B’referenza għall-privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-entitajiet li ser jieħdu t-tmexxija f’idejhom? Jista’ jgħid x’ser jiggwadanja l-poplu Malti minn dan l-arranġament? Dan l-arranġament jista’ jwassal għall-monopolju? L-oqbra ser jibqgħu jinxtraw mingħand il-gvern? Jekk le, ġie stabbilit prezz? X’inhuma l-arranġamenti biex isir ir-restawr tal-monumenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-konsorzju li ngħażel sabiex jagħmel ix-xogħol meħtieġ fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata huwa CampoSanto JV.
Dan se jwassal sabiex issir estenzjoni ta’ 2,880 qabar kif ukoll ammont sostanzjali ta’ restawr tal-binjiet li hemm fiċ-ċimiterju u li ghandhom ukoll preġju storiku. L-immaniġġjar tal-operat taċ-ċimiterju se jgħaddi f’idejn l-istess konzorju. Dan se jwassal għal immaniġġjar aħjar tar-riżorsi.
L-oqbra qegħdin u se jibqgħu jinxtraw mingħand il-Gvern billi ssir applikazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali. Il-prezz tal-oqbra ġie stabbilit fl-2016 meta nħareġ l-AL 425/2016.
Bħala parti mill-proċess sabiex jiġi elenkat dak kollu li se jkun kopert minn dan il-proġett, inkiteb ukoll Restoration Method Statement li serva kemm sabiex joħorgu l-permessi meħtieġa u wkoll sabiex jelenka x-xogħol kollu ta’ restawr li se jsir.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3578 u 4075, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta bdiet tingħata l-mediċina b'xejn lill-pazjenti tal-Epatite C?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li fil-jiem li għaddew tnieda l-Pjan Nazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Epatite C mill-Gżejjer Maltin, din il-ġimgħa stess inbeda t-trattament mediku b’xejn tal-pazjenti bl-Epatite C.
Filfatt sa issa, fl-ewwel ġimgħa, diġà nbeda l-proċess ma’ 25 pazjent. Il-pjan huwa li l-pazjenti kollha li llum nafu li għandhom l-Epatite C f’Malta u Għawdex jingħataw trattament fi żmien sentejn.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3578 u 4075, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-1000 pazjent li għandhom l-Epatite C, kemm hemm pazjenti li ngħataw il-mediċina b'xejn minn Frar 2018 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal misoqsija parlamentari 6210.
Deputat Prim Ministru u Minisru għas-Saħħa — direct orders
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – persuni b’diżabilità — ħaddiema
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Djar għal kura tal-anzjani/Sptarijiet tal-anzjani – aċċessibilità għal persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet għandhomx xi pjanijiet sabiex jaraw kif se jnaqqsu t-tbatija ta’ persuni anzjani u persuni b’diżabilità sabiex meta dawn imorru jżuru lil qrabathom li jkunu f’xi istituzzjoni jew f’xi dar għall-kura tal-anzjani jew xi sptar tal-anzjani jew f’xi sptar ieħor fuq bażi permanenti jew long term u jkollhom jagħmlu dan permezz tat-trasport pubbliku u peress li huwa fatt magħruf li persuni anzjani ta’ ċertu età u persuni li jkollhom ċertu bżonnijiet speċjali li jkollhom iżuru lil xi qarib tagħhom f’xi istituzzjoni jew sptar fuq bażi regolari u jkollhom jużaw it-trasport pubbliku sabiex jagħmlu dan, ibatu ħafna minħabba l-iskariġġ li jkollhom jgħaddu minnu sabiex jitraġittaw bit-trasport pubbliku, jistgħu l-awtoritajiet jieħdu in konsiderazzjoni li tiddaħħal xi forma ta’ skema li permezz tagħha dawn il-persuni jiġu megħjuna sabiex ma jibqgħux ikunu sforzati jużaw it-trasport pubbliku sabiex imorru jaraw lill-qrabathom fl-isptarijiet jew djar tax-xjuħ u minflok jiġu provduti bi transport alternattiv li jkun aktar komdu għalihom u fih anqas skariġġ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ngħata bidu għal eżerċizzju biex bl-involviment tal-privat b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Gvern se ntejbu b’mod sinifikanti s-servizz tat-trasport għall-anzjani li jkollhom bżonn kura bħala out-patients. Dan is-servizz se jkun wieħed aktar individwalizzat għall-anzjan u membru tal-familja tiegħu. Is-servizz se jibqa’ jingħata b’xejn.
