Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #11974 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Housing Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn hu maħsub li se jinbena l-housing soċjali f'Għawdex u dan wara li fil-baġit ġew ivvutati €400,000 (vot 7769) għal dan il-għan? Tista' tgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-iskop u jekk iva x’inhu n-numru ta' referenza ta' din l-applikazzjoni? Tista' tgħid kemm-il unit ser jinbnew u meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm persentaġġ mil-lista ta' stennija għal housing soċjali f’Għawdex se jsolvi dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni ġiet sottomessa fit-28 ta’ Marzu 2019 u ġiet approvata fit-8 ta’ Ġunju 2019, bir-referenza PA5522/18. Dan il-permess kien ikopri kostruzzjoni ta’ 8 appartamenti. Sussegwentament, inħarġet l-offerta għall-bini tal-appartamenti, liema offerta waqgħet, u għalhekk se terġa’ toħroġ oħra fil-ġimgħat li ġejjin. Intant, l-uffiċju tal-Housing fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ma jkollux l-informazzjoni tal-lista ta’stennija għal housing f’Ghawdex. Għalhekk, din il-parti tal-mistoqsija trid tiġi riferuta lill-Awtorita’ tad-Djar.
Leg 13 PQ #11977 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq in-Neolitiċi — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li f’dawn l-aħħar ġimgħat ma sarx u ma tkompla ebda xogħol fuq Triq in-Neolitiċi fir-Rabat Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit huwa meqjus mis-Sovrantendenza bħala wieħed mill-aktar sensittivi. Skont informazzjoni mogħtija mill-Perit inkarigat, inkisbu l-permessi kollha meħtieġa rigward ix-xogħlijiet. Iżda minħabba s-sensittivita tas-sit, intalab li ssir trinka matul it-triq kollha taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal imqabbad min-naħa tal-Ministeru u taħt id-direzzjoni tas-Sovrantendenza. Appena saret din it-trinka, ingħata struzzjonijiet mis-Sovrantendenza biex il-materjal kollu li se jkun qed jitneħħa mis-sit jiġi imneħħi kollu bl-idejn.
Leg 13 PQ #11980 Sitting 281 2019-11-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direttorat tal-Affarijiet Rurali – bdiewa u sajjieda full-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rreġistraw bħala sajjieda u bdiewa full-time mad-Direttorat tal-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b'xahar? Tista' tagħti l-età u f'liema lokalità huma rreġistrati l-imsemmija persuni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reġistrazzjoni tal-impjieg issir mill-Job Plus u għaldaqstant l-informazzjoni rikjesta għandha tiġi mitluba lill-Ministeru għax-Xogħol u l-Edukazzjoni, skont ir-Regoli tad-Data Protection.
Leg 13 PQ #11961 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Imġarr – latrina tat-terminal tal-port — pjanċa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li iktar minn sena ilu tpoġġiet pjanċa kbira tal-ħadid fit-triq quddiem il-latrina tat-Terminal tal-Port tal-Imġarr? Tista’ l-Ministru tgħid meta ser titneħħa din il-pjanċa peress li qed tkun ta' periklu kbir minħabba li tiżloq għas-sewwieqa li bil-fors iridu jgħaddu minn fuqha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-pjanċa tpoġġiet biex jitneħħa kull periklu għas-sewwieqa u għall-vetturi minħabba x-xogħol ħażin li kien sar fuq il-culvert, liema xogħol sar fi żmien Gvern Nazzjonalista meta sar il-proġett tat-Terminal tal-Imġarr. Ix-xogħol mistenni li jsir fil-jiem li ġejjin meta l-influss tal-vetturi jonqos xi ftit. Sadanittant kellhom isiru xi xogħlijiet oħrajn biex jitnaddaf il-culvert.
Leg 13 PQ #11962 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — Triq Forn il-Ġir u Triq Mattia Preti - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn fil-parti ta' fuq ta’ Triq il-Forn il-Ġir u Triq Mattia Preti li saru ta’ malajr ftit ġranet qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019, diġà beda jsir tqattigħ fit-triq biex isiru xi trinek u ilhom għal diversi ġimgħat mhux asfaltati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn hemm il-lean mix u mhux tarmac, ingħaqdu l-mains tal-ilma. Meta jsiru l-mains kollha mill-Water Services Corporation, it-triq titqaxxar u tingħata t-tarmac.
Leg 13 PQ #11971 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – Triq Ġorf — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġranet ma kien hemm ebda ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu ġewwa Triq Ġorf fix-Xagħra? F’liema xahar u sena hu ppjanat li tingħata l-ewwel kisja tarmak lil din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm timeline tax-xogħlijiet tal-kuntrattur iżda kien hemm proċeduri legali li xekklu l-andament tax-xogħol. Ix-xogħol mistenni li jkun lest din il-ġimgħa jew il-ġimgħa d-dieħla.
Leg 13 PQ #11994 Sitting 280 2019-11-19 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nefqa fuq reklamar

