Exports of Fuels — spjega tal-figuri maħruġ mill-NSO
Question
Jista' l-Ministru jagħti spjega tal-figura ta' €458 miljun taħt Exports of Fuels bejn Jannar u Awwissu 2011 fil-figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika meta l-importazzjoni tal-fuels għall-istess perjodu kienet €436.2 miljun?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li fid-9 ta’ Novembru, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ News Release 215/2011 fuq il-kummerċ ma’ barra minn Malta. F’din ir-release, ġiet mehmuża nota li tispjega kif kien hemm bżonn ta’ reviżjonijiet fl-ammonti ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ fuels, b’riżultat ta’ eżerċizzju li l-NSO qiegħed iwettaq. Fil-fatt, skont din ir-release (Tabella numru 4), bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, l-importazzjoni ta’ fuels kien ta’ €971.8 miljun, filwaqt li l-esportazzjoni kienet ta’ €683.2 miljun. Dawn il-figuri huma proviżorji.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, hux intitolat għall-voucher tas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29408 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ilu jirċievi cheque tal-pensjoni ta’ €104.07 għal dawn l-aħħar 25 sena meta skont riċerki li saru ġie verifikat li huwa intitolat għal aktar? Jista' jgħid għaliex wara żewġ ittri li intbagħtu lid-Dipartiment tat-Teżor, għadu bla risposta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi saru l-verifiki neccessarji fuq id-dokumentazzjoni fl-applikazzjoni oriġinali tal-individwu. Il-Pensjoni tat-Teżor ġiet maħduma fuq is-salarju ta’ watchman illi fis-sena 1986, meta l-individwu ġie medically boarded out kien jammonta għal Lm1787.00. Il-pensjoni ġiet ikkalkulata fuq is-servizz li għamel mal-gvern li kien jammonta għal-tmintax-il sena, ċioe mill-5 ta’ Frar 1968 sat-3 t’Awwissu 1986. L-individwu kien għażel pensjoni kommutata li kienet tammonta għal Lm 536.10 fis-sena u ġie ntitolat għas-somma (gratuity) ta’ Lm 2233.75.
Għaldaqstant il-pensjoni tat-Teżor li qiegħed jirċievi illum, u li tammonta għal €104.07 fix-xahar hija korretta.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-servizz tal-ilma fid-dar imma sal-lum għad ma tawhiex servizz meta din ħallset l-applikazzjoni u s-sidien l-antiki ħallsu l-kontijiet pendenti f'din id-dar? Jista' jgħid għaliex dan id-dewmien li qed jikkawża inkonvenjent għal din il-persuna peress li jista' jiskadilha l-compliance certificate?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Public Administration Collective Bargaining Unit — entitajet - taħdidiet ta' negozjati kollettivi
Question
Jista' l-Ministru jindika liema entitajiet pubbliċi, kumpaniji u aġenzija oħra huma obbligati li fit-taħdidiet tagħhom ta' negozjati kollettivi jinvolvu lill-Public Administration Collective Bargaining Unit u b'liema kriterji huwa deċiż liema entitajiet jinvolvu lill-Public Administration Collective Bargaining Unit u liema le?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Public Administration Collective Bargaining Unit — ftehim kollettiv - kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jispjega xi jkun l-involviment tal-Public Administration Collective Bargaining Unit f'entitajiet pubbliċi fejn ma jsirx ftehim kollettiv u b'liema mod il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f'dawn l-entitajiet ikun regolat u x'involviment ikollu fihom il-Public Administration Collective Bargaining Unit?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29449 u jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' ilmenti li rċeviet l-ARMS Ltd għal dawk li huma kontijiet, matul il-perjodu Lulju - Settembru 2011? Jista' jagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet kienu ġejjin dawn l-ilmenti, lokal lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' meters tad-dawl li nbidlu għall-ismart meters sal-aħħar ta' Ottubru 2011? Kemm minn dawn l-arloġġi nbidlu lokal lokal fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jindika x'beħsiebu jagħmel bl-art li sa ftit snin ilu kienet tilqa' fiha l-Marsa Shipbuilding? Mill-privatizzazzjoni tad-Drydocks ta' Bormla sal-lum, kemm-il parti jew biċċa jew biċċiet tal-medda tal-ex Marsa Shipbuilding inkriet jew inkrew lil terzi? Għal kemm żmien u b'liema prezz? Lil min?
