Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni tal-wens

Question

Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' persuni li jirċievu l-pensjoni tal-wens f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li jirċievu Pensjoni tal-Wens f’Malta hu ta’ 126 filwaqt li f’Għawdex hemm 15.

Finanzi li l-Gvern jagħti lill-PBS

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20080, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji dwar kif tqassmu l-finanzi li l-gvern jagħti lill-Public Broadcasting Services taħt il-PSO u EPSO kif sar drabi oħra għas-snin 2008, 2009 u 2010? Tista' tagħti l-informazzjoni dwar liema programmi bbenefikaw, peress li dawn huma flus il-poplu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli lokali — korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-dipartiment tal-gvern lokali qed iċaħħad lill-kunsilli lokali milli jorganizzaw courses bħal bizzilla, ganutell, filugranu eċċ. fl-uffiċini tal-kunsilli lokali b'għalliema li jkunu mqabbda mill-istess kunsill minħabba dawk provduti mill-gvern f'xi ċirkostanzi ma kenux tajba ħafna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għalliema għall-korsijiet bħal bizzilla, ganutell u filugranu fl-uffiċini tal-Kunsilli Lokali ma jiġux organizzati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — Bord tal-Gvernaturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19605 u għat-terms of reference tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, tista' l-Ministru tgħid minn huwa/hija d-Director of Studies msemmi fl-istess terms of reference - meta nħatar/nħatret u jekk saritx sejħa għall-applikazzjonijiet biex tingħata din il-ħatra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm il-kariga ta’ Director of Studies tidher fit- Terms of Reference , mis-sena 2000 qatt ma kien hemm persuna speċifika li tokkupa din il-kariga. Kien id- Deputy Director li assuma r-responsabbilta. Dan l-aħħar ħarġet sejħa għal din il-kariga u bħalissa hemm il-proċess tal-għażla għaddej.

setturi privati li kkontribwixxew b'impjiegi ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu dawk is-setturi privati li kkontribwixxew b'impjiegi ġodda bejn Settembru 2009 u 2010 rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna supplimentari

Question

Tista' l-Ministru tgħid, illum kemm hu n-numru ta' familji li jirċievu l-għajnuna supplimentari f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ familji li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari f’Malta hu ta’ 21,440 filwaqt li f’Għawdex hemm 2,204.

Kindergarten Assisstants

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma: a) Kemm kien hemm applikanti li irrispondew għall-aħħar sejħa ta' ingaġġ għall- kindergarten assistant? b) Kemm minnhom kellhom ir-rekwiziti meħtieġa għal post? ċ) Kemm minnhom fil-fatt intagħżlu u f’liema grad ddaħħlu (KGA I u KGA II)? d) Jekk daħlux applikanti bħala supply kindergarten assisstants u jekk iva, għaliex ma ġewx ingaġġati bħala kindergarten assisstants1 jew kindergarten assisstants 2 ġaladarba kienu jilħqu r-rekwiżiti meħtieġa? e) Teżiti xi tip ta' waiting list ta' persuni li jixtiequ jaħdmu bħala kindergarten assisstants1 u kindergarten assisstants2 u jekk iva kemm hi twila din il-lista? f) Jekk hux il-ħsieb tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni illi jibqa joħroġ sejħiet għall-kindergarten assisstants2 anke wara l-2015 meta se jibda jintalab grad akkademiku (ECEC teacher) kif miftiehem fl-aħħar ftehim kollettiv Gvern-MUT? Jekk le, x'se jsir mill-istudenti illi bħalissa qed jistudjaw għad-diploma MCAST-BTEC National Diploma in Children's Care, Learning and Development? g) Hux il-ħsieb illi wara l-2015 il-kindergarten assisstants2 u l-ECEC teachers ikunu kumplimentari ta’ xulxin jew hux il-ħsieb li gradwalment il-post ta kindergarten assisstants2 (u I) eventwalment jispiċċa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: a) Kien hemm 159 applikanti li rrissipondew għall-aħħar sejħa ta’ ingaġġ għal Kindergarten Assistant . b) Kien hemm 85 li kellhom ir-rekwiżiti meħtieġa għall-post. ċ) Minn dawn għaddew 45 li kollha sa jiġu ingaġġati bħala Kindergarten Assistants II . d) F’Jannar ta’ din is-sena daħlu numru ta’ Supply Kindergarten Assistants . Dawn ġew ingaġġati temporanjament sakemm ġiet pproċessata s-sejħa għall- Kindergarten Assistants II . e) Ma teżisti ebda waiting list ta’ persuni li jixtiequ jaħdmu bħala Kindergarten Assistants I jew Kindergarten Assistants II . Jeżistu biss ir-riżultati tas-sejħiet. f) Kif stipulat fil-ftehim bejn il-Gvern u MUT f’Awwissu 2010, fis-sena 2015 il-vakanzi li jkun hemm fil-livell tal-Kindergarten jibdew jimtlew minn għalliema u ma jibqgħux jigu mpjegati Kindergarten Assistant II. Dan ġie ddikjarat fis-sena 2007 sabiex kull student li huwa nteressat li jaħdem f’dan is-settur ikun jista’ jagħżel korsijiet skond il-livelli meħtieġa għar-reklutaġġ. g) Wara s-sena 2015 kull vakanza li jkun hemm fil-livell ta’ Kindergarten tibda timtela’ mill-għalliema ECEC. Kindergarten Assistants li diġa’ huma fl-impjieg iżommu posthom, imma l-postijiet ta’ dawk li jirtiraw jew jitilqu mill-impjieg jiġu mimlijin minn għalliema ECEC.

