Legislature:
Category:
Reset
Active:

skola tal-mużika — trasferiment ta' żewġ persuni kwalifikati

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ġew trasferiti mill-iskola tal-mużika żewġ persuni kwalifikati ħafna, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li kienu għamlu xogħol imprezzabbli fil-qadi ta’ dmirijiethom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tweġiba dwar l-ewwel persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament ingħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20595. It-tieni persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament intbagħtet taqdi d-dmirijiet tal-grad tagħha fi skola sekondarja għax kien hemm il-ħtieġa għas-servizzi tagħha fl-iskejjel statali. Biss, billi l-iskola tal-Mużika hija skola li tiftaħ wara nofs in-nhar, jiġifieri wara l-ħin normali tal-iskejjel, xejn ma jfixkel lil din il-persuna tkompli tagħti s-servizzi tagħha fl-Iskola tal-Mużika bħalma jagħmlu għalliema oħra fl-iskejjel li jiftħu wara nofsinhar u fil-għaxija.

Università ta’ Malta — impjieg ta' persuni barranin

Question

Tista’ l-Minsitru tgħid kif ġew impjegati tliet persuni, Ġermaniża u żewġ Ukrajini biex jgħallmu l-vjolin u s-cello fl-Università ta’ Malta u jekk ħarġitx sejħa għall-applikazzjoni biex jimtlew dawn il-postijiet? Xi kwalifiki għandhom dawn it-tliet persuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Milli jidher, l-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. L-Università ta’ Malta timpjega persuna waħda biss bħala visitng teaching staff biex tgħallem il-vjolin, liema sejħa kienet ħarġet f’Settembru 2009. L-impjegata għandha dawn il-kwalifiki akkademiċi: L-ewwel grad mill-Kiev State Music College, violin Masters mill-Kiev State Conservatory, violin Sejħa oħra għall-applikazzjoni ħarġet fl-29 ta’ Settemrbu 2010 għall- visiting teaching staff biex jgħallmu Applied Violincello . Kien hemm applikazzjoni waħda biss li għad trid tiġi evalutata.

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — nuqqas ta' komunikazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tivverifika l-ilmenti li qed jasluli mingħand membri tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali li hemm nuqqas serju ta’ komunikazzjoni bejn il-membri tal-orkestra u l-amministrazzjoni tal-orkestra tant li lanqas sick leave m'hu qed iħalluhom jieħdu? Għaliex m'hemmx komunikazzjoni aħjar fi ħdan din l-orkestra nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Għajnuna għad-dipendenza mid-droga

Question

Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' persuni li jirċievu l-għajnuna għad-dipendenza mid-droga f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li qegħdin isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga f’xi Komunita u li qed jirċievu għajnuna soċjali Social Assistance for Drug Addicts (DAD) huwa ta’ 27 f’Malta (Komunita San Blas u dik ta’ Santa Maria) u 7 f’Għawdex (Oasi Foundation)

Air quality tal-iskejjel

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19781 fejn il-Ministru qalet li “Min-naħa tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada sar air quality test fl-iskola Sekondarja Subien f’Ħal Qormi u fil-madwar.”, tista’ l-Ministru tgħid meta sar u x’kien ir-riżultat ta’ dan it-test?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan it-test sar qabel ma bdiet tinbena l-iskola sekondarja tas-subien f’Ħal Qormi (2005)u r-riżultat kien li s- sulphur dioxide, nitrogen oxides, ozone, benzene, toluene u ammonia huma skont il- World Health Organization (WHO) u EU limit values .

skejjel tal-istat — servizz ta' nurse fil-post

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel tal-istat li għandhom is-servizz ta’ nurse tal-post? Kemm hawn skejjel li għandhom xi arranġament alternattiv? Kemm hawn skejjel li m’għandhom l-ebda tip ta’ arranġament? X’inhi l-policy tal-gvern f’dan ir-rigward?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ħames skejjel speċjali tal-istat għandhom servizz ta’ ners tal-post. 36 skola għandhom arranġament alternattiv li huwa l -policy tal-gvern fejn id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandu ftehim mal-MMDNA fejn jiġi pprovdut servizz ta’ ners li tmur fl-iskola u tamministra l-mediċina indikata. Fl-64 skola l-oħra jista' jsir dan l-arranġament jekk ikun meħtieġ.

