Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport pubbliku – Dedicated lanes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm il-ħsieb li jiġu introdotti dedicated lanes biex minnhom ikun jista’ jgħaddi s-servizz tat-trasport pubbliku biex dan is-servizz ikun aktar effiċjenti u affidabbli, u b'hekk aktar persuni jitħajru jużaw dan il-mezz tat-trasport alternattiv għal karozza privata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità qiegħda tevalwa kull miżura possibli sabiex tkun tista’ twettaq pjan ħolistiku biex aktar persuni jitħajru jużaw it-trasport pubbliku u mezzi oħra tat-trasport alternattiv.

San Pawl il-Baħar – Transport Malta – ħruġ ta’ permessi billejl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx permessi, inkluż għal għeluq ta' toroq billejl, matul is-sena 2024 fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista' jgħid meta nħarġu l-permessi, fejn inħarġu l-permessi, f'liema ġranet u ħinijiet inħareġ kull wieħed minn dawn il-permessi, għal liema xogħol inħareġ il-permess u x'kienet ir-raġuni li dan ix-xogħol sar billejl u mhux filgħodu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ permessi li ħarġu sad-data ta’ llum għal xogħolijiet f’toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Rigward ġranet u ħinijiet li jkun qed isir ix-xogħol, dawn jiġu determinati għal kull każ separat u skont il-ħtiġijiet partikolari sabiex ikun hemm l-inqas inkonvenjent possibbli meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha inkluż dawk tal-immaniġġjar tat-traffiku.

Transport Malta – Resident Priority Parking

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema lokalitajiet għandhom applikazzjoni pendenti ma' Transport Malta għal Resident Priority Parking? Għal kull lokalità, jista’ jgħid liema toroq ġew inklużi fl-applikazzjoni u x'qed jiġi propost għal kull lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għaddejja b’diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li minn naħa tagħha qiegħda tieħu ħsieb tikkomunika ma’ dawn il-Kunsilli Lokali li juru nteress għal sistema ta’ Residential Parking Scheme.

San Pawl il-Baħar – Trasport pubbliku – Rotot

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma r-rotot tal-linja li jservu ċ-ċentru ta' San Pawl il-Baħar (u allura jgħaddu minn Triq San Pawl u Triq Parades) minn/lejn Mater Dei? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-frekwenza ta' dawn ir-rotot?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mit-toroq imsemmija r-rotta 250 tgħaddi konnessjoni diretta lejn/minn l-Isptar Mater Dei. Din topera bi frekwenza ta’ kull siegħa.

Il-Mosta — Triq il-Kappella tal-Militar - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq Triq il-Kappella tal-Militar ġewwa l-Mosta u meta ntemm? Jista’ jgħid ukoll kemm kien proġettat li ser jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm effettivament ġew jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Mosta m’hemmx triq bl-isem ta’ Triq il-Kappella tal-Militar.

L-Imġarr — Triq Sir Harry Luke - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbdiet it-tieni fażi ta’ xogħlijiet ġewwa Triq Sir Harry Luke fl-Imġarr u meta ntemmu dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll kemm kien proġettat li ser jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm effettivament ġew jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tieni fażi ta’ xogħlijiet bdiet fis-17 ta’ Ottubru, 2023, u bħalissa tinsab għaddejja t-tlestija tas-saff finali tal-asfalt u l-bini tas-soakaway għadhom pendenti, u qed nistennew jasal il-materjal meħtieġ sabiex din tiġi konkluża. L-ispiża prevista tax-xogħlijiet kollha hija ta’ EUR 750,000.

Transport Malta — Cyber-attack fuq is-servers - Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18747 u jgħid x'irriżulta mill-investigazzjoni li saret fuq is-cyber-attack li kien ġie rappurtat li sar fuq is-servers ta' Transport Malta f'Ottubru 2020? Jista' jgħid ukoll kienx ġie determinat jekk intilfitx jew insterqitx data jew le f'dan l-attakk?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jidhirx li kien hemm xi data li ntilfet jew ġiet misruqa. Madankollu min-naħa tal-Awtorità saru diversi bidliet mil-lat teknoloġiku fejn inxtara tagħmir elettroniku ġdid, diversi sistemi għaddew taħt il-MITA, u numru ta’ servizzi relatati mal-informatika bdew jiġu offruti tramite l-istess MITA. It-tim tal-ICT issaħħaħ ukoll b’iktar individwi li jispeċjalizzaw fis-sigurtà kemm tas-sistemi kif ukoll tan-networks.

