Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel tal-knisja — flus bl-arretrati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm akkumulaw arretrati mis-sena skolastika 1999-2000 sas-sena skolastika 2009-2010, sena b'sena li l-gvern għandu jagħti lill-iskejjel tal-knisja? Għaliex akkumulaw dawn l-arretrati kollha? Meta hemm il-ħsieb li jitħallsu? Kemm minnhom se jitħallsu minn flus ivvotati fl-edukazzjoni fil-Budget 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ammont ta arretrati akkumulati lill-iskejjel tal-knisja mis-sena skolasika 1999-2000 sa 2009-2010 huwa ta’ 2003 - € 2,325,557.88 2004 - € 1,749,575.33 2005 - € 1,089,073.45 2006 - € 78,571.98 2007 - € 29,389.33 2008 - € 1,502,482.00 2009 - € 1,364,758.00 2010 - € 107,000.00 ( projected arrears till end 2010) Totali - € 8,246,407.97 Hemm arretrati li għad trid isir rikonċiljazzjoni tal-ammonti dovuti. Meta ssir ir-rikonċiljazzjoni, jiġi miftiehem il-ħlas tal-arretrati.

Financial Estimates

Question

B'referenza għal dak li hemm imniżżel fil-Financial Estimates 2011 li għadhom kemm tressqu, tista' l-Ministru tispjega fuq liema proġetti u programmi ġew minfuqa inqas flus fil-qasam edukattiv minn dawk approvati għall-budget ta' din is-sena kif jingħad dwar in-nefqa kapitali f'pagna 29 li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament. Tista' tispjega f'iżjed dettal dak li hemm imniżżel fi Statement C, appendiċi mad-diskors tal-Budget fuq din in-nefqa kapitali inqas fejn jgħid: "Ġew approvati €51.1 miljun u ntnefqu €42.2 miljun (€8.8 miljun inqas) mistennija nefqa inqas mill-istima oriġinali, primarjament taħt il-Programmi tal-Fondi Strutturali 2007 - 2013, il-fakultà tal-ICT tal-Università ta' Malta u r-restawr tal-Forti Sant Anglu? Kemm flus kellhom jintefqu mill-Fondi Strutturali u fuq liema progetti jew programmi? Kemm kellu jintefaq fuq il-Fakulta' tal-ICT ta' l-Università u ma ntnefqux u għaliex ma ntnefqux il-flus approvati? Kemm kellu jintefaq fuq ir-restawr ta' Sant Anglu u l-għala ma ntnefaqx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba dwar l-Universita’, l-MCAST u Edukazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward in-nefqa fuq ir-restawr ta’ Sant Anglu nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

ITS — ħlas lil għalliem

Question

Peress li fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19118 fejn staqsejt dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħallem fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi kont għidt li l-evalwazzjoni tax-xogħol u l-proġett in kwistjoni għadu għaddej u l-pagament rispettiv jsir immedjatament hekk kif jsiru l-verifiki neċessarji, jien infurmat li dan il-proċess għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar, u peress li issa għadda l-aħħar tax-xahar imsemmi u l-ħlasijiet baqgħu ma ħarġux, tista' l-Ministru tara li joħorġu l-ħlasijiet dovuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru l-verifiki neċessarji il-pagament relattiv għandu jintbgħat fil-ġranet li ġejjin.