ħlas għal tfal li jżuru postijiet storiċi

Question

Tista l-Ministru tghid jekk tfal taħt l-għaxar snin li jkunu akkumpanjati minn adulti u li jżuru l-postijiet storiċi li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta, iħallsux biex jidħlu f’dawn il-postijiet ? Jekk iva, tista' tagħti lista ta’ x’inhuma dawn il-ħlasijiet għal dawn it-tfal, post b’post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-postijiet storiċi.

studenta li għandha bżonn facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li studenta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tattendi l-iskola primarja tax-Xagħra, Għawdex (Skola Patri Mattew) tingħata l-għajnuna ta' facilitator peress li għandha bżonn immedjat ta' dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istatmenting Moderating Panel ġa ra lil din it-tifla fl-Lulju 2010 u rrakomanda li tibbenefika mir-riżorsi li diġa hemm fil-klassi u li tattendi għall-programm tal-iNWAR. Jekk il-ġenituri u/jew l-iskola ma’ jaqblux ma’ din id-deċiżjoni għandhom id-dritt li jressqu l-każ quddiem il-Bord Tal-Appell.

Course tas-Supply Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex dawk li qagħdu għal course tas-supply learning support assistants u qagħdu għall-eżami f'Jannar 2010 għadhom ma tqassmulhomx iċ-ċertifikati tal-course? Meta mistennija jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-mili tal-postijiet? Kemm mistennija jkun hemm postijiet vakanti? Kemm kien hemm nies li bdew il-course u li temmewh u kkwalifikaw għal ċertifikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-sejħa għall-LSA II għadha kif għalqet. Bħalissa qed isiru l-verifiki tal-applikazzjonijiet u wara jsiru l-interviews. 320 (tlett mija u għoxrin) bdew il-kors, temmewh u kkwalifikaw għal ċertifikat. It-tqassim taċ-ċertifikati ser ssir fil-futur qrib.

Qasam edukazzjoni tal-mużika — terms of reference

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika u xi ħlasijiet u terms of reference għandhom għax-xogħol tagħhom? Tista’ tgħid x’xogħol għamlu s’issa u jekk kienx jinkludi l-intervistar ta’ persuni biex jgħallmu fl-iskola tal-mużika? Tista’ tgħid jekk l-uffiċjal edukattiv inkarigat mill-mużika kienx involut f’dawn l-intervisti, u jekk le għaliex ma kienx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-konsulent fil-qasam tal-edukazzjoni tal-Mużika huwa Mro Alan Chircop (fejn wkoll tqabbad jagħti konsulenza u assistenza lil Mario Azzopardi Director Lifelong Learning, Monica Bugeja Acting Head School of Music u Mariella Cassar EO Music). Ix-xogħol kollu li sar huwa relatat mad-direzzjoni li ġie mogħti mill-Ministeru, li jkopri l- Areas of Consultation u terms of reference tiegħu. Kien wasal iż-żmien li l-Mużika tingħata attenzjoni aktar iffukata, u propju dan huwa x-xogħol li qed jagħmel il-konsulent, biex tinħoloq is-sinerġija meħtieġa bejn l-oqsma kollha li għandhom kontribut dirett mal-Edukazzjoni tal-Mużika. Dwar xi ħlasijiet u terms of reference tal-individwu msemmi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li tinkludi t- terms of reference . L-uffiċjal edukattiv inkarigat mill-mużika ma kienx involut f’dawn l-intervisti. Dawn l-intervisti huma għall-għalliema fid-direttorat tal- Lifelong Learning u mhux fl-edukazzjoni obbligatorja.

