Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — dawl maqgħtuh

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Korporazzjoni Enemalta għandhiex xi sistema ċentrali li permezz tagħha jkun mgħarrfa lilha awtomatikament li xi toroq għandhom dwal maqtugħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li Enemalta m’ghandix sistema ċentrali li permezz tagħha jkun mgħarrfa lilha awtomatikament meta xi toroq ikollhom id-dawl maqtugħ.

Dawl pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li fejn mhemmx dwal pubbliku diġà stallati, dan id-dwal jiġi hekk istallat biex jiġi evitat li jibqagħlna toroq, kemm fl-irħula, kif ukoll f'dawk it-toroq arterjali, jibqgħu bla dawl bil-lejl?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proviżjoni ta’ dawl ġdid fit-toroq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali għal toroq ġol-irħula u tat-Transport Malta għal toroq arterjali.

Gozo Channel — Public Service Contract

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29303 u jgħid min huwa r-related party li flimkien miegħu il-Gozo Channel co. għamlet l-offerat biex tkompli topera is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim, jekk sar, bejn il-Gozo Channel Co u r-related party? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Gozo Channel Co – u msieħba oħra jekk hemm – dwar it-tmexxija tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt it-tender il-ġdida? Sar Public Service Contract mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Intrapriżi f'Malta u Għawdex — aktar minn 250 ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb minstoqsija parlamentari 29312 u jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar tal-2010 u fl-aħħar ta’ Settembru ta' din is-sena u li kienu jħaddmu minn 250 ħaddiem ‘il fuq?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar kemm kien hawn intrapriżi fl-aħħar tas-sena 2010 tinsab fit-tabella hawn taħt. Informazzjoni dwar kemm kien hawn fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena għadha qed tinġabar. Malta Għawdex Total 0-9 53,399 4,168 57,567 10-49 1,355 83 1,438 50 + 352 5 357 Nota: Il-kategorija 50-249 u 250+ huma miġbura taħt kategorija waħda (50+) minħabba kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

Mellieħa — Triq Dun Franġisk Sciberras - arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni Enemalta, jieħu l-passi neċessarji biex arblu tad-dawl, fuq bankina fi Triq Dun Franġisk Sciberras, il-Mellieħa, jitneħħa minn fejn qiegħed, għaliex issa ma fadalx użu għalih?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l- arblu li saret referenza għaliħ diġà tneħħa.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29424, 29210, 28886 u 28522 u ċioe: B’referenza għar-rapport li Malta rċeviet aktar minn €700 miljun f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea (taħt diversi fondi) bejn is-snin 2004 sa 2010, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat fuq liema proġetti ġew allokati dawn il-fondi? Jista' jagħti d-dettalji sena b’sena u kull proġett jiġi identifikat u tingħata l-ispiża fuq kull wieħed mill-proġetti li għalih dawn il-fondi ġew allokati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Inerpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

lukandi u r-ristoranti — soft loans

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija 29521 u jgħid kemm kienu l-lukandi u r-ristoranti li matul din is-sena bbenefikaw mill-iskema ta' soft loans immirata għall-proġetti li jnaqqsu d-dipendenza fuq enerġija tradizzjonali, u biex tiġi ġġenerata enerġija nadifa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi din l-iskema ġiet varata f’Mejju ta’ din is-sena, u sal-lum il-Malta Enterprise għadha ma rċevietx applikazzjonijiet mis-settur tal-ospitalità.

