Legislature:
Category:
Reset
Active:

Operatur fil-qasam tat-trasport – ħruġ ta’ liċenzja – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar ir-raġuni li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament la qiegħed tinħariġlu liċenzja bħala operatur fil-qasam tat-trasport u lanqas qed jingħata l-possibiltà li jġedded liċenzja bħal din?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ninsab infurmat li sabiex il-persuna indikata tinħariġlu liċenzja bħala operatur fil-qasam tat-trasport għandu jissodisfa l-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba. Jiena nfurmat ukoll li l-Awtorita’ għat-Transport f’Malta diġa’ nfurmat lil persuna ndikata permezz ta’ ittra datata 5 ta’ Frar 2021, għaliex mhux ser toħroglu l-liċenzja ta’ operatur.

Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun – toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il triq saret mill-ġdid jew sar titjib fiha fil-lokalitajiet ta' Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun mill-2017 sal-lum? Liema toroq fl-istess lokalitajiet huma proġettati għal titjib infrastrutturali sa tmiem l-2023?

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Fl-2020, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. B’hekk, minn meta lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019 tat bidu għall-programm t’investiment ta’ €700 miljun biex ittejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fil-pajjiż, l-aġenzija bniet mill-ġdid mal-285 triq residenzjali biex eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn it-toroq qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom. Fis-sentjen li għaddew, għamlet ukoll xogħlijiet f’aktar minn 230 triq rurali. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra. Fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Santa Marija, Triq il-Gudja, Triq iż-Żejtun, Triq Ġammari Dalli, Triq Valletta, Dawret Ħal Għaxaq, Għaxaq ByPass, Triq ġdida fi Triq Barklor, Triq Ġuċeppi D'Arena, Triq bla isem fl-inħawi t’Għar Dalam, Triq bla isem ħdejn Triq l-Avjazzjoni, Triq tal-Andar, Triq Kalamija, Sqaq tal-Ġebel, Sqaq Wilġa u Triq il-Fortizza ta' Karag. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet fi Triq l-Ewwel ta’ Jannar 1626, Triq il-Merill u Trejqet Santu Kristu, waqt li hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet fi Triq Tal-Ġewwinija, Triq Dun Mattew Schriha, Triq il-Labour, Triq Gebelin, Triq tal-Qattus, Triq Dun V Scicluna Hernandez, Triq Dun Marcell Mallia u Triq Tgeżwira. Fil-lokalità ta’ Marsaxlokk diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Axtart, Triq iż-Żejtun, Triq Il-Kavallerizza, Triq il-Patrijiet Tereżjani, Triq ġdida fi Triq Tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq l-Avukat Carmelo Caruana), Triq Duncan, Triq ġdida fi Triq Tas-Silġ (fil-viċinanzi ta’ Triq Abdosir), Triq l-Għoljiet Ta’ Guno, Triq it-Torri, Triq bla isem ħdejn Triq it-Torri u Sqaq Umbrella. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet fi Triq Xrobb l-Għaġin, waqt li hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet fi Triq Għajn Osiris u Triq 8 ta’ Mejju. Fil-lokalità ta’ Masrskala diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Frans Grech, Triq il-Qrempuċ, Triq Thomas Ashby, Triq Patri Wistin Born, Triq il-Lampuka, Triq il-Buttar, Triq ġdida fi Triq il-Buttar, Triq il-Vjola, Triq il-Kavallieri ta’ Malta, Triq il-Wiesgha, Triq Btieti, Triq La Sengle u Triq Rumi. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet fi Triq il-Qaliet, Triq Gardiel, Triq San Ġwakkin, Triq ir-Ridott u Triq il-Bajja ta' San Tumas, waqt li hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet fi Triq l-Iskal, Triq Giuseppe Zammit, Triq ¯onqor, Triq Naspli, Ta’ Monita u Triq il-Magħluq. Fil-lokalità taż-Żejtun diġà nbnew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Ħabb il-Qamb, Triq Alfred Cachia Zammit, Triq Bormla (Taċ-Ċawsli), Sqaq Numru 1 fi Triq Ħaż-Żabbar, Triq E Attard Bezzina, Triq Taltas, Triq il-Labour, Triq Toni Zahra, Triq Dwiemes, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq id-Daħla ta' San Tumas, Triq il-Kbira, Vjal il-25 ta' Novembru, Sqaq Numru 5 fi Triq Xrobb l-Għaġin, Triq bla isem ħdejn Triq il-Barrani, Sqaq Numru 2 tal-Barrani u Sqaq numru 2 fi Triq il-President Anton Buttigieg. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-President Anton Buttigieg, waqt li hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet fi Triq il-Profs Anthony Zammit u Ħal Tmiem. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ħaż-Żebbuġ – Vjal il-Ħelsien — tħaddir