Qasam tal-edukazzjoni tal-mużika — għalliema tal-mużika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki għandhom il-konsulenti tal-ministru fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika meta fl-intervisti għall-għalliema tal-mużika ħadd minnhom ma ġie mistoqsi dwar kif jgħallem il-mużika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru għandu konsulent wieħed fil-qasam tal-Edukazzjoni tal-Mużika. Il-kwalifiki tiegħu huma: Master of Arts in Music (M.A.) in Orchestral Direction (Conducting) Hochschule fuer Musik und Theater “Felix Mendelssohn Bartholdy” – Leipzig (Music & Theatre Academy – Leipzig) Germany Master of Arts in Music (M.A.) in Pianoforte (Performance & Teaching) Hochschule fuer Musik und Theater “Felix Mendelssohn Bartholdy” – Leipzig (Music & Theatre Academy – Leipzig) Germany Diplome de Fin d’Etudes – Conservatorie National de Region de Lyon – France L.R.S.M, L.T.C.L & A.T.C.L Diplomas Għall-benifiċċju tal-Onorevoli Interpellant, dawn huma l-kriterji wżati u kif ġew imqassma l-marki fl-intervisti li saru għall-adult educators fit-tagħlim tal-mużika: Track Record Performance (5 marki) Exposure (5 marki) Exposure to Teaching (5 marki) Knowledge in Subject (5 marki) Leadership Qualities Vision/Goal Orientation (5 marki) Change Orientation (5 marki) Decisiveness (5 marki) Managerial Ability Ability to see objectives of Teaching (5 marki) Ability to manage a classroom (5 marki) Ability to reward students (5 marki) Personal Attributes Personal/Emotional Stability (5 marki) Motivation / Commitment to teaching (5 marki) Adaptability (5 marki) Knowledge of and Suitability as Adult Educator (Music) Knowledge of Role (5 marki) Knowledge of broader environement (5 marki) Knowledge of teaching (5 marki) Proficiency of teaching (General) (5 mari) Qualifications (15-il marka)

Skola tal-Mużika — pjanijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-Iskola tal-Mużika għas-snin li ġejjin u jekk hemm xi pjan miktub tpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid min fassal dan il-pjan u x’konsultazzjoni serja saret ma’ dawk involuti fl-edukazzjoni tal-mużika f’pajjiżna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-pjan li qed jitwettaq fir-rigward għall-iskola tal-Mużika huwa dak kif espress mill-Gvern, fil-Malta National Reform Programme Progress Report, 2009. Fuq paġni 95 u 115, hemm fost l-oħrajn elenkata miżura partikolari li tkopri l-ħidma nġenerali tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u s-setturi li jaqgħu taħtu, kif ukoll hemm elenkata miżura oħra speċifikalment indirizzata lis-sitt skejjel li jispeċjalizzaw fl-arti kreattiva, waħda minnhom hi l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss. Iż-żewġ miżuri li qegħda ssir referenza għalihom huma: (1) deċentralizzazzjoni ta' korsijiet fil-komunita ħalli tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex b'żieda konsistenti annwali nilħqu l-mira ta' 15% ta' parteċipazzjoni ta' nies fit-tagħlim tul il-ħajja sal-2020. (2) Integrazzjoni tal-kwalifiki mogħtija mis-sitt skejjel tal-arti kreattiva, fil-qafas tal-kwalifiki ta' Malta (MQF). It-twettiq ta' dawn il-miżuri huwa kkordinati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Il-linja ta' politika nġenerali ta' kif għandhom jitwettqu tiġi diskussa meta jsiru l-laqgħat regolari tal-uffiċċjali nkarigati kollha ta' dawn l-iskejjel flimkien mad-Direttur u s- Service Manager fi ħdan dan id-Direttorat. Filwaqt li l-amministraturi tal-iskejjel jikkordinaw huma t-twettiq ta' dik il-parti li tikkonċerna lilhom. Fil-każ tat-tieni miżura, kien hemm is-sehem sħiħ u dirett tal- Malta Qualifications Council u l-esperti mqabbda minnha.

Qasam tal-edukazzjoni mużikali — faċilitajiet ta' instrument tal-mużika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema ċentri qed tingħata l-edukazzjoni mużikali li qabel kienet tingħata kollha kemm hi fl-Iskola tal-Mużika u tgħid f’kull każ x’faċilitajiet ta’ instrumenti tal-mużika għandhom l-għalliema biex ikunu jistgħu jedukaw lill-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti li qabel kienu fl-iskola tal-Mużika issa qed jattendu għall-lezzjonijiet fl-iskola Primarja tal-Belt u fil-Lifelong Learning Centre l-Imsida. Minn din is-sena nfetħu wkoll sitt ċentri tal-mużika li huma f’dawn l-iskejjel: (a) Skola Primarja Santa Klara, Pembroke. (b) Skola Primarja San Nikola, Attard. (c) Skola Sekondarja tas-Subien San Benedittu, Ħal Kirkop. (d) Skola Sekondarja tas-Subien, San Inazju, Qormi. (e) Skola Sekondarja tal-Bniet Maria Reġina, Mosta. (f) Skola Sekondarja tal-Bniet, San Benedittu, Santa Luċija. L-applikanti ser jieħdu l-istrumenti mużikali magħhom. F’dawk l-iskejjel li ma hemmx pjanu inkera wieħed.