miżura — għotja ta' flus lill-pensjonanti tas-servizzi

Question

Tista' l-Ministru tinfurmani kemm se tiswa l-miżura mħabbra fil-budget, fejn €200 se jiġu mogħtija bħala kura lill-pensjonanti tas-servizzi? Kemm se jibbenfikaw nies minn din il-miżura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont id-diskors tal-estimi għas-sena 2011 kull pensjonant li jirċievi wkoll pensjoni tas-servizz se jkollu €200 oħra mhux kunsidrati meta ssir stima mill-ġdid tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali. B’hekk il-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali ta’ dawn il-pensjonanti tiżdied. L-ispiża totali ser tilħaq madwar €1.3 miljuni u b’din il-miżura se jgawdu madwar 6,200 pensjonant.

Kampus tal-MCAST — żvilupp

Question

B'referenza għall-iżvilupp komprensiv propost għall-Kampus tal-MCAST f'Kordin, tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jiġi jqum l-iżvilupp kollu ppjanat b'mod dettaljat billi tagħti kull blokk u istitut li se jinbena kemm hu maħsub li se jiswa? Kemm minnu hu maħsub li se jkun finanzjat minn fondi Ewropej u fondi lokali? X'inhuma s-sejħiet għall-offerti li qegħdin jiġu ppreparati bħalissa filwaqt li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra Project Plan dettaljat ta' kif hu maħsub li se jsir l-iżvilupp fis-snin li ġejjin xahar b'xahar, sena sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istima ta’ kemm se jiġi jqum l-iżvilupp kollu propost għall-Kampus tal-MCAST f'’Kordin kienet ingħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 10501. L-ewwel fażi tal-Proġett se tikkonsisti minn dan li ġej :- · Students Facilities Block – Block F · Institute of Business and Commerce – Block D · Institute of Applied Sciences – Block J · Underground Car Park (li jiġi taħt il- futbol ground eżistenti) L-istima ta’ spiża fuq dawn it-tliet binjiet hi ta’ €21,782,217 li hi mqassma kif ġej: Construction: Block J and D: €3,189,120 Construction: Block F €1,235,551.39 Construction: Car Park: €7,659,488.61 M & E: Block J and D: €4,813,091 M & E: Block F: €2,894,166 M & E: Car Park: €236,000 External Areas and Enemalta: €1,754,800 b) Huwa maħsub li l-ammont ko-finanzjat minn fondi Ewropej għall-ewwel fażi tal-proġett hu €9,658,532. c) Is -sejħiet għall-offerti li qegħdin jiġu ppreparati bħalissa huma għal: · L-iskavar tas-sit u l-kostruzzjoni tal-binjiet imsemmija hawn fuq · L-istallazzjoni tas-servizzi Mekkaniċi u Elettriċi Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il- Project Plan ta’ l-ewwel fażi tal-Proġett.