Teachers & Parents Fusion ESF Project Tender — ECDL courses and certification

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 20248 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa qed tiġi riferuta lilha u tagħti din l-informazzjoni dwar it-Teachers & Parents Fusion ESF Project Tender - ECDL Courses & Certification: a) kemm kien il- budget oriġinali għal din it- tender ; b) kemm applikaw ġenituri, teachers u studenti u kemm fil-fatt attendew; ċ) min huma in-nies, u minn liema dipartiment ġejjin, li qed jimmaniġjaw il-proġett għan-nom tal-Ministeru u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni; d) kemm fil-fatt se jiġi jqum il-kuntratt li ġie ffirmat u x'kienu s-savings vis-à-vis l-budget oriġinali; e) jista' jgħid jekk dawn is-savings hux se jiġu utilizzati biex jidħlu applikanti oħra, inkluż teachers, li jistgħu jkunu interessati f'dawn il-courses; f) x'qed iżomm lill-Ministeru li joħroġ call oħra jekk il-flus li ġew ibbagitjati oriġinarjament mhux se jintnefqu kollha għall-ewwel kuntratt aktar u aktar meta dawn il-flus ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-proġett li jġib l-isem: Parents and Teachers Fusion ICT Training Programme. Il-budget globali tal-Proġett kollu kien € 670,000 VAT inkluż. Dan il-budget hu maqsum f’sitt voti. 1. Tender għat-tagħlim u kiri għall-laboratorji tal-kompjuters li kien jammonta għal €494,775 VAT eskluż. 2. Tender għal Publicita’ : €24,031.34 VAT eskluż. 3. Xiri ta’ Skills Cards : €35,238.98 VAT eskluż. 4. Tender għas-servizz ta’ Child Caring : €15,365 VAT eskluż. 5. Tender għal-kiri ta’ Sala għal preżentazzjoni taċ-Ċertifikati u riċevimenti : €4,418.94 VAT eskluż. 6. Tender għal Project Management : €33,414.12 VAT eskluż. Applikaw 2,080 ruħ u 1,704 bdew il-kors. Il-proġett kellu l-għan li jilħaq 1,700 applikant. Il-proġett qed jiġi mplimentat mill-kumpanija “ Outlook Co-Op ” li rebħet it-tender għall-immaniġġjar tal-proġett kif ukoll mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning. Kif ġie indikat aktar kmieni fit-tweġiba, it-targets tal-Proġett intlaħqu u n-numru ta’ applikanti huwa dak li kien ippjanat. Il- prassi stabilita hi li l-flus li jibqa’ ma jintilfux iżda jiġu allokati għall-proġetti oħra. Ikun għaqli li wieħed jistenna sentejn oħra biex b’hekk tikber id-domanda biex jiġi organiżżat kors ieħor ta’ dan il-kalibru. Ta’ min jinnota li korsijiet għall- għalliema jsiru b’mod regolari kull sena. M’hemmx xhieda li hemm talba kbira biżżejjed biex terġa’ toħroġ ‘call’. Ta’ min isemmi li fil perjodu 2004 – 2006 kien sar training ta’ l-istess natura (ECDL) u li kellhom jgħaddu tlett snin sabiex ikun hemm konkorrenza biżżejjed biex jinbeda dan il-proġett.

Ġurnal KullĦadd

Question

Wara li l-ġurnal KullĦadd irraport li uffiċjal mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali qal lill-koppja biex jagħmlu affidavit fejn jiddikjaraw lil min ivvotaw fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, tista' l-Ministru tgħid jekk ordnatx investigazzjoni u x'irriżulta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor. Interpellant li tajt direzzjoni lill-Aġent Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali sabiex jinvestigaw internament l-allegazzjoni li saret fil-ġurnal Kullħadd. Jiena nfurmata li din l-investigazzjoni diġa’ nbdiet min-naħa tad-Dipartiment u qed nistenna l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni qabel ma jiġi deċiż x’passi ulterjuri jridu jittieħdu.

Commonwealth Scholarships

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw Commonwealth Scholarships mill-2004 sal-lum, sena b’sena? Tista' tgħid min jikkwalifika għal Commonwealth Scholarship? Tista' tgħid kif issir l-għażla tal-kandidati li jikkwalifikaw b’suċċess għal Commonwealth Scholarship?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-2004 ’il hawn ingħataw 12-il Commonwealth Scholarship, kif murija f’din it-tabella: Sena Ammont 2004 4 2005 2 2006 3 2007 2 2008 1 2009 0 Kandidat ikun eliġibbli skond ir-regolamenti mogħtija mill-Kummisjoni tal-Commonwealth lid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Bħalissa, hemm sejħa miftuħa li tagħlaq fit-13 ta’ Novembru, 2010. Ir-regolamenti jinsabu fuq il-websajt tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Malta hija mitluba li tinnomina certu ammont ta’ kandidati, li fis-sena attwali in-numru huwa tnejn. Din il-għażla issir, permezz ta’ intervista. Wara li Malta tinnomina iż-żewġ kandidati, tkun il-Kummissjoni tal-Commonwealth, li tagħmel l-għażla finali minn fost dawk innominati mill-pajjiżi kollha.

Kummissjoni nazzjonali tal-Famlija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'ħidma saret mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja minn meta twaqqfet 'l hawn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena, Il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja wetqet diversi studji u riċerki, ħarġet pubblikazzjoni, saru konsultazzjonijiet ma’ stakeholders differenti, u organizzaw seminars u konferenzi.

