Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6184 Sitting 83 2009-02-16 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Teatri Maltin u Għawdxin — Ċensura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il play teatrali ġiet ċensurata milli tittella' fit-teatri Maltin u Għawdxin fl-aħħar għaxar snin u x'kien l-isem ta' kull play? Kemm-il film ġie ċensurat fl-aħħar għaxar snin milli jintwera fis-cinemas Maltin u Għawdxin fl-aħħar għaxar snin u x'kienu l-ismijiet ta' kull film?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin ma ġie iċċensurat l-ebda film, filwaqt li fir-rigward ta' plays teatrali, ġiet iċċensurata waħda, bl-isem ta' STITCHING.

Droga li nqabdet mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' kien l-ammont ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija fl-2008 u f’Jannar ta’ din is-sena? X’tip ta’ droga kienet u f’liema ammonti? Kemm tressqu persuni l-Qorti? Kemm kienu Maltin u kemm barranin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #5909 Sitting 82 2009-02-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija li jikkwalifikaw għall-allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom Pulizija jikkwalifika sabiex jibda jieħu allowance ta' €96.76 kull erba' ġimgħat li jingħataw lil diversi membri oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sabiex membru tal-Korp jikwalifika għal special duty allowance, irid ikun assenjat xogħol speċjaliżżat. Bħala miżura tad-diskors tal-Budget tal-2007, mill-1 ta' Jannar 2008, din l-allowance bdiet tingħata wkoll lil dawk il-membri tal-Korp li l-frank dejjem jaqa' kull nhar ta' Ħadd.
Leg 11 PQ #5748 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — Intake

Question

Jista’ l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar meta hu mistenni li jkun hemm intake ieħor ta' pulizija fil-Korp tal-Pulizija? Kemm hu mistenni li jiġu ngaġġati persuni f'dan l-intake?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ir-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija jsir skont l-esiġenzi tal-Korp u n-neċċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn.
Leg 11 PQ #5815 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Imħallef fil-Qorti Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta nħarġet l-applikazzjoni (f'Malta) għall-imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (European Court of Human Rights) kemm applikaw? Jista' jgħid x'kienet il-kariga ta' kull applikant/applikanta meta applikaw? Jista' jaqsam l-informazzjoni f'irġiel u nisa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoi in materja nħarġet fi Frar 2006. Il-karigi ta' persuni li applikaw kienu s-segwenti : Prim Imħallef, Imħallfin, Maġistrat u avukati. Kien hemm 9 irġiel u 2 nisa.

Ċentru ta' Delinkwenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' żgħażagħ/persuni li qed jattendu ċ-Ċentru ta' Delinkwenza fl-Imtaħleb limiti tar-Rabat fil-preżent? X'etajiet għandhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 14-il persuna li qed jattendu fiċ-Ċentru ta' Delinkwenza fl-Imtaħleb. L'etajiet ta' dawn ivarjaw bejn it-22 sena u t-53 sena.
Leg 11 PQ #5874 Sitting 81 2009-02-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal għat-Talbiet Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru seduti mit-Tribunal għat-Talbiet Żgħar: a) mill-bidu tas-sena forensika sal-lum? b)fis-sena forensika preċedenti? Kemm jitħallas iċ-Chairman tal-istess tribunal għal kull seduta? Kemm ġew deċiżi kawżi mill-istess tribunal mis-sena forensika preċedenti għal dik li qegħdin fiha llum? Kemm ġew deċiżi kawżi mill-istess tribunal f'din is-sena forensika? Kemm ġew transatti jew seduti f'din is-sena forensika? Kemm daħħal iċ-Chairman mis-sena forensika preċedenti għal dik tal-lum? Kemm daħħal din is-sena sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #5745 Sitting 80 2009-02-04 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija u uffiċjali tad-dwana