Question

Peress li qed jingħad li Vjal il-Ħelsien Ħaż-Żebbuġ ser jerġa’ jingħata dehra ta’ vjal billi jitħaddar, u jekk hu hekk proset tal-inizjattiva, għaldaqstant jista’ l-Ministru jqiegħed pjanta ta’ dan it-titjib fl-ambjent fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti maħtura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu, mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista' jgħid min huma dawk il-konsulenti, x'tip ta' servizzi jagħtu, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s'issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19215 f’Seduta 430.

Università – bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-bus shelter li tinsab fit-terminus tal-Università tinsab f’telqa sħiħa b’periku għas-saħħa ta’ kull min jipprova jużaha? Min hu responsabbli għaż-żamma fi stat tajjeb u nadif ta’ din il-bus shelter? X’inhi r-raġuni għal din it-telqa sħiħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li minn site visit li saret f’10 ta’ Marzu 2021 irriżulta li ż-żona ta’ dan l-interchange kienet fi stat nadif. Jirriżulta wkoll li ma kienx hemm periklu għas-saħħa tal-passiġġiera. Fl-istess spezzjoni ġew innotati xi nuqqasijiet li ġew jew qedgħin jiġu ndirizzati.

Rotot li ma sarux mill-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, venda b’venda, rotta b’rotta u ġurnata b’ġurnata, liema kienu dawk ir-rotot li ma sarux mill-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku mill-bidu tas-sena 2021 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġie mmultat l-operatur tat-trasport pubbliku meta naqas li jagħmel dawn ir-rotot u ħalla l-passiġġieri jistennew fuq li stages għalxejn? B’kemm flus ġie mnaqqas is-sussidju li l-operatur jieħu kull sena għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li li f’Jannar 2021 il-persentaġġ imkejjel ta’ affidabilita’ tar-rotot kollha kien ta’ 99.6% filwaqt li dak ta’ Frar 2021 kien ta’ 99.38%. Il-figuri li jirrigwardjaw Marzu 2021 qedgħin jiġu miġbura. L-informazzjoni li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-ammont ta’ vjaġġi skedati, n-numru ta’ vjaġġi li saru kif ukoll il-persentaġġ ta’ affidabilita’ ta’ kull rotta għal Jannar u Frar 2021. F’dawn ix-xaharejn l’ebda rotta ma’ laħqet il-kwota ta’ vjaġġi neqsin skond il-kuntratt li jikkwalifikawhom sabiex tinħareg penali fuqhom.

Operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku – multi għal diversi nuqqasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar, kemm weħel multi l-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku għal diversi nuqqasijiet fil-provvista tas-servizz, minn Jannar 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn il-multi tħallsu u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, Imtarfa u Imġarr – parkeġġ għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18304 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx pjan li jiżdied il-parkeġġ għall-persuni b’diżabilità ġewwa r-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, l-Imtarfa u l-Imġarr?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li Transport Malta tipproċessa applikazzjonijet għal parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilita’ li jaslu għandha mingħand individwi jew mingħand il-Kunsilli Lokali. Ninsab infurmat li qabel ma timplimenta l-applikazzjoni, Transport Malta tikkoordina l-applikazzjoni mal-Kunsilli Lokali u mal-Kummissjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita’.

Politika Nazzjonali dwar iċ-Ċikliżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata l-Politika Nazzjonali dwar iċ-Ċikliżmu wara li kienet saret konsultazzjoni fl-2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-qafas tax-xogħol tal-linji gwida huwa bbażat fuq in-National Cycling Policy’ u r-riżultat tal-konsultazzjoni fuq tali document. Għalhekk dawn il-linji gwida fkimkien mad-dokument tan-‘National Cycling Strategy u Policy’ se jiġu ppublikati bħala dokument wieħed biex l-inizzjattivi u l-miżuri relatati maċ-Ċikliżmu jiġu dejjem ippjanati u mplimentati b’mod olistiku.