San Pawl il-Baħar – Żona Tal-Għażżenin – Aċċess għall-Bajja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19009, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u li issa ġiet referuta lilu, u ċjoè: Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aċċess sigur lejn il-bajja fiż-żona magħrufa Tal-Għażżenin, San Pawl il-Baħar, hekk kif, fost affarijiet oħra, it-taraġ jenħtieġlu manutenzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tidentifika għal liema taraġ qed tirreferi.

Geological Maps tal-Gżejjer Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul dawn l-aħħar 10 snin sarux xi tibdiliet fil-Geological Maps tal-gżejjer Maltin? Jekk iva, għal liema raġuni sar dan it-tibdil, fuq liema parametri u min għamel dan it-tibdil?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Birżebbuġa – spazji pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi identifikat xi spazju fil-Qajjenza, Birżebbuġa biex isir ġnien pubbliku u bandli u jkunu jistgħu jitgawdew mir-residenti ta' din iż-żona?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Birżebbuġa — Wied il-Buni - Irmiġġi

Question

Minħabba manuvrar ta' tugboats f'Wied il-Buni, jista’ l-Ministru jikkonferma li Transport Malta mhux ser tħalli min jorbot id-dgħajsa tiegħu mal-mażżri f'Wied il-Buni, fejn preżentement hemm min qiegħed iħallas il-kera tal-mażżra lil Transport Malta stess? Jekk dan hu fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk min għandu mażżra f'Wied il-Buni u mhux ser ikun jista’ jużaha, hux ser jingħata xi mkien ieħor fejn ikun jista’ jorbot id-dgħajsa tiegħu b'moħħu mistrieħ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Test tas-sewqan — Rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jistgħux isiru rotot stabbiliti li fihom isir it-test għas-sewqan ta' vetturi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Awtorità qiegħda tagħmel analisi tal-proċeduri kollha fid-dipartiment ikkonċernat, u fix-xhur li ġejjin tħabbar it-tibdiliet meħtieġa, fosthom ir-rotot.

Test tas-sewqan — Recording

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jistax jiġi rrekordjat il-ħin fuq il-camera meta jsir it-test tas-sewqan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għamlet l-istudji preliminari kollha sabiex jiġi attwat recording fil-vetturi waqt it-test tas-sewqan. Saru wkoll taħdidiet mal-uffiċċju tal-protezzjoni tad-data, u xi diskussjonijiet mal-unions ikkonċernati f’dan ir-rigward. Fil-jiem li ġejjin ser ikomplu d-diskussjonjiet neċessarji.

Test tas-sewqan — Marki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx standard bażiku ta' kif jingħataw il-marki fit-test tas-sewqan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tikkonferma li hemm standard u gwida ta’ kif jingħataw il-marki fit-test tas-sewqan u dan skont il-proċeduri stabbiliti.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Artikli u opinjonijiet fuq gazzetti - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq artikli u opinjonijiet fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn l-artikli, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara artiklu? Jista' jindika wkoll liema minn dawn l-artikli kienu intervisti jew rapporti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant ma ntefqu l-ebda flus fuq Artikli u opinjonijiet fuq Gazzetti.

Għawdex — Trasport pubbliku - Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju speċifiku dwar it-trasport pubbliku ġewwa Għawdex biex jiġu stabbiliti rotot u frekwenza aħjar tat-trasport pubbliku sabiex ikun aktar effiċjenti? Jekk iva, jista’ jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru, twettqu s’issa u fiex kienu jikkonsistu? Jista jgħid ukoll x’rakkomandazzjonijiet oħra hemm ippjanati li jiġu imwettqa minn issa sal-aħħar tas-sena 2024 u fiex se jkunu jikkonsistu?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Intepellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13417.

Parkeġġi personalizzati — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bħalissa applikazzjonijiet għall-parkeġġ personalizzat għal persuni bi problemi ta' mobbilità humiex iffriżati? Jekk iva, jista' jgħid x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sakemm ma jkunx hemm tibdil fil-kriterji, il-proċess ta’ applikazzjonijiet għall-parkeġġi riservati qegħdin ikunu proċessati skont il-kriterji indikati fl-istess applikazzjoni. 1) Utent abitwali tas-siġġu tar-roti 2) Imġiba Inkontrollabbli

Lukandi – parking bays, loading u unloading bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx obbligu jew policy li tispeċifika jekk lukandi jkollhomx parking bay jew un/loading bay quddiemhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy rigward il-parking bays.