Assistent kap tal-iskola tal-mużika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-assistant kap tal-iskola tal-mużika li kienet l-unika persuna kwalifikata f’dan il-qasam ġiet trasferita minn din l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa d-dmir tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li jara li r-riżorsi umani huma distribwiti bl-aħjar mod possibli. Peress li l-iskola tal-mużika qed tagħti servizz minn diversi siti, inħass li kien hemm skola oħra li kellha tingħata priorita’ ta’ allokazzjoni ta’ assistent kap. L-Assistent Kap fl-iskola tal-Mużika (li, flimkien ma oħrajn hija, persuna kwalifikata f’dan il-qasam) kienet ingħatat il-ħatra ta’ Assistent Kap taħt is-sejħa għal applikazzjonijiet għal Assistenti Kapijiet tal-iskejjel Sekondarji. Din il-persuna kienet intbagħtet taqdi dmirijiet ta’ Assistent Kap fl-iskola tal-Mużika. Billi din l-iskola hija skola bħall-oħrajn u fi skejjel oħra kemm Primarji kif ukoll Sekondarji jsiru trasferimenti ta’ staff inkluż Assistenti Kapijiet, din is-sena kien hemm il-bżonn li din il-persuna tiġi trasferita fi skola sekondarja.

Postijiet għall-kapijiet ta' skejjel tal-mużika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex qed idumu ma jimtlew u dejjem jiġu posposti l-mili tal-postijiet ta’ kapijiet fl-iskola tal-mużika tal-Malta u ta’ Għawdex? Kemm se jdumu b’aġenti kapijiet dawn iż-żewġ skejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-mument iż-żewġ uffiċċjali nkarigati mill-iskejjel tal-Mużika ta’ Malta u ta’ Għawdex inħatru b’mod indefinit mill-eks Diretturi tad-Dipartiment tal-Further Studies & Adult Education, li fil-passat dawn l-iskejjel kienu jaqgħu taħtu.

Benefiċċju tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu benefiċċju tat-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi n-numru ta’ familji u ommijiet xebbiet li jirċievu l-allowance tat-tfal hu ta: Numru ta’ familji jirċievu l-allowance tat-tfal bit-test tal-mezzi 22,648 Minn numru t’hawn fuq hemm ommijiet xebbiet li jirċievu l-allowance tat-tfal li huma 4,157 Numru ta’ familji jirċievu l-allowance tat-tfal b’rata fissa* 18,627 Minn numru t’hawn fuq hemm numru ta’ ommijiet xebbiet li jirċievu l-allwance tat-tfal b’rata fissa* li huma 113 * Dawk li jeċċedu dħul annwali ta’ €23,923.

Benefiċċju tal-mard kontra diabete

Question

Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu benefiċċju tal-mard kontra diabete?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ familji u ommijiet xebbiet li jirċievu l-għajnuna tal-mard minħabba diabete hu ta’ 2,940. Minnhom hemm 20 persuna (19-il mara u raġel wieħed) li jirċievu l-Għajnuna Soċjali għal ġenitur waħdu.

benefiċċju kontra l-mard ikkawżat mill-pressjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu l-benefiċċju kontra l-mard ikkawżat mill-pressjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ familji u ommijiet xebbiet f’Malta u Għawdex li jirċievu l-Għajnuna tal-Mard għaliex ibatu minn pressjoni għolja hu ta’ 6,665 f’Malta u 787 f’Għawdex.

benefiċċju waqt it-tqala

Question

Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' familji u ommijiet xebbiet f'Malta u Għawdex li jirċievu l-benefiċċju waqt it-tqala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li rċevew il-Benefiċċju tal-Maternita matul dawn l-aħħar għaxar xhur jiġifieri bejn Jannar u Ottubru 2010 kien ta’ 1,994. Minn dan it-total, 656 kienu ommijiet xebbiet.