Selmun – bini ta’ ħajt biswit il-Lukanda Selmun

Question

Jista’ l-Ministru jara li jerġa’ jinbena l-ħajt biswit il-lukanda Selmun (ara r-ritratt qed jingħata separatament) li ilu fi stat perikoluż u li jsir ukoll titjib fl-akkwati, biex tingħata dehra isbaħ lill-inħawi tal-Palazz ta’ Selmun?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Baħar iċ-Ċagħaq – bini ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parti mit-triq fil-fażi ta’ kostruzzjoni, kontinwazzjoni ta’ Triq Baħar iċ-Ċagħaq, kantuniera ma’ Triq San Ġwann l-Evanġelista, Baħar iċ-Ċagħaq (ritratt qed jingħata separatament) hijiex koperta bil-permess tal-iżvilupp meħtieġ? Jekk dan hu l-każ, jista’ jara li l-bini tat-triq qed isir bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti biex ma jsirux aktar inċidenti kif diġà saru u anke wara r-rappreżentazzjonijiet mill-Kunsill tan-Naxxar u r-residenti infushom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura minn Infrastructure Malta, ix-xogħol li qed isir f’din il-lokalita’ hija waħda privata. Informazzjoni rigward permessi ta’ żvilupp u prekawzjonijiet meħtiega, għandhom jiġu rriferuti lill-Ministeri kkonċernati.

COVID-19 — Miżuri fuq il-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu fuq il-karozzi tal-linja biex ikunu segwiti l-istruzzjonijiet maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika? X’infurzar qed isir u minn min? Kemm-il multa ħarġet minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżna, u ċjoè Marzu tal-2020, u għal kemm kienu jammontaw globalment dawn il-multi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sezzjoni ta l-Infurzar fi ħdan Transport Malta fl-2020 kienet ta’ kuljum tagħmel spezzjonijiet fuq vetturi ta’ trasport pubbliku (tal-linja), bus shelters/stages kif ukoll fil-Vendi. Dawn l-ispezzjonijiet kienu l-iktar jiġu mwettqa mis-sezzjoni tal-muturi fi ħdan l-Awtorita'. L-għan ewlieni ta’ dawn l-ispezzjonijiet kien li jintlibsu il-maskli, li tinzamm id-distanza soċjali u li ma jkunx hemm iffular żejjed fuq il-vetturi. Transport Malta iktar min darba infurmat lil pubbliku dwar dawn l-ispezzjonijiet permezz tal-medja soċjali. Fl-2020, Transport Malta ħarġet total ta’ 468 ċitazzjoni f’dan ir-rigward, pero ma tistax tindika l-valur monetarju li ġie ġġenerat għal fatt li mhix l-Awtorita' kompetenti biex jinġabru dawn il-flus. Fl-2021, ġie deċiż li r-responsabbilta' għall-spezzjonijiet fuq vetturi ta’ trasport pubbliku għandhom isiru mil-LESA, filwaqt li Transport Malta tieħu r-responsabbilta' għall-spezzjonijiet f’zoni pubbliċi miftuħa bħal family parks u attivitajiet tal-massa.