Kummissjoni nazzjonali tal-famlija — laqgħat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa u/jew attività saru mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Famlija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tispeċifika għal liema perjodu qegħda tirreferi.

Università tal-Famlija — Dipartiment tal-Familja - lecturing staff

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm lecturing staff fid-Dipartiment tal-Famlija, fl-Università ta' Malta u tgħid min huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dr Angela Abela Senior Lecturer fid-Dipartiment tal-Psikologija tagħti nofs il-ħin tagħha fir-rwol ta’ Direttur fiċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja. Peress li din is-sena ma kienx hemm korsijiet, m’hemmx aktar (Lecturing Staff) f’dan iċ-Ċentru.

Università ta' Malta — Dipartiment tal-Familja - intake

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-intake fid-Dipartiment tal-Familja fl-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Ottubru 2010 iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja ma offra l-ebda kors. Iżda ċ-Ċentru qed iħejji biex joffri kors ta’ Masters fl-Istudji tal-Familja.

Università ta' Malta — Dipartiment tal-Famlija - budget allokat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget allokat għad-Dipartiment tal-Famlija fl-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru jalloka €20,000 għaċ-Ċentru għall-Istudju tal-Familja filwaqt li l-Universita ta’ Malta allokat €5,500.

Awtorità tad-Djar — każ ta' tifel b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ quddiem l-Awtorità tad-Djar fejn hemm involut tifel b'diżabilità, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex jibda x-xogħol neċessarju ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni mingħand l-applikant imsemmi fit-30/9/2010, liema applikazzjoni tinsab fil-proċess preliminari tagħha.

ċensiment — povertà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk mill-aħħar ċensiment identifikatx xi lokalitajiet partikolari fejn il-poverta għolliet rasha u fid-dawl ta’ ċaqliq demografiku l-Ministru konċernat hux qed jippjana xi miżuri partikulari biex jimmitiga l-effetti u l-kawża tal-faqar moħbi, relatat u assolut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar ċensiment li sar fis-sena 2005 ma jiddentifikax l-lokalitajiet fejn hemm inċidenza ta’ faqar. Il-Pjan Nazzjonali għall-Inklużżjoni Soċjali jalloka l-bżonnijiet soċjali tas-soċjeta u jelenka l-miżuri meħtieġa.

MCAST — Facilitator

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm facilitators jaħdmu fl-iskejjel u jekk għadx hemm il-bżonn li jiddaħħlu xi facilitators ġodda biex ilaħħqu mad-domanda tal-iskejjel? Hemm facilitators impjegati fl-MCAST u kemm hemm impjgati biex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-istudenti li jirrekjedu dan it-tip ta’ servizz? Qed jittieħdu stipendju u smart card kull student li daħal fil-livell 1 – jiġifieri fil-pre foundation? Hemm xi studenti li ma ħadu l-ebda stipendju u lanqas smart cart fil-livell 1 u għaliex le? Għandha tingħata spjegazzjoni pubblika għaliex hemm studenti li qegħdin iħossuhom emarġinati minħabba deċiżjoni meħuda minn xi diretturi tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bħalissa hemm elf, tlett mija u ħamsa u disgħin (1,395) li qed jagħmlu xogħol ta’ Learning Support Assistants fl-iskejjel statali. Biex jintlaħaq in-numru meħtieġ ta’ LSAs id-Dipartiment għadu għaddej bil-proċess biex ikunu impjegati aktar. L-MCAST bħalissa għandu ħdax-il Learning Support Assistant impjegati u qiegħed fil-proċess biex jimpjega ieħor/oħra. Kull student li jidħol l-MCAST fil- Foundation Level hu suġġett għal numru ta’ tests bl-iskop li jkun stabbilit il-livell li fih ikunu rreġistrati u biex jinstab l-aħjar mod kif dawn l-istudenti jkunu jistgħu jiġu megħjuna. Dawk l-istudenti li rriżulta li kellhom bżonn aktar għajnuna kienu mpoġġija f’livell biex ikunu megħjuna skont il-bżonnijiet tagħhom. Studenti li qed jagħmlu korsijiet f’Livell 1, jiġifieri fl-istess livell taċ min qiegħed fi Klassi V tas-sekondarja, mhux meqjusa li daħlu fil-livell Post Sekondarju u allura mhux intitolati għall-istipendju.