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' kemm-il darba matul l-2008, il-pulizija kienet mitluba biex tgħin uffiċjali tad-dwana li kienu qabdu materjal suspettuż at point of entry fl-airport jew portijiet Maltin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li din il-mistoqsija tirreferi għal talbiet li saru minn Dipartiment tal-Gvern, naħseb ikun għaqli u opportun li tali informazzjoni tintalab lid-Dipartiment ikkonċernat. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kariga ta' surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm surġenti li damu iktar minn 15, 20 u 25 sena fil-Korp tal-Pulizija bħala surġenti? Kemm kien hemm li damu aktar minn 25 sena f'din il-kariga?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Leg 11 PQ #5492 Sitting 79 2009-02-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Awtoritajiet u aġenziji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dekasteru ta' dan il-Ministeru hemm Aġenzija waħda dik ta’ L-Avukat Ġenerali li, pero’ mhix immexxija minn Bord.

Offiżi ta' natura sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi marbuta ma' offiżi ta' natura sesswali fost it-tfal matul is-sena 2007 u 2008? Kemm kienu dawk il-każi li tressqu l-Qorti fis-snin imsemmija? Jista' jgħid ukoll fil-każi fejn ingħatat sentenza kemm kienu dawk id-drabi li l-Avukat Generali appella mis-sentenza mogħtija? Jekk kien hemm dawn il-kazi ta' appell, jista' jgħid liema kienu dawn il-każi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2007 ġew irrappurtati lill-Pulizija 42 każ ta' abbuż sesswali fuq it-tfal u inbdew proċeduri fi 38 każ minnhom, filwaqt li 3 każijiet oħra għadhom qed jiġu investigati u f'każ ieħor kien hemm rinunzja. Minn dawn ġew deċiżi 4 każijiet filwaqt li f'każ ieħor l-akkużat miet. Fl-2008 ġew irrappurtati 36 każ, li dwarhom inbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti u s'issa ġew deċiżi 2. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każijiet kollha ma sarx appell mill-prosekuzzjoni/Avukat Ġenerali.

Każ ta' persuna — uffiċjal temporanju fis-servizz ta' detenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jispjega liema kienet il-kundizzjoni li ma ssodisfax il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, sabiex l-applikazzjoni tiegħu għall-ingaġġ bħala uffiċjal temporanju fis-servizz ta' detenzjoni ma ġietx aċċettata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ma ssodisfatx il-kundizzjoni elenkata fl-ewwel paragrafu tas-sejħa għall-applikazzjonijiet kif pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' l-4 ta' Lulju 2008.

Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem — ħatra ta' imħallef

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'bi ħsiebu jagħmel il-Gvern issa li n-nomini tiegħu għall-ħatra ta' Imħallef sabiex jippresjedi fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem reġgħet ġiet irreġettata? Jidhirlu il-Gvern li wara kważi tliet snin fejn ma ntlaħaq l-ebda kompromess mal-Kunsill ta' l-Ewropa, li wasal iż-żmien li l-Gvern, b'responsabbiltà jissorvola din il-kwistjoni għax tista' twassal għal kriżi internazzjonali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dwar l-ewwel parti tad-domanda il-Gvern qiegħed jistudja l-pożizzjoni li issa tirriżulta wara li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa qiegħda tkompli tinsisti fuq il-pożizzjoni tagħha minkejja l-parir kuntrarju li tat il-Qorti Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jikkunsidra l-għazliet li għandu l-Gvern quddiemu. In kwantu għat-tieni parti tad-domanda għandu jingħad li il-Gvern f’din il-materja mexa b’mod mill-aktar responsabbli tant li meta adixxa lill-Qorti Ewropea dwar id-Drittijet tal-Bniedem għall-parir tagħha dwar il-kwistjoni dik il-Qort tat raġun lill-Gvern u hija l-Assemblea Parlamentari tal-Council of Europe li qiegħdha twebbes rasha anki saħansitra kontra l-parir li ingħata mill-Qorti Ewropea imsemmija. Ċertament sabiex il-Gvern jimxi b’mod risponsabbli ma jfissirx li għandu jirrinunzja għall-prerogattivi u d-drittijiet li jagħtuh il-konvenzjonijiet internazzjonali li taghhom ikun parti għalkemm ma jidhirx ċar fejn l-Onor interpellant qiegħed jara xi kriżi addirittura internazzjonali.