Passiġġieri jirkbu bil-wieqfa fil-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi raġuni li l-Awtorità responsabbli mit-Trasport f’pajjiżna, għadha qed tħalli li jirkbu passiġġiera bil-wieqfa f’karozzi tal-linja, aktar u aktar meta n-numru ta’ dawk li ħadu l-virus tal-COVID-19 f’dawn l-aħħar ġimgħat żdied għal rata allarmanti? Jista’ jgħid jekk jistax iserraħ ras dawk kollha li jużaw it-trasport pubbliku li dan is-servizz huwa safe u li jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz b’rashom mistrieħa li ma jistgħux jieħdu l-virus tal-COVID-19 speċjalament minħabba l-iffullar fil-karozzi tal-linja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-bidu tal-pandemija ittieħdu diversi miżuri fir-rigward tat-trasport pubbliku sabiex tiġi minimizzata l-possibilta’ li tali pandemija tiġi trasmessa meta wieħed juża s-servizz tat-trasport pubbliku. Dawn il-miżuri ttieħdu wara li kien hemm konsultazzjoni ma’ l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. Dawn il-miżuri jinkludu: · Fumigar tal-karozzi tal-linja kollha li jkunu ntuzaw matul il-ġurnata. Dan huwa ezerċizzju li jsir ta’ kulljum matul il-lejl. Insemmi li minn Marzu tas-sena l-oħra sa l-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena saru ‘l fuq minn mitt elf intervent ta dan it-tip fuq il-karozzi tal-linja, · Qiegħed isir tindif iktar frekwenti tal-karozzi tal-linja matul il-ġurnata, · Twaħħil ta’ Perspex mal-kabina tax-xufier li b’hekk jissegregaw ix-xufier mill-passiġġier, · Tnaqqis ta’ passiġġiera li jitgħabbew bil-wieqfa u tpoġġija ta’ Stickers ma’ l-art tal-karozza tal-linja sabiex jindikaw lill-passiġġiera fejn għandhom joqgħodu bil-wieqfa, · Ma tingħatax bqija meta wieħed iħallas bil-flus kontanti minflok it-Tallinja Card , · Tibdil ta’ filters ta’ l-arja kundizzjoniata abbord il-karozzi tal-linja liema filters jgħinu jnaqqsu il-possibbilta’ li tinxtered din l-infezzjoni, · Spezzjonijiet għal għarrieda abbord karozzi tal-linja sabiex jizguraw l-ilbies tal-maskra, · L-operatur tat-trasport pubbliku stazjona Inspectors f’ bus stops li huma l-aktar uzati sabiex meta jiġi nnotat li is-servizz ma jkunx sejjer ilaħħaq mad-domanda isiru vjaġġi addizjonali , · Twaħħlu stickers kemm fuq il-karozzi tal-linja kif ukoll fuq il- bus stops sabiex javvzaw lill-passiggiera sabiex tintlibes il-maskra.

Xogħol bil-lejl – xogħol bl-użu ta’ jack hammer

Question

Għalkemm li ċertu xogħol isir bil-lejl huwa tajjeb għax inaqqas mill-konġestjoni tat-traffiku, jista’ l-Ministru jara li xogħol bl-użu ta’ ‘jack hammer’ ma għandux isir bil-lejl f’żoni qrib residenti bħalma ġara fil-Mini ta’ San Ġiljan għax ikun hemm min irid jorqod u xogħol ta’ dan it-tip ikun qiegħed itellef mis-serħan għal min ikun irid imur għax-xogħol l-għada filgħodu?

Response (BORG, IAN)

Il-proġett b’investiment ta’ €10 miljun minn Infrastructure Malta biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni għaddej ġmielu. L-aġenzija qed taħdem fuq tmien mini differenti, għax kull waħda mill-erba’ strutturi ta’ dan il-proġett hija magħmulha minn żewġ mini li jagħtu lejn direzzjonijiet opposti. Kull mina fiha żewġ korsiji li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji. Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-iżjed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan biex tneħħa n-nugrufun li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u għalhekk kienu jeħtieġu xogħol kbir ta’ manutenzjoni fil-ġebla. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni li t-tnejn tħaffru fil-blat sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet ta’ tisħiħ diġà twettqu, waqt li oħrajn għadhom għaddejjin. Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta ser tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih. L-aġenzija qed itejjeb ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien reżistenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. Matul l-aħħar ġimgħat, f’kull waħda mill-mini bdew jiġu nstallati sistemi għall-provvista tal-ilma u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar. Minbarra li se tibdel is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin, Infrastructure Malta ser tiksi l-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Il-proġett jitlesta billi finalment jerġgħu jsiru l-mogħdijiet t’emerġenza fil-ġnub u jerġa’ jinkesa bl-asfalt il-wiċċ tat-triq ġewwa l-mini. Billi dawn il-mini jinsabu f’rotot kruċjali għas-sistema tal-ivvjaġġar ta’ pajjiżna u minnhom jgħaddu ħafna karozzi, il-periti ta’ Infrastructure Malta ppjanaw li l-kuntratturi jagħmlu ħafna mix-xogħol fihom fi tmiem il-ġimgħa u billejl. Fil-każ t’uħud mill-mini, fosthom dawk ta’ Ta’ Giorni, m’hemmx rotot alternattivi sostenibbli għalihom u fil-fatt ħafna drabi tingħalaq biss naħa waħda biex in-naħa l-oħra tintuża f’żewġ direzzjonijiet. B’hekk, jonqos kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku inġenerali meta jivvjaġġa minn ġol-mini u partikolarment għar-residenti tal-madwar biex ikollhom l-inqas emmissjonijiet mill-konġestjoni li tinħoloq kieku x-xogħlijiet isiru mal-ġurnata. Dan l-arranġament jirrekkjedi aktar ippjanar ma’ dawk kollha konċernati u huwa l-aħjar mod kif għandhom isiru tali xogħlijiet. Minħabba li parti minn dawn ix-xogħlijiet huma sors ta’ storbju, l-aġenzija ser tesiġi mal-kuntratturi biex meta jkun possibbli, dawn isiru kemm jista’ jkun fil-ħinijiet tal-ġurnata fi tmiem il-ġimgħa ħalli l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun l-inqas possibbli. It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajjiżna jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.

