Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien – Triq A. Caruana u Triq Santa Marija – spiża tax-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew jiswew Triq A. Caruana u Triq Santa Marija Ħal Tarxien biex ġew irranġati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għamlet l-ebda xogholijiet fit-Triq A. Caruana u Triq Santa Marija, Tarxien.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm impjegat wieħed (1) b'kuntratt definit ta' xogħol

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mastrudaxxa, bajjad, kaħħal, mechanic u joiner ġew impjegati fl-aħħar sitt xhur minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull rapport li sar biex jiġġustifika jew jispjega l-bżonn għal sejħa għal dawn is-snajja’?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġewx impjegati ħaddiema tas-snajja fl-aħħar sitt xhur fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilta tiegħi.

Proġett tal-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid – kumpens lis-sidien tal-ħwienet

Question

Peress li fl-istqarrija PR170765 li ħarġet fis-27 ta’ Marzu 2017 il-Ministru għad-Djalogu Soċjali u Libertajiet Ċivili kienet ħabbret li l-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid ser ikun investiment ta’ €3 miljun, xi ħaġa tajba u lodevoli, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-flus ser ikunu kumpens lis-sidien u lill-impjegati tal-ħwienet affettwati ħażin b’nuqqas ta’ bejgħ matul ix-xogħlijiet li ser idumu xhur sħaħ, tant li wħud minnhom qed jikkontemplaw serjament li jkeċċu xi impjegati tagħhom tant kemm naqsilhom il-bejgħ?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — first aiders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru tiegħi hemm mija u tlieta u għoxrin (123) persuna li hija ċertifikata bħalha first aiders. Ninsab wkoll infurmat li diġa hemm ma’ l-erbgħin il-persuna oħra nterresata li jattendu għaż-żewgt korsijiet li hemm ippjanati għal Jannar u Frar li ġejjin (2018).

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – ħaddiema li ħadu promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 56 u jagħti lista tal-ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pompi tal-Fuel — policy

Question

Peress li l-policy dwar il-pompi tal-pompi tal-fuel tal-PA ġiet approvata fl-2015 u din ma tapprovax żieda ta’ aktar pompi f’żoni urbani filwaqt li tħajjar li pompi tal-petrol jiġu allokati minn żoni urbani għal żona rurali, jista’ l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 ‘il hawn, kemm kien in-numru tal-pompi tal-fuel li talbu l-permess biex jiġu allokati minn żona urbana għal żona rurali jew żoni industrijali? Kemm hu n-numru ta’ pompi tal-fuel li ħarġilhom il-permess u żarmaw minn żona urbana u ħarġu ‘l barra minnha? Kemm hu n-numru ta’ pompi ta’ fuel li nagħtaw permess biex jibnu pompa f’żona industrijali, ta’ SMEs jew ta’ ħażna? Kemm hu n-numru ta’ permessi li nħarġu għall-pompi tal-petrol ġodda mis-sena 2015 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Mis-sena 2015 daħlet applikazzjoni waħda għall-talba biex tiġi rilokata pompa minn żona urbana għall-żona rurali. Tajjeb wieħed jinnota li l-Awtorita għandha quddiema erba’ talbiet oħra għall-proposta simili liema applikazzjonijiet ġew sottomessi qabel is-sena 2015 u li issa qed jiġu proċessati skond il-parametri tal-policy dwar il-pompi tal-fuel. F’dan l-istess perjodu, l-Awtorita ma approvat l-ebda permess għall-talbiet biex jiġu rilokati pompi minn żoni urbani għall-żoni rurali kif ukoll ma ġie approvat l-ebda permess għall-talbiet biex jinbnew pompi ġodda f’żoni industrijali, ta’ SMEs jew ta’ ħażna.

Toroq ta’ Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq ta' Għawdex humiex ser jaqgħu taħt l-Aġenzija tat-Toroq li ġiet imsemmija fid-diskors tal-Budget għas-sena 2018 jew inkella humiex ser jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex kif inhuma llum?

Response (BORG, IAN)

L-Aġenzija mħabbra fid-Diskors tal-Budget se jkollha l-għan li tmexxi l-investiment meħtieġ sabiex is-sistemi tat-toroq tagħna jkunu aktar effiċċjenti u ta' kwalità ogħla, b'inqas riskji ta' aċċidenti u diffikultajiet oħra għal dawk kollha li jużawhom. Fl-istess waqt, l-aġenzija trid taċċerta li dan l-investiment bla preċedent iseħħ b'mod sostenibbli, bl-introduzzjoni ta' strutturi u proċeduri ta' monitoraġġ, manutenzjoni u assikurazzjoni ta' kwalità kontinwi li jiżguraw li dan it-titjib jibqa' jitgawda fit-tul kemm jista' jkun. Ħidma bħal din tinvolvi l-kollaborazzjoni ta' eluf ta' persuni u ta' bosta entitajiet, fosthom dawk kollha li jużaw it-toroq. Dawn jinkludu residenti, Kunsilli Lokali, awtoritajiet nazzjonali, unjins, għaqdiet ta' min iħaddem, investituri, azjendi u organizzazzjonijiet oħra. Fil-bidu tas-sena 2018 ser issir konsultazzjoni wiesgha ma' dawn il-persuni u l-entitajiet kollha, fir-reġjuni kollha tal-pajjż, sabiex il-proposti kollha jiġu diskussi u fejn meħtieġ irfinuti, qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali dwar l-istruttura, r-responsabbiltajiet u l-operat tal-aġenzija l-ġdida.