Question

Tista' l-Ministru tgħid, xahar b'xahar, min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tagħha u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Niġbed l-attenzjoni tal-Interpellant, li l-informazzjoni li qed tingħata f’din it-tweġiba tikkonċerna il-perjodu minn Novembru 2018 sal-lum. Rigward l-informazzjoni rilevanti minn Ġunju 2017 sa Novembru 2018, nitolbu jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari 7534.
Leg 13 PQ #11741 Sitting 279 2019-11-18 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Credit Cards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-uffiċjali fid-dekasteru tagħha li għandhom credit card jew simili, maħruġa lilhom mill-Gvern ta’ Malta? Tista' tgħid kemm kien l-ammont minfuq fuq kull credit card fl-2018 u fl-2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarju Permanenti għandu f’ismu l-credit card li tintuża minn diversi Direttorati għal xiri li jsir permezz tal-internet. Fis-sena finanzjarja 2018, l-ammont imħallas permezz tal-credit card kien jammonta għal €19,901.18. Min-naħa l-oħra, għas-sena finanzjarja 2019, l-ammont imħallas permezz tal-credit card imsemmija huma kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #11841 Sitting 279 2019-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iż-Żebbuġ Għawdex — Triq Għar Qawqla

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għadu ma tneħħix il-konkos imkisser ta' taħt it-triq Għar Qawqla fiż-Żebbuġ Għawdex wara l-maltempata ta’ sentejn ilu u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jsir ix-xogħol ta' rranġar tal-konkos imkisser?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jirreferi għall-istruttura tal-konkos li ilha mġarrfa snin twal (u mhux fl-aħħar sentejn), dan ix-xogħol ser jiġi inkluż f’fażi tal-Masterplan ta’ Marsalforn. Nassigura u nserrah ras l-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed imexxi pjan biex jiġu indirizzati sfidi li ilhom għoxrin sena jakkumulaw.
Leg 13 PQ #12066 Sitting 279 2019-11-18 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Pjazza Santu Wistin — siġar

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11771, tista' l-Ministru tgħid x'diffikultà hemm biex is-siġar li jinsabu fi Pjazza Santu Wistin fir-Rabat Għawdex jinżabru regolarment minn żmien għal żmien? Tista' tgħid x'soluzzjoni qed tipproponi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-siġar jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria. Minkejja dan, id-Direttorat ikkonċernat fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex għamel spezjoni wara talba li saritlu għaż-żabra ta` dawn is-siġar. Mill-ispezzjoni li saret, ġie konkluż li dawn is-siġar kien għadhom ma waslux għall-bżonn ta` żabra. Hemm l-intenzjoni li ż-żabra issir fix-xahar ta` Frar.
Leg 13 PQ #11831 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – Triq Gorf — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ser idumu jgħixu fit-trab il-familji ta' Triq Gorf fix-Xagħra, Għawdex u dan peress li t-triq tagħhom inqalgħet fil-bidu ta' Diċembru 2018 u llum, aktar minn 11-il xahar għadha f'dan l-istat? Tista' tgħid jekk dawn il-familji għandhomx tama li fi żmien qasir ikollhom is-servizz tad-drenaġġ u x’inhu l-pjan tal-Ministeru tagħha biex f'din it-triq jgħaddi s-servizz tad-drenaġġ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Manutenzjoni ma jista jagħmel l-ebda xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ minħabba proċeduri legali pendenti fil-Qorti. Ix-xogħol tkompla fuq il-kaptelli tal-fosos u wara se jingħata l-wiċċ tat-triq.
Leg 13 PQ #11832 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Innovation Hub – proġett iffinanzjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Peress li fis-7 ta' Novembru 2019 ħa jiġi inawgurat il-proġett iffinanzjat minn fondi ta' Unjoni Ewropea tal-Gozo Innovation Hub tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta' tindif u xogħol ieħor ta’ upgrading sar s’issa u hemm ippjanati li jsiru fl-akkwati u l-madwar tal-Gozo Innovation Hub?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tlesta u ġie inawgurat. Sar wkoll xogħol fuq Triq il-Pitkalija.
Leg 13 PQ #11838 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — tender

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-tender bin-numru ta’ referenza CT2199/2019 Negotiated Procedure for the Paving and Embellishment works at Marsalforn Promenade Marsalforn Gozo ġiex awarded u jekk iva, f’liema xahar ġie awarded?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġie awarded matul ix-xahar t'Ottubru 2019 u x-xogħol ser jibda fil-ġranet li ġejjin hekk kif il-Perit tad-Dipartiment ilesti x-xogħol preparatorju meħtieġ.
Leg 13 PQ #11839 Sitting 278 2019-11-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza tax-Xewkija – inawgurazzjoni — nefqa

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-Pjazza tax-Xewkija li saret fl 4 ta' Ottubru 2019? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #11827 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – toroq – condition surveys u condition reports