Divizjoni tal-Edukazzjoni — għalliema u ħaddiema aggrediti waqt ix-xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sarux rapport ta’ għalliema u ħaddiema oħra fid-Divizjoni tal-Edukazzjoni li ġew aggrediti waqt ix-xogħol tagħhom fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena? X’passi ttieħdu f’kull każ? Kemm kienu r-rapporti s-sena li għaddiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2010 kien hemm tlett każijiet : i) każ li għadu pendenti l-Qorti bejn żewġ għalliema f’iskola f’Għawdex. ii) każ ta’ Supply Learning Support Assistant li tressaq il-Qorti u ngħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiża għal sentejn. L-inċident kien seħħ barra mill-iskola. iii) każ bejn Chairwoman u Kap ta’ Skola. Il-każ se jitressaq quddiem Bord ta’ Dixxiplina fil-futur qrib. Fis-sena 2009 kien hemm żewġ każijiet: i) każ ta’ dixxiplina kontra General Hand f’inċident mal-Kap ta’ l-iskola. Huwa ġie sospiż għal ħamest ijiem u ii) każ pendenti l-Qorti ta’ General Hand li ħebb għas-Surmast ta’ l-Iskola.

Pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhija l-medja ta' pensjoni li għandhom il-pensjonanti Maltin kull xahar? Kemm hemm min jaqla' iktar minn din il-pensjoni u kemm hemm persuni bħala numru li jaqilgħu inqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-medja ta’ pensjoni kontributorja tal-irtirar li jirċievu pensjonanti Maltin kull erba’ ġimgħat tammonta għal €501 u n-numru ta’ pensjonanti li jaqilgħu iżjed huwa ta’ 25,416 filwaqt li n-numru ta’ pensjonanti li jaqilgħu inqas hu ta’ 27,597. Tajjeb nispjega li hemm diversi raġunijet għaliex hemm numru ta’ pensjonanti li jriċievu inqas mill-medja ta’ pensjoni msemmija, fosthom: 1. Il-pensjonant ikun qiegħed jirċievi pensjoni tas-servizz; 2. Il-pensjonant ikun qiegħed jirċievi pensjoni minn xi pajjiż barrani li Malta għandha ftehim bilaterali miegħu fuq is-Sigurtà Soċjali jew minn xi stat membru fl-Unjoni Ewropeja; 3. Il-pensjonant ma jkunx ħallas il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali u għaldaqstant ma jissodisfax it-test tal-kontribuzzjonijiet kif stabbilit mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Inżid ukoll u nagħmilha ċara li dawk il-pensjonanti li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux ħallsu il-massimu ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u għaldaqstant jirċievu pensjoni kontributorja baxxa, ikollhom dritt ukoll għal rata ta’ pensjoni tal-età mhux kontributorja.

ETC — figura rigward l-Impjant ta' Sant Antnin

Question

Tista' l-Ministru tgħarraf lill-Kamra permezz ta’ figuri f’idejn l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fir-rigward tal-impjant ta’ Sant Antnin kemm hemm: a) ħaddiema li qed jaħdmu mal-kuntrattur, u jekk iva, kemm u ma liema kuntrattur flimkien ma x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu; b) ħaddiema li qed jaħdmu direttament mal-Wasteserv; ċ) ħaddiema tal-privat seconded mal-Wasteserv filwaqt li għadhom fuq il-kotba tal-kumpaniji privati li kienu jaħdmu magħhom; u d) minn dawn kollha li jaħdmu full-time u/jew part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li żżomm l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig, sal-aħħar ta’ Settembru 2010 l-Wasteserve kienet timpjega 69 persuna. Minn dawn 49 huma mpjegati full time filwaqt li 20 persuna huma impjegati part time. Fir-rigward tal-mistoqsijiet (a) u (ċ), l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħrig ma għandiex informazzjoni dwar min hu l-kuntrattur jew il-ħaddiema tal-privat sekondati mal-Wasteserve. Għaldaqstant, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi dawn il-partijiet tal-Mistoqsija lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

studenti li ħarġu tqal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fis-sena skolastika 2009-2010 kemm kienu l-każijiet rrappurtati lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ta’ student li ħarġu tqal? Tista' tgħid jekk minn dawn baqgħux jattendu l-iskola jew le, kenux fis-sekondarja, terzjarja eċċ., u x’għajnuna ngħataw dawk li baqgħu l-iskola? Kemm kienu r-rapporti li saru fis-sena ta’ qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

