Legislature:
Category:
Reset
Active:

Barklori reġistrati u liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm barklori reġistrati u liċenzjati u jekk humiex jiġu mħallsa skont il-liġi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li skont ir-reġistru tad-dgħajjes kummerċjali, hemm 28 dgħajsa tal-pass irreġistrata b’mod kummerċjali u 23 operatur li joperaw dawn it-tip ta’ dgħajjes.

Wied il-Għajn – Triq — permessi

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ipjannar tat-triq li qed tinfetaħ minn ġo art xagħri min-naħa tal-Jerma li tispara dritt għal Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma ninsab infurmat, din it-triq hija skedata fil-Pjanijiet Lokali, infatti Infrastructure Malta kienet teħtieġ biss Road Works Permit li nkiseb qabel bdew ix-xogħlijiet u jġib in-numru TRWP4-0088/21.

San Pawl il-Baħar – Triq San Franġisk u Triq il-Konverżjoni — bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat isiru it-tiswijiet fuq il-bankini fi Triq San Franġisk kif ukoll fi Triq il-Konverżjoni f’San Pawl il-Baħar, liema bankini jinsabu fi stat perikoluż ħafna (ritratt anness)?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Wied il-Għajn – Triq il-Gardiel — tiswijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18319, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm ser jiġu jiswew it-tiswijiet fi Triq il-Gardiel Wied il-Għajn u meta huwa mistenni li ser ikunu x-xhur li, sabiex jiġi konkluż ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegajt b’mod dettaljat fit-tweġiba preċedenti għall-mistoqsija parlamentari 18319 tal-istess Onorevoli membru, ix-xogħljiet li qegħdin isiru fi Triq il-Gardiel mhumiex sempliċiment tiswijiet imma din it-triq qed tinbena mill-ġdid b’investiment sostanzjali li hu stmat li se jlaħħaq is-somma ta’ €1,263,610. It-triq fiha kważi kilometru, minn ħdejn il-Magħluq u twassal sal-Bajja ta’ San Tumas, u se jsirulha xogħlijiet estensivi biex jinbidlu s-servizzi taħt l-art qabel ma t-triq jissaħħulha l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt. Dawn jinkludu tqegħid ta’ katusi u pajpijiet għas-servizzi tal-ilma, drenaġġ, ilqugħ għall-ilma tax-xita, servizzi tat-telekomunikazzjoni u bankini. Għaldaqstant, ix-xogħol mistenni jieħu numru ta’ xhur u għalhekk huwa mmirat li t-triq titlesta fit-tielet kwart ta’ din is-sena. Ix-xogħlijiet se jsiru f’fażijiet biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Xatt tal-Birgu – tneħħija ta’ materjal

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 17990 u 18320 u 19555 jista’ l-Ministru jibgħat verament uffiċjali mill-Ministeru tiegħu biex il-materjal li hemm f’Xatt tal-Birgu u li fl-aħħar domanda tressqu għall-attenzjoni tiegħu ritratti tal-istess, jirrejalizza li għadu hemm u għadu ma tneħħiex u dan għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kamra ġiet infurmata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa’ weġibna diversi drabi din il-PQ, ninsab infurmat u nikkonfermaw minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tal-MITP fl-20 ta’ Jannar 2021 fuq il-post msemmi, li l-materjal imsemmi mill-Onoroveroli Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabilita’ ta’ dan id-dekasteru. Jkun għaqli la ż-żona hi miftuħa għall-pubbliku jirreferi lill-forzi tal-ordni biex jieħdu azzjoni.

Marsaxlokk – Triq Xrobb l-Għaġin — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk ix-xogħol f’Triq Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk huwiex konkluż u jekk le għaliex? Jista’ jinforma x’xogħol sar u kemm huwa stmat li ser jiswa?

Response (BORG, IAN)

Bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha biex ittejjeb il-kwalità u s-sigurezza fit-toroq f’Malta, Infrastructure Malta qed twettaq ukoll programm estensiv ta’ manutenzjoni u bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq rurali f’lokalitajiet differenti. Ħafna minn dawn it-toroq qalb il-kampanja tħallew fi stat ta’ telqa għal għexieren ta’ snin. Illum il-ġurnata dawn it-toroq ma jintużawx biss mill-bdiewa li jkollhom l-għelieqi fl-inħawi, imma huma wkoll imfittxijin ħafna minn minn bosta dilettanti tal-ġiri, tal-mixi u miċ-ċiklisti. Uħud minn dawn it-toroq ma kienux sarulhom pedamenti adegwati u Infrastructure Malta qed terġa’ tibnihom b’materjali aktar b’saħħithom u li jservu aktar fit-tul. Bħala parti minn dan il-programm, f’nofs Frar Infrastructure Malta bdiet xogħlijiet simili fi Triq Xrobb l-Għaġin b’investment li hu stmat li se jlaħħaq is-somma ta’ €812,000 (VAT eskluż). Billi din it-triq twila mhux ħażin, madwar 3 kilometri, ix-xogħol qed isir f’fażijiet u parti minnha diġà ngħatat l-ewwel kisja bl-asfalt. Mill-2019, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali f’iżjed minn 30 lokalità differenti. Dan l-investiment biex tittejjeb l-infrastruttura għas-settur agrikolu se jissokta matul din is-sena u fis-snin li ġejjin, bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq rurali u xogħlijet oħrajn simili.