Qasam tas-saħħa mentali – ħlas lil GPs għas-servizz li jagħtu lil pazjenti bi problema ta’ saħħa mentali fil-komunità
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32420 tal-Leġiżlatura XII, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet mal-istake holders sabiex tissaħħaħ l-iskema fejn tobba privati jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali fil-komunità għas-spejjeż tal-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa evalwa l-proġett pilota ta’ servizz għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali mogħti minn tobba tal-familja fil-privat imħallsa mill-Gvern. Il-ħsieb tal-Gvern hu li jżomm u fil-fatt li jestendi din l-iskema.
Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid meta biħsiebu jibqa’ jagħti b’xejn il-continuous blood glucose monitors lill-pazjenti, speċjalment tfal, b’type 1 diabetes, li jkollhom bżonn jittaqqbu diversi drabi kuljum biex jippruvaw l-ammont ta’ zokkor fid-demm u meta dawn il-continuous blood glucose monitoring huma non invasive u permezz ta’ patch li jwaħħlu mal-ġilda, mingħajr il-ħtieġa li jittaqqbu, jkunu jafu mhux biss kemm hu l-livell taz-zokkor fid-demm, imma anki f’liema direzzjoni sejjer il-livell taz-zokkor fid-demm hekk hux nieżel u allura jista’ jkunu f’riskju ta’ hypoglycemia jew tiela’ w allura jista’ jkun hemm riskju ta’ hyperglycemia u allura b’din l-informazzjoni jkunu jistgħu jevitaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li jistgħu jkunu perikolużi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Continuous Blood Glucose Monitoring hija wegħda elettorali ta’ dan il-Gvern fil-qasam tas-saħħa. Id-Dipartiment għas-Saħħa qiegħed jindirizza t-titjib fil-kura tad-dijabete skont pjan nazzjonali tad-dijabete fuq medda ta’ ħames snin. Fil-fatt il-punt tat-tluq fil-ġlieda kontra d-dijabete kien it-tnedija tal-Politika Nazzjonali għad-Dijabete li tnediet fl-2016. Pjan li wassal għall-introduzzjoni ta’ diversi servizzi u trattamenti. Fost l-akbar proġetti f’din l-istrateġija hemm l-introduzzjoni ta’ sticks u monitors b’xejn biex pazjenti bid-dijabete jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor fid-demm.
Madwar 14,000 pazjent diġà qegħdin jibbenefikaw minn din l-iskema, filwaqt li 8,000 pazjent ieħor bdew jew se jkunu qegħdin jibbenefikaw matul din is-sena. Permezz ta’ dan is-servizz, il-Ministeru tas-Saħħa se jkun qiegħed iqassam b’xejn madwar 16-il miljun stikka għad-dijabete.
Barra minn hekk 1,500 pazjent qiegħed jibbenefika mill-introduzzjoni ta’ mediċini ġodda fuq il-formularju tal-Gvern.