rapporti ta’ assentejiżmu ta’ studenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fis-sena skolastika 2009-2010 kemm kienu r-rapporti ta’ assentejiżmu ta’ studenti fil-primarja u fis-sekondarja u kif dan jipparaguna mas-sena skolastika ta’ qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rapporti ta’ assentejiżmu għas-snin 2008-2009 u 2009-2010 hu kif ġej: Skejjel Sena Skolastika 2008-2009 Sena Skolastika 2009-2010 Primarji 293 268 Sekondarji 1,115 899 Total: 1,408 1,167 L-istatistika turi li kien hemm tnaqqis fil-kazi ta’ individwi fis-sena skolastika 2009 u l-2010 minn dik preċedenti. Matul din is-sena skolastika (2010-2011) qed nipprevedu li n-numru jibqa’ jonqos peress li kull kulleġġ qed jibbenfika mis-servizz tas- social workers u l-għan prinċipali tax-xogħol tagħhom hu bbażat fuq l-assentejiżmu.

persuni li d-dħul tagħhom hija l-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex kollu li l-uniku dħul li għandhom huwa minn xi pensjoni? Kemm hawn minn dawn il-persuni u liema tip ta' pensjoni hija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment mhux f’posizzjoni li jgħid kemm huwa in-numru ta’ persuni li l-uniku dħul tagħhom huwa il-pensjoni jew il-benefiċċju li qegħdin jirċievu, peress li din l-informazzjoni ma tasalx għand id-Dipartiment.

Għajnuna soċjali mwaqqfa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna fuq għajnuna soċjali twaqqfilha dan il-benefiċċju fl-aħħar sentejn u nofs? Tista' tagħti din l-informazzjoni: a) xahar b'xahar; b) lokalità b'lokalità; ċ) skont l-age group; u d) skont in-natura tal-marda kronika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni dwar n-natura tal-marda kronika ma tinżamx.

Rata tal-kambju ġusta

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li ssegwi r-rakkmandazzjoni tal-Ombudsman, ( l-każ No J 0186) dwar rata ġusta tal-kambju mal-isterlina għall-persuni li jieħdu pensjoni mis-Servizzi Ingliżi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi r-rakkmandazzjoni ta’ l-Ombudsman se titressaq għal kunsiderazzjoni fid-diskussjonijiet u studji li għaddejjin fir-rigward tar-riforma tas-sistema pensjonistika. Deċiżjoni finali tittieħed fid-dawl tar-riżultati ta’ dawn l-istudji.

Lift stallat — sistema three phase

Question

Billi xi xhur ilu kont ġejt mgħarraf li l-lift li ġie stallat fil-post li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament kellu jibda jaħdem sa tmiem Lulju, tista' l-Ministru tieħu passi flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta peress li l-lift għadu mhux qed jaħdem, possibilment minħabba xi problemi marbutin mal-istallazzjoni tas-sistema three phase – aktar u aktar billi fil-block hemm residenti, fosthom wieħed ta’ 'l fuq minn 80 sena li għandhom aktar minn 40 tarġa x’jitilgħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-istallazzjoni tal-lift fil-blokk imsemmi tlestiet u f’Settembru ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Enemalta sabiex jiġi nstallat is-servizz ta’ Three Phase. Il-progress ta’ din l-applikazzjoni qed tiġi segwita ma’ l-Enemalta mill-kuntrattur tal-lift kif ukoll mill-Awtorità tad-Djar.

inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rappurtati fuq il-post tax-xogħol matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu fis-settur privat u f'liema oqsma industrijali eċċ.? Kemm kien in-numru ta' nies, rġiel u żgħazagħ li sofrew dawn l-inċidenti? Kemm minnhom irriżultaw f'diżabilità permanenti u/jew fatali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20312, fejn intalbet l-istess informazzjoni.

Ommijiet xebbiet li jieħdu xi benefiċċju soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' ommijiet xebbiet reġistrati li jieħdu xi forma ta' benefiċċji mad-Dipartimenti tas-Sigurtà Soċjali f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minn dawn l-ommijiet kienu ta' nazzjonalità barranija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ ommijiet xebbiet li jieħdu l-Għajnuna Soċjali għal ġenitur waħdu, l-allowance tat-tfal u l-allowance tat-tfal b’rata fissa hu kif jidher fit-tabella: Benefiċċju Malta Għawdex Total Ommijiet b'Nazzjonalita' barranija Allowance tat-tfal 4,027 130 4,157 18 Allowance tat-tfal b’rata fissa* 111 2 113 3 Għajnuna Soċjali għal ġenitur waħdu 2,716 77 2,793 7 Total 6,854 209 7,063 28 *Dawk li għandhom dħul annwali ta’ aktar minn €23,923.