Gozo Channel (Operations) Ltd – ġarr ta’ merkanzija miċ-Ċirkewwa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19751, jista' l-Ministru jispjega għaliex id-dokument mitlub hu sensittiv meta l-Public Service Obligation Agreement oriġinali ġie mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tal-20 ta' Marzu 2012 tal-XI-il Leġislatura (Mistoqsija numru 32791)? Għaliex il-gvern mhux qed ikun trasparenti bħal dak ta' qablu f'dan ir-rigward?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi l-Onovervoli Interpellant għat-tweġiba diġa mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentaru Numru 19751 f’ Seduta 438.

Burmarrad — Triq Burmarrad - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex isir xogħol meħtieġ f'toroq fil-ġnub ta' triq prinċipali bl-isem Triq Burmarrad (li r-rittratti tagħhom qed jingħataw separatament) fejn dawn it-toroq huma fl-inħawi magħrufa bħala inħawi Triq Għajn Rihana fejn saret roundabout fejn il-Kappella ta Santa, Għajn Riħana? Jista' jara l-istat ta' dawn it-toroq li tkissru waqt li kien qed issir xi xogħol fi Triq Burmarrad?

Response (BORG, IAN)

Bħal f’lokalitajiet oħrajn, f’Burmarrad ukoll Infrastructure Malta qed tagħmel diversi xogħljiet u manutenzjoni f’toroq rurali. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jippreżenta site plan fejn jindika t-toroq li qed jirreferi għalihom.

San Pawl il-Baħar – Triq it-Tamar – tiswijiet fi triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel it-tiswijiet meħtieġa fi Triq it-Tamar f’San Pawl il-Baħar, peress li din tinstab fi stat ħażin fejn parti minn din it-triq qed jikkawża perikli lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq (ritratt jinsab anness)

Response (BORG, IAN)

Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali madwar Malta, jiġifieri medja ta’ tliet toroq kull ġimgħa. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq residenzjali oħra fosthom Triq it-Tamar li qed issir fi proġett wieħed li jinkludi tliet toroq oħrajn fl-istess żona ta’ San Pawl il-Baħar li huma Triq Andrew Cunningham u triq ġdida li tiġi bejniethom, kif uoll Triq Annetto Caruana. Filwaqt li l-ewwel tlieta jonqoshom l-aħħar saff t’asfalt, għad irid isir ix-xogħol fit-triq l-oħra. Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid diversi toroq residenzjali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fosthom Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot u Triq l-Iskuna. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Is-Saqqajja/Siġġiewi – Triq it-Tiġrija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser titlesta Triq it-Tiġrija li tagħti mis-Saqqajja għas-Siġġiewi hekk kif ilha one-way għal numru ta’ ġimgħat u rari tara ħaddiema fit-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel fażi saru xogħlijiet preparatorji fit-triq indikata, fosthom ġew mgħoddijin servizzi taħt l-art u anke sar titjib tal-bankini billi nbnew mill-ġdid. It-triq reġgħet tinsab miftuħa b’mod normali sakemm ix-xogħlijiet jitkomplew fiż-żmien li ġej kif ippjanat, anke f’kordinazzjoni ma’ proġetti oħrajn li qegħdin isiru f’toroq oħrajn u li jistgħu jolqtu din ir-rotta.

Wied il-Għajn – Triq tal-Gardiel — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara x’inhu jiġri fi Triq tal-Gardiel, Wied il-Għajn li ilha madwar xahrejn maqlugħa bil-konsegwenza li min irid jaqbad tal-linja jrid jimxi mixja twila għax tal-linja ilha xahrejn ma tgħaddi minn din it-triq lejn il-parti ta’ San Tumas? Minbarra skomdu ta’ trabijiet u inkonvenjenzi oħra, jista’ jara wkoll li issa li suppost kien se jingħata t-tarmac, reġa’ beda t-tħaffir fit-triq għax qed jinstadd id-dranaġġ? Jista’ jara eżatt x’inhuma l-problemi u ġentilment jinformani għax qed nirċievi diversi ilmenti?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 20199 tal-istess Seduta.

