Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar residenzjali privati tal-anzjani — Benefiċċji jew sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'benefiċċji qed jingħataw b'xejn jew issussidjati lill-anzjani li qegħdin fi djar residenzjali privati tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

CDAU — Pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-Gvern dwar iċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) kemm mill-aspett ta’ servizzi u ħaddiema, kif ukoll mill-aspett ta’ bini minn fejn jopera dan il-unit?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan tal-Gvern huwa li s-Servizz taċ-Child Development Unit (CDAU) jibda jingħata minn post alternattiv bl-għan li jiġi offrut servizz ħolistiku li jindirizza l-bżonnijiet kollha ta’ dawn it-tfal u l-familji tagħhom. Dan is-servizz diġa qed jingħata f’Għawdex minn Ċentru għat tfal u adoloxxenti li jinkludi servizzi ta’ speċjalisti tal-iżvilupp tat-tfal, kif ukoll fiżjoterapija; occupational therapy, speech language pathology; psikjatrija ta’tfal u adoloxxenti. Ma’ dawn qed jiġu offruti servizzi ġodda bħal dental hygienist, community paediatrics u family therapy.

Il-Qawra — Ċentru tas-Saħħa - Pjanti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14903, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ġodda li l-Ministeru kien qed jaħdem fuqhom wara diskussjonijiet mal-klijent (Secondary Healthcare) għall-bini ta’ Ċentru tas-Saħħa fil-Qawra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument, il-pjanijiet huma dawk diġa espressi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21535 u l-pjanti li qed inkunu ffukati fuqhom huma dawk li jirrigwardjaw it-twettiq ta’ dawn il-proġetti li minhom ser jibbenifikaw il-pazjenti kollha Maltin u Għawdxin.

Il-Qawra — Ċentru tas-Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21535, jista' l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni mitluba fir-rigward taċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Qawra li hu ppjanat, jew kien ippjanat, li jinbena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21756.

San Pawl il-Baħar — Berġa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19043, jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni rigward il-Market Research li sar f'Jannar 2024, għall-berġa fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll x’irriżulta miż-żewġ offerti mitfugħa? Intgħażlet waħda minnhom? Jekk iva, liema?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-dettalji ta’ Market Research fihom informazzjoni ta’ natura kummerċjali.

Occupational Therapists, Physiotherapists, Speech & Language Therapists, Podiatrists u Radiographers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Occupational Therapists, Physiotherapists, Speech & Language Therapists, Podiatrists u Radiographers u kif inhuma mqassmin fis-servizz tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Paola Hub — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jinsabu x-xogħlijiet f’Paola Hub u meta mistenni li jinfetaħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif ċert li jaf l-Onor. Interpellant, il-kuntratt bejn il-kuntrattur u l-FMS ġie terminat minħabba li l-kuntrattur ma onorax l-obbligi kuntratwali li għandu. Malli jkunu kemm żviluppi ġodda, dawn jitħabbru.

Sptar Mater Dei – ward ġdida għall-kura tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex tinfetaħ ward ġdida fl-Isptar Mater Dei għall-kura tas-saħħa mentali, meta ser tinfetaħ u f’liema parti tal-isptar ser tkun?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji jitħabru fil-ħin propizju.

Sptar San Luqa — Proġett ta’ Dipartiment ta’ Outpatients

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ dipartiment ġdid ta’ Outpatients fejn qabel kien hemm l-Isptar San Luqa, u meta hu ppjanat li jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji jitħabru fil-ħin propizju.

Sit elettroniku Healthservices.gov.mt – wards miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-lista ta’ wards fuq is-sit elettroniku healthservices.gov.mt mhux qed turi l-wards kollha miftuħa fl-Isptar Mater Dei, inkluż il-wards ġodda miftuħa u dawk temporanji li ilhom jeżistu għal dawn l-aħħar snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-website healthservices.gov.mt bħalissa qed tiġi migrata għall-pjattaforma l-ġdida. Il-lista tas-swali se tkun tista’ tiġi aċċessata mill-website l-ġdida mdh.gov.mt. Il-lista se tkun qed tiġi aġġornata kontinwament.