Kuntratti ta' servizzi lill-persuni b'diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont maqsum sena b'sena ta' kemm matul dawn l-aħħar għaxar snin ingħataw kuntratti ta’ servizzi lill-persuni b’dizabilita’ intellettwali lill-aġenzji jew entitajiet privati mill-oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tagħti l-ammont li tħallsu taħt dawn il-kuntratti u tgħid kemm minn dawn il-kuntratti ingħataw wara sejħa pubblika għall-offerti, lil min ingħataw u kemm persuni ħadu servizzi taħt dawn il-kuntratti? Tista’ tgħid għala ma kienx hemm sejħa għall-offerti fil-kazijiet rilevanti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' ground tal-football

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux vera li area bis-siġar u li hija buffer għall-area residenzjali ta' Ħal Farruġ, fi Triq Ħal Farruġ, Luqa, se tiġi kklerjata biex jinbena ground tal-football? Tista' tgħid jekk ġewx ikkunsidrati areas oħra, fejn jista' isir dan il-ground mingħajr ma ssir ħsara lil din rokna mhix żgħira ta' siġar u li għandhom importanza kbira għal din l-area li hija mdawwra b'industrial estate, b'batching plant, scrap yard, industriji oħra u l-ajruport li bilfors joħloq emissjonijiet u b'konsegwenza inniġġsu l-arja għad-detriment tal-familji li jgħixu f'din iż-żona? Jekk ġew ikkunsidrati areas oħra, tista' tindika liema huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li beda proċess biex art f’Ħal-Farruġ tiġi assenjata għal skop sportiv wara li ġew ikkunsidrati numru ta’ siti oħra. Kull proġett li jsir fis-sit huwa suġġett ta’ approvazjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

Awtorità tad-Djar — flats skont il-liġi tal-Kondominju

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' flats (blokk ta' flats) li fil-fatt l-Awtorità tad-Djar hi infurmata li għandhom kuntratt tal-kondominju skont il-Liġi tal-Kondominju? Kemm minn dawn il-blokki li l-Awtorità hi nfurmata li għandhom kuntratt huma tal-gvern u kemm minnhom huma tal-privat? L-Awtorità tad-Djar twettaq xi forma ta' spezzjoni fuq dawn l-istess blokki ta' appartamenti u dwar l-istat tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar m’għandhiex informazzjoni dwar blokkijiet ta’ flats privati jew tal-Gvern li għandhom kuntratt ta’ kondominju skond il-Liġi, peress li dan isir bejn l-inkwilini. L-Awtorita’ tad-Djar tagħmel inspezzjonijiet fuq blokki mibnija u mikrija mill-istess Awtorita’ sabiex tara li l-komun jinżam fi stat xieraq u sabiex tara wkoll l-kundizzjonijiet tal-kirja qegħdin jiġu mħarsa.

qasam tal-edukazzjoni tal-mużika — ftuħ ta' kulleġġ

Question

Tista' l-Minsitru tgħid kemm-il kulleġġ hemm maħsub li jinfetħu fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika? Veru li għall-ewwel kien se jkun hemm ħdax u issa se jkun hemm għaxra? Veru li l-kulleġġ tal-performing arts li kellu jsir mhux se jsir? Jekk iva, għaliex mhux se jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’ issa m’hemmx pjani biex jinfetħu kulleġġi fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika. Milli jidher l-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni skoretta.

skola tal-mużika — għalliema mingħajr telefon

Question

Tista’ l-Ministru tara jekk hux veru li fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika tal-iskola tal-mużika f’Malta l-għalliema kellhom jikkuntattjaw lill-istudenti tagħhom bil-mobile tagħhom stess biex jgħidulhom fejn se jsiru l-lezzjonijiet għax lanqas telefon ma kellhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm problema teknika waqt it-trasferiment ta’ l-istess numru tat-telefon mill-binja tal-iSkola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq l-Ifran għall-post temporanja fi Triq it-Tramuntana fil-Belt stess. Madankollu, l-amministrazzjoni tal-iskola ma mponiet fuq ebda għalliem/a biex iċempel lill-istudenti minn fuq il-mobajl personali. Li ġara hu, bħal ma kien hemm xi każijiet fil-passat, li l-istudenti u l-għalliema jikkomunikaw b’sms dwar id-data u l-ħin tal-lezzjoni. L-amministrazzjoni tal-iskola qatt ma għamlet xi forma ta’ restrizzjoni biex l-għalliema ma jużawx il-mezzi ta’ komunikazzjoni disponibbli fl-iskola, nkluż it-telefon, biex jiġu infurmati l-istudenti.