaw is-servizz tal-GU Clinic bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list għall-GU Clinic u x’inhi l-medja ta’ kemm-il pazjent tal-GU Clinic qed idumu jistennew bejn appuntament u ieħor (follow-up)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li attendew il-GU clinic minn Jannar sa Settembru 2024 huwa ta’ 3671 persuna.
Il-GU clinic tipprovdi appuntamenti għal-pazjenti skont il-proċess ta’ triage scoring, fejn id-deċiżjoni biex jingħata appuntament tiddependi mill-urġenza tal-każ. F’każijiet urġenti l-pazjent jingħata appuntament fi ftit jiem. Pazjenti li jiġu għal-konsultazjoni għal-medicina PREP u m’għandhomx sintomi jiġu mogħtija appuntament wara ġimgħatejn. Pazjenti oħra jingħataw follow-up appointments skont il-każ, ġeneralment bejn xahar u 6 xhur, dejjem skont il-parir tal-professjonisti.
Jista' l-Ministru jgħid min jiddeċiedi u kif jiġi deċiż f’liema home tmur persuna u jekk tmurx f’home tal-Gvern jew f’dar privata ssussidjata mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll jekk fl-allokazzjoni, jiġix ikkunsidrat il-post fejn se tkun toqgħod il-persuna u l-qarib l-iktar viċin tagħha li jista’ jkun anzjan ukoll u mhux neċessarjament isuq?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn naħa tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità, id-dħul fir-residenzi ta' kura jirrifletti r-riżultat ta' valutazzjoni medika mwettqa fuq l-individwu. Id-dħul isir ukoll skont id-disponibbiltà tas-sodod fir-residenzi ta' kura, irrelevanti jekk hux dar tal-Gvern jew dar privata ssussidjata mill-Gvern. Il-bord tal-ammissjoni jikkunsidra wkoll id-dħul fir-residenzi ta' kura fil-viċinanza tal-qraba biex ikun faċli għall-viżti. Madankollu, dan jiddependi fuq il-ħtiġijiet mediċi tal-individwu u d-disponibbiltà tas-sodod. Filwaqt, li l-proċess biex anzjan/a jidħlu bħala residenti f'San Vinċenz de Paul jinvolvi eżami mediku/assessjar minn tim multi-dixxiplinarju.
L-anzjani eleġibbli huma dawk li jiġi determinat li għandhom bżonn kura, attenzjoni u servizzi mediċi inter-dixxiplinarji iżjed regolari u allura jaqgħu f kategorija 1.
L-allokazzjoni tiddependi minn sodod vojta disponibbli skont il-bżonn kliniku. Jekk il-konjugi jkunu diġà residenti u l-persuna tkun applikat biex tidħol f'dar tal-anzjani, din tiġi aċċettata. Dejjem isir mill-aħjar biex l-anzjani jkunu flimkien iżda dan jiddependi mid-disponibiltà tas-sodod.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għall-Isptar Karin Grech? Kemm hemm pazjenti bħalissa fl-Isptar Karin Grech? Jista’ jgħid ukoll meta u fejn se jibdew jitqiegħdu dawn il-pazjenti waqt ix-xogħlijiet fl-Isptar Karin Grech?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet u ppjanar tas-servizzi tas-saħħa fejn il-qofol hu kif ser inkomplu ntejbu s-servizzi sabiex il-pazjent ikollu kura ħolistika u dejjem aħjar bil-prinċipju li jiggwidana jibqa’ dejjem “il-pazjent l-ewwel”.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar formularju tal-mediċini sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll meta kien ġie emendat l-aħħar il-formularju tal-mediċini?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma li l-Onor. Interpellant li kopja tal-aħħar formularju tal-mediċini qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-aħħar li ġie aġġornat kien f’Lulju 2024.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn se jitpoġġew il-ħaddiema barra mill-Isptar Mater Dei fejn huma l-uffiċċji fis-Swatar, jekk sarx xi ftehim dwar dawn l-uffiċini u kemm hemm ħaddiema b’kollox li se jkunu ċċaqalqu u minn liema dipartimenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema ser jitqassmu fi tlett sulari fl-ex HSBC Call Centre. Bħalissa hemm ftehim li qed jiġi negozjat. B’kollox hemm 180 ħaddiem li se jkunu qed jiċċaqalqu u dawn ġejjin mill-Amministrazzjoni li jinkludu Finanzi u Riżorsi Umani.