Sptar Mount Carmel — ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jissuplixxi l-ikel fl-Isptar Mount Carmel u jagħti sample ta’ ġimagħtejn tal-menus provduti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa, is-servizzi tal-ikel fl-Isptar Monte Karmeli huma pprovduti mill-‘Malta Healthcare Catering Ltd’. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – SOP għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali akuta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx SOP ta’ meta persuna tmur l-Emerġenza bi problema ta’ saħħa mentali akuta u fejn tiġi trattata wara li tlesti mis-sezzjoni tal-Emerġenza?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li meta pazjent jkollu bżonn kura medika fid-dipartiment tal-emerġenza jintużaw linji gwida internazzjonli biex tingħata prijorità, indipendenti mill-fatt ta’ liema sistema fisjoloġika tkun involuta. Meta l-emerġenza tkun waħda ikkawżata minn kundizzjoni jew mard mentali, il-pazjenti jiġu megħjjuna skond il-prijorità u jiġu nvoluti speċjalisti tal-psikjatri skond il-bżonn.

Telephone Rent Rebate – Applikabbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema tat-Telephone Rent Rebate li permezz tagħha jingħata skont fuq il-kera tal-linja tat-telefon, tapplikax għal kull anzjan/a li għandhom 60 sena jew aktar? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji sabiex anzjan/a jkunu intitolati għal dan is-sussidju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-iskema tat-Telephone Rent Rebate tapplika għall-anzjani minn 60 sittin sena ’l fuq u li għandhom il-Karta r-Roża valida maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-applikant irid ikollu servizz ta’ linja fissa tat-telefown tal-GO plc. Dan is-servizz ma jridx ikun marbut b’xi kuntratt jew b’xi pakkett ta’ servizz ieħor tal-GO plc.

Silver-T Service – Applikabbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tas-Silver-T li permezz tiegħu jiġi offrut trasport bla ħlas, ġiex estiż għall-anzjani kollha, indipendentement minn fejn jirrisjedu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan is-servizz japplikax anke għall-anzjani li jkunu jridu jmorru jużaw is-servizz tal-BCRS?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15791. Għat-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li dan is-servizz japplika wkoll għall-anzjani li jkunu jridu jmorru jużaw is-servizz tal-BCRS.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Servizz ta’ constant watch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex anzjani li kellhom constant watch fil-Faċilità San Vinċenz de Paul tneħħilhom dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni li wasslet għal din id-deċiżjoni u x'qed jagħmel biex jara li dawn l-anzjani tingħatalhom l-attenzjoni kollha li għandhom bżonn sabiex ikunu protetti u wkoll sabiex ma jkunux ta' periklu għal anzjani oħra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hija fid-diskrezzjoni/ responsabbiltà tal-konsulent li jiddeċiedi jekk resident għandux bżonn ‘constant watch’. Il-konsulent jiddeċiedi wkoll il-perjodu ta’ żmien li l-pazjent ikun jeħtieġ il-‘constant watch’. Din il-proċedura tiġi implimentata minħabba numru ta’ indikazzjonijiet fl-imġieba tal-pazjent, pero’ dan ma jfissrix li għandha tibqa’ fis-seħħ għal dejjem. Jekk il-pazjent juri titjib, il-konsulent jista’ jħoss il-ħtieġa li din il-proċedura titneħħa. M’hemmx proċedura waħda għal kulħadd, iżda din tiġi deċiża skond il-każ.

Faċilità San Vinċenz de Paul – Servizz ta’ Constant watch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hemm anzjani fil-Faċilità San Vinċenz de Paul li għandhom constant watch? Jista’ jgħid ukoll f'liema wards qegħdin dawn l-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 168 resident taħt ‘constant watch’ f’San Vinċenz de Paul.

Faċilità San Vinċenz de Paul – Servizz ta’ Constant watch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani fil-Faċilità San Vinċenz de Paul li kellhom constant watch fis-snin 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f'liema wards kienu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2022 kien hemm 74 resident bħala medja f’San Vinċenz li kienu taħt ‘constant’ watch’ u fis-sena 2023, kien hemm 142 resident.

Sptar Mater Dei — Krozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei hemmx nuqqas ta' krozzi li jistgħu jinkrew? Jista' jgħid ukoll għaliex qed jingħad lil persuni li għandhom bżonn il-krozzi biex imorru jixtruhom minflok?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.