Fl-aħħar xhur infetħet ukoll sala fl-Isptar Mater Dei li tispeċjalizza fi problemi fis-saqajn kawża tad-Dijabete. Huwa stmat li madwar 1,000 pazjent fis-sena se jkun qed jagħmel użu minn din is-sala.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid kemm hemm community mental health clinics fil-komunità? Meta nfetħu? X’inhi l-catchment area ta' kull clinic?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija dik segwenti:
Lista ta’ Community Mental Health Clinics
Paola Mental Health Clinic
Cospicua Mental Health Clinic
Qormi Mental Health Clinic
Floriana Mental Health Clinic
Mtarfa Mental Health Clinic
Catchment area ta’ kull clinic
Paola Mental Health Clinic: Paola, Tarxien, Sta.Lucia, Zabbar, Marsaxlokk, Fgura, Xgħajra, Gudja, Ħal Far, Bengħajsa, Kirkop , Għajn Dwieli, Birżebbuġa, Żejtun, Għaxaq, Marsaxlokk , Tal- Barrani, Marsascala
Cospicua Mental Health Clinic: Cospicua, Vittoriosa, Senglea, Kalkara
Qormi Mental Health Clinic: Qormi, Żebbuġ, Siġġiewi
Floriana Mental Health Clinic: Valletta, Floriana, Ħamrun, St Venera, Mrieħel, Marsa, Żurrieq, Safi, Luqa, Qrendi, Kirkop, Mqabba
Mtarfa Mental Health Clinic: Rabat, Mdina, Dingli, Attard, Bidnijja, Kunċizzjoni, Mtarfa, Baħrija, Buskett, Mtaħleb, Binġemma
Day Centres għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid kemm hemm day centers għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali? Fejn qegħdin? Meta nfetħu? Kemm jattendu pazjenti f'kull day centre?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija dik segwenti:
Lista taċ-Ċentri kollha ta’ Matul il-Jum tal-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali
Zejtun Day Centre
Paola Day Centre
Cospicua Day Centre
Qormi Day Centre
Floriana Day Centre
Numru ta pazjenti li jattendu f'kull day centre
Zejtun Day Centre: 29 pazjent
Paola Day Centre : 43 pazjent
Floriana Day Centre: 49 pazjent
Qormi Day Centre: 41 pazjent
Cospicua Day Centre: 61 pazjent
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5107, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema huma dawn iż-żewġ avviżi legali u jekk effettivament daħlux fis-seħħ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru għas-Saħħa qegħdin jaħdmu fuq Avviż Legali dwar il-Provvista tal-Ikel fl-Iskejjel.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jara li b’mod immedjat jittieħdu l-passi biex drenaġġ li ilu ħiereġ xi ħamest ijiem mill-Berġa taż-Żejtun fi Triq Mater Boni Consigli Żejtun jiġi rranġat anke minħabba l-fatt li din hija l-ġimgħa tal-festa u minn din it-triq prinċipali mhux biss jgħaddu l-marċijiet imma anki l-istatwa tal-purċissjoni ta’ Santa Katarina? Billi jien infurmat li dan id-drenaġġ mill-berġa ġie rrapurtat jiem ilu mill-Pulizija, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi mmedjati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li immedjatament li wasal dan l-ilment (it-Tnejn 11/06/18) saret spezzjoni fil-Berġa taż-Żejtun u ma jirriżultax li kien ħiereġ xi drenaġġ mill-post imsemmi minnu.
B'referenza għall-kuntratt li huwa maħsub li jirregola lill-kuntrattur li se ikun qed jissupplixxi l-ikel fl-isptarijiet, jista' l-Ministru jgħid:
a. x'inhu l-kriterju li jirregola x-xiri tal-ħaxix u frott skont dan il-kuntratt;
b. x'kundizzjonijiet hemm fil-kuntratt li jistabbilixxi liema frott u ħaxix għandu jkun ta' produzzjoni lokali jew importat; u
ċ. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li qed jirregola lill-kuntrattur li qed jissuplixxi l-ikel lill-isptarijiet tal-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt konċernat, u li għadu fis-seħħ, huwa dak li kien ingħata mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista li minnu ma nbidel xejn la mill-amministrazzjoni 2013-2017 u lanqas s’issa. Il-kuntratt konċernat kien ġie estiż sas-sena 2022 ftit jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013.
Diskoteka fil-miftuħ – inkonvenjent lill-pazjenti ta’ Mount Carmel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa biex jipproteġi d-drittijiet tal-pazjenti morda b’diżordni mentali fl-Isptar ta’ Mount Carmel minħabba l-inkonvenjent li qed toħloq id-diskoteka miftuħa fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbug li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li għandu permess li jdoqq sal-4.00 am, u li qed jolqot lill-morda ta’ ċertu swali bil-ħoss esaġerat tal-mużika tad-diskoteka? Kemm ir-rapport sar lill-Pulizija? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa meta nġabret l-informazzjoni (il-Ħamis, 14/06/18) l-amministrazzjoni tal-Isptar Mount Carmel ma kien waslilha l-ebda lment dwar xi forma ta’ inkonvenjent li seta kien ikkaġunat minn ħsejjes esaġerati ta’ mużika mid-diskoteka li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6292 u jgħid x'jisimhom il-pilloli li jingħataw għall-kura tal-Hepatitis C u kemm jiswew dawn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jagħti dettalji dwar l-istrateġija li se titħaddem bil-għan li filwaqt li jkunu kkurati dawk milqutin mill-Hepatitis C, din tkun eliminata mill-pajjiż.