Tal-Pietà – proġett ta’ Pjazza San Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-proġett ta’ Pjazza San Luqa f’Tal-Pietà, liema xogħol beda sena ilu, għadu ma tlestiex u bħalissa jinsab f’telqa sħiħa? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol waqaf u meta hemm ippjanat li dan ix-xogħol jitlesta għal kollox? Kemm intefqu flus s’issa fuq dan il-proġett u kemm hu ppjanat li jkunu ntefqu flus la jkun lest?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol ta’ servizzi infrastrutturali fit-triq li minn Ħaż-Żabbar twassal għal Marsaskala peress li ilu kważi 3 xhur wieqaf? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol waqaf b’riskju kbir għal kull min juża din it-triq permezz ta' vettura jew bil-mixi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Pandemija – għajnuna lil barklori

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm xi forma ta’ għajnuna lid-diversi barklori li jservu fil-portijiet tagħna tul dan il-perjodu ta’ pandemija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li l-barklori li jservu fil-portijiet ġew mgħejjuna u bbenefikaw mill-miżuri li introduċiet l-Awtorita’ bl-istess mod kif ġew mghejjuna u bbenefikaw dgħajjes kummerċjali oħra li joperaw f’dan is-settur kummerċjali marittimu bl-introduzzjoni ta’ miżuri li introduċiet l-Awtorita’ tat-Trasport fl-2020 fosthom l-estensjoni tal-validitia’ taċ-ċertifikati u liċenzji, l-opportunita’ li operaturi li jiddikjaraw id-dgħajjes tagħhom bħal mhux operattivi jiġu eżentati milli jħallsu għaċ-ċertifikati u liċenzji għal dak il-perjodu mhux operattiv kif ukoll ġew annullati kull tip ta’ mizati addizzjonali fil-każ ta’ sottomissjonijiet tard ta’ applikazzjonijiet. L-Awtorita’ tat-Trasport qiegħda tikkunsidra aktar miżuri ta’ għajnuna lis-settur kummerċjali marittimu għal din is-sena.

Transport Malta – Cyber Attack – riżultat tal-investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-riżultat tal-investigazzjoni fuq l-attakk li ġarbet Transport Malta fis-sistema tal-computers (cyber attack)? Jista’ jgħid x’wassal għal dan u jgħid kif u għaliex il-pjani ta’ kontinġenza bħalma huma backups ma ħadmux? Jista’ jgħid jekk il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data kienx infurmat u jekk iva, saritx investigazzjoni separata biex tassigura jekk l-informazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi ġietx misruqa minn min wettaq dan l-attakk?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Transport għadha qed tistenna l-eżitu tal-Inkjesta Maġisterjali.

Iż-Żejtun – Triq Bormla (Ta’ Ċawsli) – speed camera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi installata speed camera fi Triq Bormla (ta’ Ċawsli) fiż-Żejtun minħabba problema kbira ta' sewqan eċċessiv u jekk iva, meta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ ta’ Transport f’Malta ma rċievit l-ebda talba biex jiġu nstallati speed cameras f’din it-triq. Fi kwalunkwe każ it-talbiet mill-Kunsilli Lokali għandhom isiru lill-LESA, (li hija l-aġenzija responsabbli mill-installazzjoni ta’ speed cameras) wara li tingħata approvazzjoni mill Awtorità.