Spezzjonijiet biex jiġi aċċertat li ma ssirx attività illegali

Question

Dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (a) li jittratta skavar ta’ ġibjun fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c) li jawtorizza diagnostic service & electrical repairs only, hekk kif ġie rilevat diversi drabi minn sidien li jgħixu fiż-żona, anke permezz ta’ ittri legali mibgħuta għan-nom tagħhom, saret u għadha ssir attività relatata ma’ dik ta’ mechanic li m’għandha x’taqsam xejn mal-permess indikat. Dan ifisser li skont l-istess ġirien qiegħed isir xogħol mekkaniku (mhux elettroniku) fuq bażi regolari, ġeneralment wara nofsinhar, fejn numru ta’ karozzi jitħallew għand sid il-garage sabiex jissewwew, ħafna drabi bil-bieb magħluq fejn isir ħafna storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dan ir-rigward min-naħa tal-MEPA in kwantu spezzjonijiet sabiex jiġi aċċertat li ebda attività illegali ma qiegħda ssir fl-imsemmi fond? Kemm–il spezzjoni saret? Meta u x’ħin saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Ħal Lija – studju dwar it-traffiku fil-village core

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta qattx wettqet studju dwar it-traffiku fil-village core ta’ Ħal Lija? Jekk sar tali studju, jista’ l-Ministru jqiegħed dan l-istess studju fuq il-Mejda tal-Kamra, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet li saru, jekk dan hu l-każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta m’għandha l-ebda studju dwar traffiku fil-village core ta’ Ħal Lija.

Birkirkara – kostruzzjoni u manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’hemm ippjanat bħala kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ toroq għal-lokalità ta’ Birkirkara għas-sentejn li ġejjin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ toroq għall-lokalità ta’ Birkirkara għas-sentejn li ġejjin, Transport Malta għandha lista ta' toroq ta’ prijorita’ li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem.

Awtorità tal-Ippjanar — Kap Eżekuttiv - ħaddiema - sigħat ta' overtime u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1903 u jgħid kemm-il siegħa ta' overtime u ħlasijiet saru minn kull ħaddiem fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar bejn Jannar 2015 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1904 u jgħid kemm-il konsulent hemm imqabbad mal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jagħti l-ismijiet tagħhom u kemm tħallsu għal kull xahar minn Jannar 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba, bejn l-2008 sa’ din is-sena. L-ismijiet ma jisgħtux jingħataw minħabba data protection.

Awtorità tal-Ippjanar – Ġurnal Planning MT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa għall-ġurnal Planning MT maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar u mqassam fil-ġurnali tal-Ħadd 26 ta' Marzu 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi n-nefqa għall-ġurnal Planning MT maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar u mqassam fil-ġurnali tal-Ħadd 26 ta' Marzu 2017 kienet ta’ €3278.04.

Żona tal-Kottonera, Ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City – mitigazzjoni tal-problemi tat-traffiku

Question

B’liema mod il-Ministru se jkun qiegħed jimmitiga l-problemi tat-traffiku li mistennija jiżdiedu fin-nofsinhar ta’ Malta fid-dawl tal-proġetti li se jsiru fiż-żona tal-Kottonera, fosthom il-ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin isiru diversi nterventi speċjalment madwar skejjel w istituzzjonijiet oħra biex jippermettu b’mod aħjar l-andament tat-traffiku. Qegħdin ukoll jiġu studjati spazji fejn min jieqaf biex jagħti servizz inkluż ġarr ta’ studenti, jagħmel dan mingħajr ma jostakola toroq.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15 u jgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fid-dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar

Kumpaniji awtorizzati biex jimpurtaw il-gass – inċentiva fiskali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ kumpaniji awtorizzati biex jimpurtaw il-gass, u li jimtela fiċ-ċilindri LPG, humiex qed jingħataw jew humiex se jingħataw xi inċentiva fiskali għal kull ċilindru li jbigħu lid-distributuri biex il-prezz tal-gass jibqa’ wieħed stabbli?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ministeru għall-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.