B’referenza għall-mistoqsjia parlamentari 5860, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min huma l-kuntratturi li jiffurmaw il-konsorzju li rebaħ it-tender għall-proġett ta' estensjoni (bini ta’ aktar oqbra) fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Konsorzju rebbieħ huwa Campo-Santo li huwa kompost minn Polidano Brothers Limited, Camray Company Limited, u Mario Tonna.
Servizzi Residenzjali għall-Persuni b'Diżabilita — Standards Nazzjonali
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6090, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ma jżommx statistika dwar spezzjonijiet għall-għarrieda fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali/Hostels? Jista’ jgħid ukoll in-numru ta’ investigazzjonijiet ta’ ilmenti li rċeviet din il-Kummissjoni matul din il-Leġiżlatura?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jirċievi medja ta’ tnax -il talba għall-assistenza/informazzjoni fil-ġimgħa. Dawk l-ilmenti li jikkonċernaw materji koperti bil-Liġi dwar is-Saħħa Mentali, jiġu ndirizzati u fejn hu possibbli tinstab soluzzjoni.
Health Care Standards Directorate – xogħlijiet imwettqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuwa x-xogħol li jitwettaq mill-Health Care Standards Directorate? Kemm ilu mwaqqaf dan id-Direttorat? Jista’ jgħid ukoll kif wieħed jista’ jikkuntattja lill-Health Care Standards Directorate f’każ ta’ ilmenti minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jgħixu f’xi Dar Residenzjali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għall-Istandards fil-Kura tas–Saħħa ġie mwaqqaf fis-sena 2007 u huwa wieħed mill-korpi regolatorji fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika. Permezz ta’ xogħol li jsir minn dan id-Direttorat tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika u tiġi spirata kura ta’ eċċellenza kif ukoll jiġu żgurati servizzi tas-saħħa siguri u ta’ kwalità għolja permezz ta’ spezzjonar strutturat, moniteraġġ u regolamentazzjoni.Id-Direttorat huwa responsabbli għal-liċenzjar ta’ sptarijiet privati u pubbliċi, djar tal-anzjani, kliniċi tal-mediċina, dentisti, postijiet tat-tatwaġġ, postijiet fejn isir titqib f’partijiet diversi tal-ġisem, laboratorji kliniċi, faċilitajiet tal-X-rays, acupuncture clinics, chiropody clinics, kliniċi tal-fiżjoterapija, faċilitajiet tas-saħħa mentali, ċentru tal-onkoloġija , faċilitajiet ta’ riabilitazzjoni, stabbiliment fejn jiġi miġbur u proċessat id-demm u stabbilimenti tat-tessuti. Fi ħdan il-website tal-imsemmi Direttorat wieħed jagħmel kuntatt permezz ta’ contact form, email jew billi jċempel fin-numri tat-telefon indikati. Kull ilment li jasal fid-direttorat u li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ liċenzjar jiġi nvestigat immedjatament.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Orthopaedic Unit – xogħol fuq bankina
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4261, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk tlestix ix-xogħol fuq il-bankina ta’ barra ħdejn il-bini tal-Orthopaedic Unit ġewwa l-iSptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid jekk inħariġx il-Compliance (Completion) Certificate għal din il-binja u jekk iva jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej il-proċess ta’ procurement rigward il-bankina ta’ barra ħdejn il-bini tal-Orthopaedic Unit ġewwa l-iSptar Ġenerali ta' Għawdex
Ordinanza dwar il-Kummissjunarji – setgħa li jagħtu ġurament
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru għas-Saħħa nkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni fil-Ministeru għas-Saħħa u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali fil-Ministeru għas-Saħħa responsabbli biex jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji jammontaw għal 38. L-entitajiet/dipartimenti li dawn l-uffiċjali huma assenjati fihom huma fid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, fl-isptar Mater Dei, fl-ispiżerija tal-Għażla tiegħek, fl-isptar Sir Anthony Mamo, fid-Dipartiment tal-Kura Primarja, fis-Servizzi tas-Saħħa Mentali u fl-isptar Ġenerali t’Għawdex.