Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-artijiet tal-Gvern li għandhom ċens ta’ 99 sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn jistgħux jiġu mifdija? Kien hemm sejħa ta’ skemi mill-Gvern għal fidi ta’ dawn it-tip ta’ ċnus bejn is-snin 2007 u 2017 (Ġunju)? L-art fejn hemm il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġiet mifdija? Jekk iva b’kemm infdiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull tip ta’ ċens temporanju jista’ jinfeda skont il-KAP573, l-Att dwar l-artijiet tal-Gvern.
Kien hemm skema maħruġa fl-2012 li kienet titratta fidi ta’ ċnus temporanju għal residenzi primarji u residenzi tas-sajf.
Id-dirett dominju temporanju tal-art fejn tinsab il-lukanda li isimha ġie mogħti separatament ġie mixtri fit-28 ta’ Diċembru 2005 u tħallset is-somma ta’ Lm 800,000 (ekwivalenti għal €1,864,000) wara ħruġ ta’ tender pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid liema policies jew regolamenti qed jiġu segwiti fl-evalwazzjoni ta' talbiet ta' reserved parking għall-persuni b'diżabilità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każi dwar min jikkwalifika għal Parkeġġ Riservat minħabba diżabbilta’, jidher quddiem Bord iffurmat minn TM u CRPD fejn tiġi segwita l-policy li għandha TM fir-rigward.
Bħalissa l-Ministeru tiegħi flimkien mal-Ministeru Għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, qegħdin f’taħdidiet sabiex itejbu l-kriterji speċjalment fir-rigward ta’ Parkeġġ Riservat u personalizzat. L-intenzjoni tal-Policy hija biex sewwieq li għandu bżonnijiet speċjali u problemi severi ta’ mobilita’ jiġi mgħejjun jgħix ħajja iktar indipendenti.
Ministeru għat-Trasport, Infratruttura u Proġetti Kapitali — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 101 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi żmien indikat. L-istess ma kienx hemm individwi li minn partajmers saru fultajmers fil-perjodu inkwistjoni.
Peress li l-qalb ta’ kull raħal hu wirt arkitettoniku li jagħti karattru lil Malta, u peress li fil-pjanijiet lokali nsibu spazji li huma definiti b’mod tekniku bħala open space enclaves u li jinkludu wkoll ġonna antiki li mhux bilfors huma parti minn djar ta’ karattru u dawn l-enclaves huma parti mill-Urban Conservation Areas, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jipproteġihom? Liema hu l-Att Legali li jħares dan u li joħroġ mil-Liġi tal-Awtorità għall-Ippjanar? Liema hu l-artiklu li jiddefinixxi din il-protezzjoni f’kull pjan lokali? Kif inhuma protetti dawn l-enclaves meta tiġi interpretata/applikata l-iSPED?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira ta’ dawn l-enclaves huma proprjeta privata u għalhekk il-Gvern ma tantx għandu opportunita’ li jintervjeni b’mod dirett.
Il-ħarsien ta’ dawn l-enclaves qed jigi assigurat mill-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar meta tkun qed tikkonsidra applikazzjonijiet ta’ żvilupp ġo fihom billi tapplika l-policies vigenti kemm tal-iSPED u kemm tal-Pjanijiet Lokali.
L-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp jobbliga lill-Awtorita’ li meta tkun qed tħejji plan jew policy għandha tqis il-konservazzjoni u preservazzjoni ta’ riżorsi naturali, kif ukoll policies ambjentali kurrenti tal-Gvern.
L-open space enclaves huma definiti fil-pjanijiet lokali u mhux fil-liġi. Kull Pjan Lokali għandu policy speċifika pero’ l-ġist ta’ kull policy hu li ma jitħalla li jsir ebda żvilupp ħlief għal meta dan ikun estenzjoni ma bini eżistenti, jew parti minn proġett ta ri-abilitazzjoni jew swimming pool u dejjem taħt kundizzjonijiet stretti biex jiġu mħarsa, siġar, il-ħamrija u featuresoħra ta’ valur arkitettoniku.
Urban Conservation Area – applikazzjoni għat-twaqqigħ ta’ djar
Question
Peress li l-Urban Conservation Area (UCA) tixhed karattru ta’ bini arkitettoniku, streetscape u ġrajja ta’ komunità marbuta mal-lokalità, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li ngħataw permess biex jitwaqqgħu djar (għal kollox jew parti) f’dawn iż-żoni fis-sena 2016? X’inhu l-persentaġġ ta’ dawn il-permessi li ngħataw f’UCA meta mqabbel ma’ kwalunkwè permess ta’ żvilupp li nħarġu mill-Awtorità għall-Ippjanar f’żoni urbani? Kemm huma l-permessi ta’ żvilupp fl-UCA li nħarġu xahar b’xahar minn Jannar 2017 sa Ottubru 2017?
Response (BORG, IAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2220, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat mitejn u sitta u sebgħin (276) applikazzjoni fl-Urban Conservation Area (UCA) fis-sena 2016 fejn kien hemm element ta’ twaqqiegħ ta’ bini (għal kollox jew parti). Dawn jammontaw għal erbgħa u għoxrin punt tnejn fil-mija (24.2) tal-applikazzjonijiet kollha approvati fl-iskema tal-iżvilupp fejn kien hemm element ta’ twaqqiegħ ta’ bini (għal kollox jew parti) matul s-sena 2016.