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li se jsir xogħol fuqhom mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2020? F'dawn ir-rapporti, ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ, eċċ? Tista’ tpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull informazzjoni li tingħata dwar xogħol fuq toroq jista jippreġudika l-proċess ta’ tendering. Iżda, għas-serħan tal-moħħ tal-Onorevoli Interpellant nassigurak li sar eżerċizzju komplut u l-Ministeru mhux qed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni tat-toroq, imma bini mill-ġdid tagħhom.
Leg 13 PQ #11828 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — widien rijabilitati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10029 li ngħatat fit-30 ta' April 2019 tista’ l-Ministru tgħid jekk il-widien li kienu se jiġu mnaddfa u jiġu rijabilitati fis-sena 2019 li kienu parti mill-Wied tax-Xlendi; Wied il-Għasri; Ta’ Kittina, Marsalforn u l-Wied tal-Grazzja ġewx imnaddfa u rijabilitati kollha kemm huma u jekk le x'inhuma r-raġunijet li ma ġewx imnaddfa u rijabilitati issa li qegħdin fl-aħħar ġimgħat tas-sena 2019? X'tenders għat-tindif ta' dawn il-widien diġà ħarġu u ġew awarded?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti tal-Wied tax-Xlendi li kienet ppjanata li titnaddaf din is-sena, tnaddfet matul is-Sajf li għadda. Il-permess biex jitnaddaf Wied il-Għasri ghadu ma inkisibx. It-tindif tal-parti magħrufa Ta’ Kittina fil-Wied ta’ Marsalforn se issir wara li tkun tnaddfet il-parti ta’ fuq tal-Wied ta’ Marsalforn. It-tindif tal-parti ta’ fuq se jsir b’fondi Ewropej u bħalissa qed jiġu abbozzati s-sejħiet għall-offerti. Min-naħa l-oħra, qed isir xogħol biex jiġi estiż il-permess għat-tindif tal-Wied tal-Grazzja biex b’fondi Ewropej, isir xogħol ta’ tindif fuq parti oħra li ma kienetx fil-pjan originali tat-tindif.
Leg 13 PQ #11829 Sitting 277 2019-11-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur — Bajja ta’ San Blas - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet saru fil-Bajja ta’ San Blas fin-Nadur, Għawdex wara l-ħsarat kbar li kien hemm f'din il-bajja konsegwenza tal-maltemp qawwi li għamel fix-xitwa li għaddiet? Tista' telenka x-xogħol li sar sa qabel beda is-sajf 2019 u x'tip ta' xogħlijiet hemm ippjanti li jsiru qabel jibda is-sajf 2020?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem mal-Kunsill Lokali biex isir dak kollu meħtieġ. Il-problema tidher li hi l-kuntrattur, Said Construction Ltd. mhux qed jikkoopera.
Leg 13 PQ #11753 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — in-Nadur - Ta' Xħajma – proġett ta' Multi Modal Hub

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'sar s’issa dwar il-proġett ta' Multi Modal Hub ġewwa Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex? Tista’ tgħid ukoll f'dawn il-ġranet kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan il-proġett u x'tip ta' xogħol infrastrutturali qed isir u meta hu ppjanat li jitlesta dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ġie skavat il-materjal eċċessiv li kien mormi illegalment f’dan is-sit. Bħalissa għaddejjin l-istudji ġeotekniċi u l-proġett mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena 2020.
Leg 13 PQ #11757 Sitting 276 2019-11-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Belt Victoria — Ċentru ġdid tas-Saħħa - perit/kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10834 li saret fil-5 ta' Lulju 2019 fl-intier tagħha u tgħid min hu l-perit/kumpanija, kemm tħallas s’issa u kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa, fuq il-proġett tal-binja tat-Taraġ ta’ San Franġisk ġewwa l-Belt Victoria, li ħa jsir iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa ġewwa Għawdex? Tista’ tgħid ukoll jekk ħarġux il-permessi kollha meħtieġa biex isir change of use ta' parti mill-binja biex minflok Sala tal-Wirjiet issir Ċentru tas-Saħħa u jekk le, tista’ tgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali li sar u li qed issir bħalissa u li ilhom għaddejjin għal diversi ġimgħat ġewwa l-binja, għandux il-permessi kollha meħtieġa u jekk iva meta ħarġu dawn il-permessi u ntbagħtu l-karti kollha meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ikun jista’ jsir ix-xogħol infrastrutturali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett hu kopert bil-permessi kollha u peress li l-proġett għandu komponenti diversi, dwar il-ħlasijiet tal-perit marbuta max-xogħol taċ-Ċentru tas-Saħħa dawn qed jitħallsu mill-FMS.
Leg 13 PQ #11747 Sitting 275 2019-11-06 Oral · Interim From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex — toroq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10520 u tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq: a. Triq Forn il-Ġir: b. Triq Michele Busuttil; u c. Triq Mattia Preti; fir-Rabat Għawdex u li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa kull waħda minn dawn it-toroq, u min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar fuq kull triq? X' testijiet saru qabel, matul u wara li saru x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'kull waħda minn dawn it-toroq u jekk sarux house connections ġodda tad-drenaġġ f'kull waħda minn dawn it-toroq, u jekk sarux gutters fil-ġnub ta' kull waħda minn dawn it-toroq u jekk le x'inhi r-raġuni li ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari ser tingħata f’xi seduta oħra