politika nazzjonali u tal-pjan t’azzjoni favur il-kultura tat-tifdil

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29523 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-politika nazzjonali u tal-pjan t’azzjoni favur il-kultura tat-tifdil, partikolarment fost it-tfal u ż-żgħażagħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Open Air Studio — produzzjonijiet tal-films f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ faċilità ta’ open-air studio għall-produzzjoni tal-films f'Għawdex? X’kienet l-ispiża magħmula s'issa fuq dan il-proġett sena b’sena b’mod separat, fl-2008, 2009 u 2010? Hemm data ta’ meta dan il-proġett se jkun lest?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Lotterija Nazzjonali — privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relattivi għar-rikjesta għall-privatizzazzjoni tal-Lotterija Nazzjonali (15 ta' Mejju 2001)? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumentazzjoni relattiva għall-Information Memorandum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal Kamra, Kopja tat-Talba għall-Proposti u l-Information Memorandum li kienu nħarġu fil-15 ta’ Mejju, 2011 għall-Privatizzazzjoni tal-Lottu Pubbliku.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28203 u jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Ħali - żbroff tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28849 u jagħti struzzjonijiet sabiex ttieħed l-azzjoni kollha meħtieġa sabiex problema frekwenti ta' żbroff ta' drenaġġ fi Triq Ħali Ħaż-Żebbuġ tiġi rimedjata kemm jista' jkun malajr?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà ħadet ħsieb din problema, li kienet ikkawżata minn blockage fis-sistema tad-drenaġġ f’din l-akkwata. Din l-operazzjoni ħadet numru ta’ siegħat minħabba n-natura tal-blockage fil-kanen tad-drenaġġ. Dan il-blockage kien jikkonsisti fi żjut u xaħmijiet li għaqdu kollha flimkien. Ta’ min jgħid li mhux suppost li jintremew dawn il-materjali fis-sistema tad-drenaġġ. Il-korporazzjoni żammet kuntatt mal-Kunsill Lokali dwar l-inċident u wkoll ħadet ħsieb li tnaddaf it-triq u madwar wara li l-blockage tneħħa.

Art għal skopjiet agrikoli

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27449, jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender committee ikkunsidrax il-possibilità li din l-art li fil-maġġor parti tagħha kienet kultivabbli, tingħata b'ċens għal 50 sena għal skopijiet agrikoli? Tista' din allura tintuża għal xi skop ieħor jew tispiċċa tiġi negozjata ma' terzi għas-snin taċ-ċens? F'din l-eventwalità l-kuntratt se jagħamel xi tip ta' kundizzjoni li l-gvern jiġi kumpensat?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28667.

Sistema Lemis

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27494, jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ġiet imħabbra l-introduzzjoni tas-sistema Lemis? Jista' jgħid min hu l-konsulent fid-Dipartiment fuq din is-sistema? Kemm qed jitħallas? Kif ġie mqabbad? Jista' jgħid x'differenza hemm bejn l-ewwel fażi tal-Lemis kif deskritta minnu fit-tweġiba u s-sistema komputerizzata li qiegħed preżentament juża d-Dipartiment?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28669.

Proċeduri fuq fond li ilu li ġie akwizizzjonat

Question

Jaf il-Ministru li l-fond li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament ilu li ġie akkwiżizzjonat żmien twil ilu? Jaf li sal-lum għadu ma tħallas l-ebda kumpens lill-eredi tal-persuna konċernata? Jista' jindika jekk kenitx ħarġet ordni to treat fuq il-fond in kwistjoni u jekk fl-affermattiv jindika f'liema stadju waslu l-proċeduri? Jekk fin-negattiv, jista' jispjega għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li dan il-fond kien esproprjat permezz tal-Avviż Nru 255 tal-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta’ April 1973, taħt titlu ta’ Pussess u Użu. Kien ġie konkluż kuntratt mas-sidien fis-19 ta’ Frar 1975, fejn dawn bdew jitħallsu kera ta’ akkwist kull sitt xhur. Dan il-pagament għadu jitħallas sal-lum. Hija l-intenzjoni tad-dipartiment illi jakkwista din il-proprjetà u oħrajn simili billi tiġi kkapitaliżżata l-kera ta’ akkwist skont it-termini ta’ l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88).

Arms Ltd — Sospenzjoni tas-servizz tal-provvista tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-kontijiet kummerċjali li s-servizz tal-provista tad-dawl u l-ilma tagħhom kienu sospiżi min-naħa tal-Arms Limited minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kontijiet kummerċjali li s-servizz tal-provvista tad-dawl tagħhom ġiet sospiża minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju, 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu, 2011 kien ta’ 155. Minn dawn, 76 ġew mogħtija lura s-servizz.

Kontijiet domestiċi — qtugħ fil-provvista tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li kellhom kontijiet domestiċi li s-servizz tal-provista tad-dawl u l-ilma tagħhom kienu sospiżi min-naħa tal-Arms Ltd minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kontijiet domestiċi li s-servizz tal-provvista tad-dawl tagħhom ġiet sospiża minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju, 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu, 2011 kien ta’ 242. Minn dawn, 145 ġew mogħtija lura s-servizz.

Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex — item of expenditure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex għas-sena 2010 u sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba, jiġifieri n-nefqa taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex għas-sena 2010 u sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, qegħdha tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex — virements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’virements saru taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.