Qed inpoġġu quddiem il-kamra l-ammonti ta’ applikazzjonijiet li ġew approvati fil-UCA xahar b’xahar matul is sena 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn applikazzjonijiet ġew deċiżi u approvati matul iż-żmien mogħti u huma ndikati bħala fiż-żona tal-UCA jew fit-tieni parti ġew indikati bħala fiż-żona tal-iżvilupp. Sabiex ġie stabbilit jekk applikazzjoni kelliex element ta’ twaqqiegħ ta’ bini, ġew elenkati applikazzjonijiet li kellhom xi waħda mill-kliem segwenti fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom.
· Demolish
· Demolition
· Twaqqiegħ
· Twaqqa
· Titwaqqa / Jitwaqqa
Jannar 2017
164
Frar 2017
181
Marzu 2017
162
April 2017
118
Mejju 2017
236
Ġunju 2017
161
Lulju 2017
166
Awissu 201
123
Settembru 2017
207
Ottubru 2017
187
(Kjarifika: Ara dokument PL 721 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 54 tat-Tnejn 20 ta' Novembru 2017)
Ħaż-Żebbuġ – bypass ma’ Triq M.A Sapiano u Triq il-Buskett
Question
Peress li sa mis-sena 2005 kien ippjanat li l-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ li tagħqad Triq M.A. Sapiano ma’ Triq il-Buskett titkompla, u li m’hemmx dubju li din tgħin biex tissolva l-konġestjoni tat-traffiku fi Triq il-Kbira u Triq Mitħna, jista’ l-Ministru jara li ssir din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija qegħdin fuq lista ta’ prioritajiet li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem meta jkollna data definittiva.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi snin indikati ġew mogħttija żewgt (2) direct orders minn Transport Malta w erba’ (4) direct orders mill-Planning Authority għal servizzi ta’ konsulenza.
Palazz tal-Marfa – Expression of Interest — proċess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Expression of Interest dwar il-Palazz tal-Marfa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bħal issa qed issir valutazzjoni tal-proġett u proposti sottomessi sabiex jitressqu quddiem il-bord tal-Gvernaturi ta’ l-Awtorita ta’ l-Artijiet għall-approvazzjoni.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet li hemm bżonn fi Triq W Lassel, fil-Mellieħa peress li wara li sar intervent f’din it-triq mill-kuntrattur imqabbad mill-Enemalta, din it-triq ma reġgħetx ġiet re-instated għall-mod ta’ kif kienet qabel u sar xogħol inferjuri?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma lmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar ebda ilment tali tul din is-sena.
Dipartiment tal-Artijiet – fidi ta’ ċens – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l- Ministru jara u jirrelata fejn wasal il-każ bin-numru tal-file li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, tad-Dipartiment tal-Artijiet peress li l-persuni konċernati ilhom ħafna jistennew biex jifdu ċ-ċens?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant l il-każ bi numru tal-file P/4188/1997 ġie konkluż fi 9 ta Ottubru 2017.
L-Imqabba – Sqaq l-Isptar għal Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija – triq asfaltata
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 820, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispezzjoni li kellha ssir saritx, u meta se jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija qegħdha fuq l-lista ta’ prijoritajiet li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 71 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Birkirkara — Spezzjonijiet biex jiġi aċċertat li ma ssirx attività illegali
Question
Dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (a) li jittratta skavar ta’ ġibjun fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c) li jawtorizza diagnostic service & electrical repairs only, hekk kif ġie rilevat diversi drabi minn sidien li jgħixu fiż-żona, anke permezz ta’ ittri legali mibgħuta għan-nom tagħhom, saret u għadha ssir attività relatata ma’ dik ta’ mechanic li m’għandha x’taqsam xejn mal-permess indikat. Dan ifisser li skont l-istess ġirien qiegħed isir xogħol mekkaniku (mhux elettroniku) fuq bażi regolari, ġeneralment wara nofsinhar, fejn numru ta’ karozzi jitħallew għand sid il-garage sabiex jissewwew, ħafna drabi bil-bieb magħluq fejn isir ħafna storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dan ir-rigward min-naħa tal-MEPA in kwantu spezzjonijiet sabiex jiġi aċċertat li ebda attività illegali ma qiegħda ssir fl-imsemmi fond? Kemm–il spezzjoni saret? Meta u x’ħin saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn diversi spezzjonijiet li saru matul ħinijiet differenti tal-ġurnata fil-fond imsemmi, ma jirrizultax lill-Awtorità li qed isir xogħol ta’ mechanic iżda xogħol relatat mal-permess maħruġ
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju tinsab it-tiswija ta’ Triq Alfredo Cachia Zammit Żejtun u jista’ jindika l-ispejjeż li ntefqu sa issa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ Transport Malta li jikkonsisti f’culvert għall-ilma tax-xita u l-bini mill-ġdid tat-triq beda ftit tal-ġranet ilu u sa llum intefqu madwar Eur 100,000. Ix-xogħol prinċipali li sar fix-xhur li għaddew kien qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma; u għal dan nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stat u kundizzjoni tinsab Triq il-Fieres Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex ser isir xi xogħol fuqha fil-futur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se ssir spezzjoni fit-triq imsemmija biex ikun determinat il-kundizzjoni tagħha.