Facilità Korrettiva ta' Kordin — nies preżenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies preżentament ritenuti fil-Facilità Korrettiva ta' Kordin li qiegħdin b'arrest preventiv u jindika n-nazzjonalità tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' detentuti ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li jinsabu taħt arrest preventiv huwa ta' 134, li d-dettalji tan-nazzjonalita' tagħhom jidhru fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni taħt arrest — assistenza legali

Question

Jidhirlu l-Ministru anke wara ċerti deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li wasal iż-żmien li l-persuna li tkun qiegħda taħt arrest u qed tiġi interrogata għandu jkollha l-jedd għall-assistenza legali? Bi ħsibu l-Ministru, fil-futur qasir, idaħħal emendi simili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qiegħed isegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-każistika in materja tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll l-iżviluppi li qed isiru lokalment kemm fil-kamp forensiku kif ukoll fl-organizzazzjoni tal-Pulizija sabiex ikun jista' jiġi determinat x'deċizjonijiet huma opportuni li jittieħdu f'dan ir-rigward.

forum shopping

Question

Jaqbel il-Ministru li ċerti tip ta' kawżi li di natura tagħhom jista' jkollhom indoli ta' natura poltika, jiġu assenjati dejjem għal quddiem ġudikant partikolari? Jaħseb li dan jista' jiġi interpretat, tajjeb jew ħażin, bħala forma ta' forum shopping?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ma hux ċar għalxiex qiegħed jagħmel riferenza l-Onor interpellant u għal-liema tip ta’ kawżi qiegħed jirreferi u għalhekk ma jidhirx li tista’ tingħata riposta informata għal domanda li tirrigwarda sitwazzjoni ipotetika. Ċertament, iżda, jekk kawżi jiġu assenjati lil ġudikant partikolari dan għandu jservi biex jelimina l-forum shopping u mhux biex jinkoraġġih.

Jesuit Refugee Service — ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta' flus li tħallset s'issa il-Jesuit Refugee Service mill-Gvern Malti u/jew mill-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-JRS issottomettiet żewġ proġetti, fl-2005 u fl-2007 rispettivament taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, liema proġetti ġew approvati għal finanzjar mill-Kummissjoni Ewropea. Taħt dan il-Fond, il-JRS tħallset is-somma ta' €101,396.73.
Leg 11 PQ #5586 Sitting 78 2009-02-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każ ta' armla — dar matrimonjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk armla mit-tieni żwieġ għandhiex id-dritt li tibqa' tgħix fid-dar matrimonjali nonostante l-fatt li d-dar hija proprjetà parafernali ta' żewġha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la hija l-funzjoni ta' dan il-Parlament, skont il-Kostituzzjoni tagħna, illi jinterpreta l-liġi u japplikaha għal każijiet partikolari, u lanqas ma hija l-funzjoni ta’ risposta ghal mistoqsija parlamentari illi tagħti parir legali. Dan għaliex kull opinjoni dwar it-tifsira ta’ liġi li tista’ tingħata fil-Parlament, għad li għandha l-piż tagħha, hija dejjem soġġetta għall-interpretazzjoni aħħarija ta’ dik il-liġi li jistgħu jagħtu l-Qrati fl-applikazzjoni tal-liġi għal każijiet partikolari.
Leg 11 PQ #5683 Sitting 78 2009-02-02 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Inċidenti fatali li ġew rapportati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3168, jista' l-Ministru jaġġorna t-tabella li ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar 1998 u l-31 ta' Diċembru 2008, in-numru ta' inċidenti tat-traffiku fatali kien ta' 156. F'dawn l-inċidenti 168 persuna tilfu ħajjithom. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella aġġornata kif mitluba mill-Onorevoli Membru.

Ħal Safi — Ħsarat fil-barracks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa smat li saret ħsara fil-barracks ta' Ħal Safi mill-immigranti illegali nhar is-Sibt 10 ta' Jannar 2009? Min iħallas għal din il-ħsara, il-Gvern Malti jew l-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ħsara li saret fl-imsemmija barracks, li hija stmata li tammonta għal €1,416.24, jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern Malti.