Fiex qed tintuża l-ex Marsa Shipbuilding illum? X'makkinarju fadal fuq is-sit tal-ex Marsa Shipbuilding u kemm hu stmat illi jiswa? X'se jsir minn dan il-makkinarju? Qed issir manutenzjoni biex dan il-makkinarju jibqa' f'kundizzjoni tajba? Għaliex ftit tal-ġimgħat ilu ngħatat ordni biex il-baċir (l-uniku baċir) li hemm fl-ex Marsa Shipbuilding jerġa' jimtela' bl-ilma? Kemm sewa l-proċess biex il-baċir jerġa' jimtela' bl-ilma? X'użu sar minn dan il-baċir hekk mimli bl-ilma? Għaliex sal-lum il-baċir għadu mimli bl-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Kunsill Malti għall-Isport — għotja għall-organizzazzjonijiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29502 li oriġinarjament saret lill-Minsitru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienu l-organizzazzjonijiet sportivi, rikonoxxuti mill-Kunsill Malti għall-Isport, li bbenefikaw minn għotja ekwivalenti għal 15.25% tal-prezz tal-apparat sportiv li xtraw sabiex jgħinu fl-iżvilupp tal-atleti tagħhom? Kemm kienu jammontaw b'kollox dawn l-għotjiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-VAT sal-lum approva applikazzjoni waħda li tammonta għal €1970.91 u li għandha titħallas f’Diċembru. Hemm applikazzjoni waħda pendenti quddiem id-dipartiment bħalissa.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija fl-ewwel disa' xhur ta’ din-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment ta żewġ kuntratti lil din il-kumpanija.
Il-kumpanija tqabbdet għal xogħol relatat mal-produzzjoni ta’ konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tielet sena ta’ ħidma tal-Ministeru, u għall-iffilmjar u editjar relatat mal-organizzazzjoni tal-Konferenza tal-EuroMed għall-Ministri tal-Kummerċ u Intrapriża li saret f’Malta f’Mejju ta’ din is-sena. Iż-żewġ kuntratti ngħataw b’
direct order
u x-xogħlijiet swew €3,278.80 u €1,711.00 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li bbenefikaw mill-iskema ta' rifużjoni ta' 15.25% sa massimu ta' €150 fuq il-prezz tar-roti?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-iskema ta’ grant għar-roti mill-2008 sa Ottubru 2011 kien ta’ 2695 b’ammont ta rifużjoni totali ta €117,007.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28785 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-frott frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-produzzjoni lokali tal-frott frisk li għadda minn swieq uffiċjali matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011 kienet tammonta għal 1,622,678 kilogrammi. L-informazzjoni bejn Lulju u Settembru għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, sentejn ilu kienet bagħtet lura ċ-ċekk ta' darba tal-enerġija peress li kien fuq żewġha issa mejjet, u din qatt ma rċeviet lura dan iċ-ċekk fuq isimha u dan minkejja li mliet il-formoli kollha? X'inhi r-raġuni għaliex l-istess kont tad-dawl għadu fuq żewġha minkejja li mliet formola għal dan il-għan?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28787, 27767 u 27609 u jgħid kemm kien in-numru ta' stabbiliment kummerċjali li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2011 għal dawk li huma l-kontijiet kummerċjali? Kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali li trid titħallas mill-komunità in kwestjoni biex tkun konformi mal-kontijiet attwali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ stabbilimenti kummerċjali li għandhom kontijiet pendenti minn Jannar sa Ġunju 2011 huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tqum is-sewage treatment plant f'Ta' Barkat, Xgħajra? Kemm kienet l-istima oriġinali ta' dan l-impjant?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ fix-Xgħajra ġie jiswa €63.46 miljun, VAT eskluż. L-istima oriġinali tal-proġett kienet tammonta għal € 62.38 miljun, VAT eskluż.
Mellieħa — inħawi tat-Tomna - żviluppi partikulari
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari għal dawk li huma l-pjanijiet marbuta maż-żona industrijali li kienet ippjanata li tinbena fl-inħawi tat-Tomna, il-Mellieħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Expression of Interest li kienet imsemmija f’mistoqsija parlamentari 25476, ġiet ippublikata u għalqet nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru u bħalissa qed jiġu evalwati l-proposti milqugħa.