Operaturi ta’ dgħajjes, coaches u trains tat-turisti — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jinnota li s-sidien ta’ dgħajjes tat-turisti, coaches tat-turisti, trains tat-turisti ġew sfurzati jħallsu l-liċenzji dovuti, minkejja li mhux qed jaħdmu u issa qed jintalbu jħallsu nofs il-bolla tal-ħaddiema tagħhom meta dawn ilhom xhur (sħaħ) ma jaqilgħu xejn ħlief joħorġu flus minn ġewwa għax inġenji tal-baħar, l-aktar imma mhux biss, xorta jridu maintenance? Għaliex il-gvern mhux biss m’għenhomx lil dawn l-operaturi imma anqas biss eżentahom milli jħallsu l-liċenzji dovuti kif saru ma’ operaturi oħra fil-qasam tat-turiżmu fejn fost oħrajn anqas liċenzji mhuma jħallsu, li kien pass fid-direzzjoni t-tajba? Hu konxju li dawn se jkunu kaġun li jiddikjaraw falliment jekk jibqgħu sejrin hekk, iħallsu lill-gvern liċenzji meta mhux qed jaħdmu, joħroġu nofs il-bolla tal-ħaddiema u jonfqu eluf ta’ euros f’manutenzjoni, minbarra jonoraw loans li laħaq kellhom u konsegwentament tant u tant ħaddiema jitilfu ħobżhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport għandha l-obbligu sabiex tiġbor il-ħlasijiet li huma dovut lilha. Madankollhu l-Awtorita’ tifhem is-sitwazzjoni finanzjarja tal-mument u qedgħha toffri skema ta ħlas lil dawn l-operaturi. Tajjeb li jingħad ukoll li dan is-suġġett qiegħed taħt konsiderrazzjoni u għaldaqstant meta jkun hemm xi żviluppi naġġornaw lill-Kamra.

Central Link – speed camera

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19713, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi installata 'speed camera' fis-Central Link (ċjoè l-Bypass il-ġdida li tagħti mill-Imrieħel sa Ħ’Attard) u mhux jekk hux ser titneħħa dik eżistenti fi Triq in-Nutar Zarb kif ġie imwieġeb?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għadu kmieni wisq biex jiġi stabbilit jekk hemmx bżonn Speed camera fis-Central Link, f’liema parti ta l-imsemijja triq trid tiġi stazjonata, kalkolu tas-sewqan aċċettat u studji relatati oħra. Nfakkar ukoll li l-entità responsabbli mill-ispeed cameras hija LESA.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.

Ħal Qormi – flyover — proposti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tiegħu u ta’ Infrastructure Malta għall-proposta alternattiva li ppreżenta l-Kunsill Lokali Qormi għall-proposta tal-gvern għall-flyover? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti bil-proposta tal-periti tal-kunsill u l-proposta ta’ Infrastructure Malta? Jista’ jgħid kemm se teqred raba’ l-proposta tiegħu u x’se ssalva dik tal-kunsill?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħal Qormi – flyover — proposti

Question

Meta l-proposta tal-periti tal-kunsill lokali ma jeqirdux art agrikola, imma se jissalvagwardjaw il-kampanja madwar ir-residenti tal-inħawi u se jissalvagwardjaw id-delizzju tan-nar, jista’ l-Ministru jgħid għaliex Infrastructure Malta għadha għaddejja bit-testijiet fil-bypass? Jista’ jgħid kemm irid jintuża konkos biex jinbnew il-pedamenti jekk il-bdiewa tal-inħawi għandhom raġun li fl-inħawi trid tħaffer bejn 4 u 5 sulari biex issib il-blat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Manikata — Triq il-Mejjiesa - tiswijiet fuq traffic calmer

Question

Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta jew il-Kunsill Lokali Mellieħa jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa fuq traffic calmer li hemm fi Triq il-Mejjiesa fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li din hija triq lokali u l-manutenzjoni hija responsabbilta’ tal-kunsill lokali. Transport Malta ser tkun qed tinforma lill-kunsill ħalli jkun jista’ jieħu l-azzjoni neċċessarja dwar din il-hump.

Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha relatati li kien meħtieġ li jkollha Infrastructure Malta biex setgħet twettaq xogħol ta’ tarmak fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad, limiti tal-Mellieħa, kif ukoll xogħol ieħor li kkonsista f’rampa tal-konkos mill-istess triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Fast Ferry bejn Malta u Għawdex – bastimenti — faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament x’faċilitajiet t’aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità ser ikollu kull wieħed mill-bastimenti li ser joperaw is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min iċċertifika jew ser jiċċertifika li l-bastimenti huma aċċessibbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-bastimenti li ser joperaw is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex iridu jkunu konformi mar-Regolamenti u d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll Konvenzjonijiet Internazzjonali u jkollhom il-faċilitajiet kollha neċessarji għal persuni “with reduced mobility” abbażi ta’ dawn il-liġijiet. Dan jiġi verifikat fl-istadju meta il-bastimenti jiġu surveyed biex jinħarġu ċ-ċertifikati neċessarji sabiex ikunu jistgħu joperaw fl-ibħra Maltin.

Għawdex – zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm hemm zebra crossings f'kull lokalità f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm-il waħda hi mgħammra b'pelican lights u mgħammra b'ħoss akustiku għall-persuni neqsin mid-dawl?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba, ġiet miġbura mill-Awtorita’ tat-Trasport u tinsab fit-tabella t'hawn taħt; Zebra Crossings Pelican Lights Pelican Lights – with acoustic sound Munxar 5 Xlendi 4 Sannat 2 Fontana 4 Marsalforn 3 Xewkija 11 6 6 Victoria 30 6 6 Xaghra 5 Nadur 4 Ghajnsielem 12 3 3 Gharb 4 Ghasri 2 Zebbug 1 San Lawrenz 2 Kercem/Santa Lucija 4 Qala NIL